X’Tgħallimna n-Natura?
“Staqsi, jekk jogħġbok, lill-annimali domestiċi, u jgħallmuk; ukoll lill-ħlejjaq bil-ġwienaħ tas-smewwiet, u jgħidulek. Jew uri interess fl-art, u din tgħallmek; u l-ħut tal-baħar ixandrulek.”—ĠOB 12:7, 8.
F’DAWN l-aħħar snin, ix-xjentisti u l-inġiniera tgħallmu ħafna mill-pjanti u l-annimali. B’dak li qed jitgħallmu qed jimpruvjaw prodotti li diġà jeżistu jew qed jagħmlu oħrajn ġodda. Meta taqra l-eżempji li ġejjin, saqsi lilek innifsek, ‘Min ħalaq dawn l-affarijiet u min għandu jiġi mfaħħar għalihom?ʼ
X’Nistgħu Nitgħallmu mill-Ġwienaħ tal-Balena?
Dawk li jiddisinjaw l-ajruplani jistgħu jitgħallmu ħafna mill-humpback whales. Meta tikber, din il-balena tiżen madwar 30,000 kilo jew daqs trakk kbir mgħobbi. Il-ġisem tagħha mhuwiex flessibbli u għandha ġwienaħ kbar ħafna. Avolja din il-balena twila 12-il metru, xorta tgħum b’mod faċli ħafna taħt l-ilma. Pereżempju, biex tiekol, hi toqgħod iddur taħt il-ħut li qed tipprova taqbad u fl-istess ħin tagħmel il-bżieżaq. Dawn il-bżieżaq jagħmlu bħal xibka li jżommu l-ħut mal-wiċċ tal-ilma, imbagħad il-balena tkun tistaʼ tikolhom.
Ix-xjentisti ma setgħux jifhmu kif annimal daqshekk kbir kapaċi jdur fi spazju żgħir. Huma sabu li l-baleni jistgħu jgħumu hekk minħabba l-forma tal-ġwienaħ tagħhom. It-truf tal-ġwienaħ tagħhom mhumiex lixxi imma għandhom il-ħotob.
Dawn il-ħotob jagħmluha faċli għall-balena biex tgħum ’il fuq. Kif? Artiklu jispjega li minħabba dawn il-ħotob, l-ilma jkun jistaʼ jdur mal-ġwienaħ u jagħmilha faċli biex il-balena titlaʼ fil-wiċċ tal-ilma. Kieku t-tarf tal-ġwienaħ kien lixx, dan ma kienx ikun possibbli.
Dan kif jistaʼ jgħin lix-xjentisti? Kieku l-ġwienaħ tal-ajruplani jiġu ddisinjati fuq il-ġwienaħ tal-humpback whale, se jkunu iżjed sempliċi, safe u jkunu iżjed faċli biex jieħdu ħsiebhom. L-espert John Long jgħid li dalwaqt kull ajruplan se jkollu l-ġwienaħ bil-ħotob bħal tal-humpback whale.
L-Inġiniera Kif Qed Jikkopjaw il-Ġwienaħ tal-Gawwi?
Ġa nafu li l-ġwienaħ tal-ajruplani huma ddisinjati fuq il-ġwienaħ tal-għasafar. Imma issa l-inġiniera qed isibu modi ġodda taʼ kif jikkopjaw il-ġwienaħ tal-għasafar. Rivista tax-xjenza tgħid li xi studjużi fl-Università taʼ Florida, pruvaw jikkopjaw kif itir il-gawwi. Huma għamlu drone li jistaʼ jtir fl-istess post u anke jitlaʼ u jinżel fl-arja malajr.
Il-gawwi kapaċi ħafna biex itir għax jistaʼ jgħawweġ ġwinħajh mill-minkeb u minn spallejh. Ir-rivista tkompli tispjega li l-ġwienaħ tad-drone jaħdmu bħal dawk tal-gawwi. Dawn il-ġwienaħ jagħmluha possibbli biex id-drone jibqaʼ jtir fl-istess post u jinżel bejn il-bini. Xi organizzazzjonijiet militari jixtiequ jkollhom drone bħal dan biex ifittxu armi partikolari fi bliet kbar.
X’Nitgħallmu mis-Saqajn tal-Wiżgħa?
