ĠIE DISINJAT?
Il-Ġewnaħ tal-Balena tal-Ġwienaħ Kbar
IL-BALENA tal-ġwienaħ kbar (Humpback Whale) adulta hi ikbar u itqal minn xarabank. Iżda xorta waħda, dan il-mammal kolossali għandu aġilità liema bħalha meta jogħdos u jdur. Din il-balena kif tistaʼ tkun daqshekk ħafifa? Is-sigriet qiegħed fil-ħotob li għandha fuq ġwinħajha.
Ikkunsidra: Il-biċċa l-kbira tal-baleni u annimali simili oħrajn għandhom it-tarf taʼ quddiem tal-ġwienaħ tagħhom lixx. Però, dak tal-balena tal-ġwienaħ kbar hu differenti. Fuq it-tarf taʼ quddiem tal-ġwienaħ tagħha, din għandha ħotob (li jissejħu tuberkoli) ikbar minn dawk taʼ baleni oħra. Waqt li l-balena tgħum, l-ilma jgħaddi minn fuq dawn il-ħotob u jifforma viżibilju taʼ vortiċi. Il-ħotob joforqu l-ilma u joħolqu l-kurrenti fih. L-effett li dawn il-ħotob ikollhom fuq l-ilma hu li jagħtu spinta ’l fuq lill-balena u jippermettulha ddawwar il-ġwienaħ f’angolu kbir mingħajr ma jġegħluha tieqaf. Ukoll, f’angoli kbar, dawn il-ħotob inaqqsu r-reżistenza tal-ilma—benefiċċju importanti għall-ġwienaħ twal taʼ din il-balena. Kull ġewnaħ hu twil terz taʼ ġisimha.
Ir-riċerkaturi qed japplikaw din l-idea biex jiddisinjaw tmunijiet tad-dgħajjes, turbini tal-ilma, imtieħen, u skrejjen tal-ħelikopters iktar effiċjenti.
Int x’taħseb? Il-ġewnaħ tal-balena tal-ġwienaħ kbar ġie bl-evoluzzjoni? Jew ġie disinjat?