Nistgħu nitgħallmu ħafna mill-annimali tal-art. Pereżempju, wiżgħa żgħira jisimha gecko tistaʼ titlaʼ mal-ħajt u żżomm mas-saqaf. Anke fiż-żminijiet tal-Bibbja, il-wiżgħa kienet magħrufa li kapaċi tagħmel dan. (Proverbji 30:28) Din il-wiżgħa kif taf tagħmel dan?
Din il-wiżgħa għandha xagħar żgħir maʼ saqajha li jgħinha biex teħel maʼ postijiet lixxi bħall-ħġieġ. Is-saqajn tal-gecko ma jagħmlux kolla. Minflok, saqajha u fejn tkun qed timxi jeħlu flimkien. Ovvjament, aħna ma nistgħux nagħmlu bħalha, imma l-ħafna xagħar li l-gecko għandha ma’ saqajha jagħmilha possibbli biex teħel mal-ħajt jew is-saqaf.
Illum, saqajn il-gecko kif jistgħu jiġu kkopjati? Ix-xjentisti sabu li jistgħu jikkopjaw il-gecko biex jagħmlu materjal li jintuża minflok il-velkro.a Riċerkatur jgħid li dan il-materjal jistaʼ jgħin ħafna lit-tobba biex jagħlqu feriti meta ma jkunux jistgħu jużaw prodotti bil-kimika.
Lil Min Għandna Nfaħħru?
Organizzazzjoni jisimha NASA għamlet robot li jimxi bħal skorpjun, u fil-Finlandja għamlu trakter bħal insett li jistaʼ jimxi fuq affarijiet kbar. Xi xjentisti għamlu materjal li jiftaħ u jagħlaq biex l-umdità tidħol u toħroġ bħalma tagħmel il-pinecone. Kumpanija li tagħmel il-karozzi qed tipprova timita ħuta partikolari jisimha boxfish biex tagħmel karozza li timxi b’inqas reżistenza mir-riħ. Riċerkaturi oħra qed jipprovaw jifhmu kif l-abalone shells huma tant b’saħħithom. Huma jixtiequ jikkopjawhom biex ikunu jistgħu jagħmlu ħwejjeġ eħfef u iżjed b’saħħithom ħalli jipproteġu lis-suldati.
Ir-riċerkaturi tant tgħallmu min-natura li għamlu lista elettronika. Fiha hemm ħafna informazzjoni dwar annimali u pjanti differenti u kif jaħdmu. Rivista tgħid li x-xjentisti jistgħu jfittxu l-informazzjoni f’din il-lista biex isibu soluzzjonijiet tajbin. Din l-informazzjoni dwar l-annimali u l-pjanti nistgħu nqabbluha ma’ trademark. Normalment, meta xi ħadd joħloq xi ħaġa għall-ewwel darba, hu jirreġistraha biex b’hekk in-nies ikunu jafu li hu vvintaha. Ix-xjentisti jgħidu li għandna nirringrazzjaw lin-natura għal dawn l-invenzjonijiet.
In-natura minn fejn ġabet dawn l-ideat kollha? Ħafna riċerkaturi jaħsbu li dawn ġew b’kumbinazzjoni wara miljuni taʼ snin t’evoluzzjoni. Imma riċerkaturi oħra ma jaqblux magħhom. Fl-2005 f’The New York Times, ix-xjentist Michael Behe kiteb: “Meta nħarsu lejn in-natura, nistgħu naraw kemm l-affarijiet huma ċari. Jekk għasfur jimxi u jagħmel ħoss taʼ papra, aħna nkunu ċerti li hu papra. Bl-istess mod, meta naraw dawn l-affarijiet tal-għaġeb fin-natura, se nkunu ċerti li hemm xi ħadd li għamilhom.”
Jekk xi ħadd jagħmel ġwienaħ t’ajruplan, faxex, ħwejjeġ, jew karozza aħjar, żgur jixraqlu jiġi mfaħħar. Imma jekk tikkopja xi ħaġa mingħajr ma turi li xi ħadd diġà għamilha qabel, tkun qisek qed tisraq.
Jagħmel sens li ngħidu li l-affarijiet sbieħ li x-xjentisti jippruvaw jikkopjaw ġew mix-xejn? Jekk xi ħadd intelliġenti hu kapaċi jikkopja xi ħaġa, ara kemm hu iżjed intelliġenti min għamel l-oriġinali. Allura min għandu jiġi mfaħħar, il-persuna li kkopjat jew min għamel l-oriġinali?
Għal Liema Konklużjoni Nistgħu Naslu?
Meta n-nies jaraw kif inhuma magħmulin l-affarijiet fin-natura, huma jaqblu mas-salmista li kiteb: ‘Ħafna huma xogħlijietek, O Ġeħova! Kollha bl-għerf għamilthom. L-art mimlija b’dak li pproduċejt.’ (Salm 104:24) L-appostlu Pawlu qal xi ħaġa simili. Hu kiteb: “Il-kwalitajiet inviżibbli tiegħu, jiġifieri, il-qawwa eterna u d-Divinità tiegħu, kienu jidhru ċar mill-ħolqien tad-dinja ’l quddiem, għax jintgħarfu mill-affarijiet li nħolqu.”—Rumani 1:20.
Ħafna nies li jirrispettaw il-Bibbja u jemmnu f’Alla xorta jaħsbu li uża l-evoluzzjoni biex joħloq kollox. Imma l-Bibbja x’tgħallimna?
[Nota taʼ taħt]
a Il-velkro huwa materjal li jwaħħal. Dan hu kkopjat fuq iż-żerriegħa tal-pjanta burdock.
[Kumment]
In-natura kif setgħet toħroġ b’ideat daqshekk tajbin?
[Kumment]
Min ħalaq in-natura kollha?
[Kaxxa/Stampi]
Jekk biex tikkopja xi ħaġa trid tkun intelliġenti, kemm hu iżjed intelliġenti min għamel l-oriġinali?
Dan l-ajruplan hu kkopjat fuq il-ġwienaħ tal-gawwi
Saqajn il-gecko ma jitħammġux u ma jħallux passi. Hi tistaʼ żżomm maʼ kollox minbarra maʼ materjal jismu Teflon. L-istudjużi qed jippruvaw jikkopjawha
Il-mod kif inhi ddisinjata din il-karozza huwa kkopjat mill-boxfish
[Sorsi]
Airplane: Kristen Bartlett/University of Florida; gecko foot: Breck P. Kent; box fish and car: Mercedes-Benz USA
[Kaxxa/Stampi]
INTELLIĠENTI BL-ISTINT
Ħafna annimali huma kapaċi jmorru minn post għal ieħor mingħajr ma jintilfu għax jużaw l-istint. (Proverbji 30:24, 25) Ejja naraw żewġ eżempji.
◼ Kif Jagħmlu t-Toroq in-Nemel Meta n-nemel joħroġ biex ifittex l-ikel, kif isib it-triq lura lejn il-bejta? Xi xjentisti fl-Ingilterra sabu li n-nemel iħalli riħa partikolari fejn jimxi. Sabu wkoll, li biex isib it-triq lura lejn il-bejta malajr, hu jagħmel passaġġi. Pereżempju, nemel partikolari, meta joħroġ mill-bejta jagħmel passaġġi differenti. Magazine jispjega, li dawn il-passaġġi jagħmilhom b’angoli partikolari. Dan hu impressjonanti ħafna, għax meta n-nemel irid imur lura lejn il-bejta, hu jsib passaġġ faċli. Id-disinn taʼ dawn il-passaġġi jagħmilha iżjed faċli għan-nemel biex jidħol u joħroġ mill-bejta mingħajr ma jintilef.
◼ Kif Ipassu l-Għasafar Meta l-għasafar jivvjaġġaw minn pajjiż għal ieħor, huma jtiru distanzi twal u f’kull tip taʼ temp mingħajr ma jintilfu. Kif jirnexxilhom? Xi xjentisti sabu li l-għasafar jistgħu jħossu l-magnetic field. Imma magazine jispjega li l-magnetic field dejjem tinbidel u mhux dejjem tipponta lejn l-istess post. Allura l-għasafar kif ma jintilfux? Biex ma jintilfux, huma joqogħdu attenti għall-pożizzjoni tax-xemx. Minkejja li matul is-sena x-xemx tbiddel il-pożizzjoni tagħha, milli jidher huma jkunu jafu f’liema parti tas-sena qegħdin. Huma jużaw dawn iż-żewġ affarijiet biex ikunu jafu fejn iridu jmorru.
Min għallem lin-nemel kif għandu jagħmel il-passaġġi? Min għallem l-għasafar kif isibu fejn iridu jmorru? L-evoluzzjoni mingħajr intelliġenza jew Ħallieq intelliġenti?
[Sors]
© E.J.H. Robinson 2004