Ħarsa Lejn id-Dinja
◼ In-New World Translation of the Holy Scriptures sħiħa hija disponibbli bi 43 lingwa u bi 3 lingwi tal-Braille; It-Traduzzjoni tad-Dinja l-Ġdida taʼ l-Iskrittura Griega hija disponibbli bi 18-il lingwa oħra u b’lingwa waħda tal-Braille. B’seħħ minn Lulju 2007, l-istampar totali kien taʼ 143,458,577 kopja.
◼ L-eqdem test tal-Bibbja magħruf li għadu jeżisti huwa l-hekk imsejjaħ Barka tal-Qassis taʼ Numri 6:24-26. Dan kien instab imnaqqax fuq żewġ amuleti tal-fidda, imremblin bħal skrolli, li jmorru lura għas-sebaʼ jew is-sitt seklu Q.E.K.—BIBLICAL ARCHEOLOGY REVIEW, STATI UNITI.
◼ B’seħħ mill-31 taʼ Diċembru, 2006, in-numru taʼ lingwi u djaletti li ġew reġistrati bħala li fihom il-pubblikazzjoni taʼ mill-inqas ktieb wieħed tal-Bibbja kien taʼ 2,426—żjieda taʼ 23 fuq is-sena taʼ qabel.—GĦAQDA SOĊJETAJIET TAL-BIBBJA, BRITANNJA.
◼ Madwar 28 fil-mija mill-Amerikani jqisu l-Bibbja bħala “l-kelma proprja t’Alla . . . li għandha tittieħed b’mod letterali,” 49 fil-mija bħala “l-kelma ispirata t’Alla iżda mhux kulma hemm fiha jrid jittieħed f’sens letterali,” u 19 fil-mija bħala “ktieb tal-ħrejjef.”—GALLUP NEWS SERVICE, STATI UNITI.
L-Eqdem Bibbja biċ-Ċiniż?
“L-eqdem dokumentazzjoni dwar traduzzjoni tal-Bibbja Ebrajka biċ-Ċiniż tinstab fuq stela tal-ġebel [xellug] li tmur lura għas-sena 781 EK,” jgħid l-istudjuż Yiyi Chen mill-Università taʼ Peking. Il-ġebla, imwaqqfa mill-Kristjani Nestorjani, instabet fil-belt taʼ Xi’an fl-1625. “L-isem Ċiniż taʼ l-istela huwa tradott formalment bħala ‘It-Tifkira tat-Tixrid tar-Reliġjon taʼ Tidwil mid-Daqin fiċ-Ċina’ (. . . Daqin kien it-terminu Ċiniż għall-Imperu Ruman),” jispjega Chen. “Fost l-ittri fuq l-istela, insibu espressjonijiet biċ-Ċiniż bħal ‘kanoni veri’ u ‘traduzzjoni tal-Bibbja.’”
[Stampa Credit Line f’paġna 30]
© Réunion des Musées Nationaux/Art Resource
Teżor minn Marsa
Fl-2006, xi ħaddiema li kienu qed iħaffru f’marsa fl-Irlanda skoprew ktieb tas-Salmi li huwa maħsub li jmur lura għat-8 seklu E.K. Il-manuskritt bil-Latin, wieħed mill-ftit li għadhom jeżistu mill-era tiegħu, huwa meqjus bħala teżor. Fih hemm bejn wieħed u ieħor 100 paġna tal-parċmina fina li huma taʼ kwalità tajba ħafna u li għadhom illegati kif kienu oriġinalment. “Il-fdalijiet taʼ saff taʼ tapit li jgħatti u basket tal-ġilda jindikaw li l-ktieb tas-Salmi kien ġie moħbi bi skop, forsi biex jinżamm protett minn attakk mill-Vikingi li seħħ 1,200 sena ilu,” tgħid The Times taʼ Londra. Għalkemm il-paġni weħlu flimkien u tmermru xi ftit, l-esperti huma fiduċjużi li se jkunu kapaċi jifirduhom u jippreservawhom.
Trakkijiet Mimlijin Storja
Rapporti jgħidu li xi arkeoloġi li kienu qed jgħarblu l-ħamrija li kienet fi trakkijiet u li nġabret mis-sit tat-tempju f’Ġerusalemm, ġabru eluf t’artefatti li jmorru lura miż-żminijiet taʼ qabel l-Iżraelin saż-żminijiet moderni. Fosthom kien hemm ponta taʼ vleġġa bħal dawk li kienu jintużaw mill-armata taʼ Nabukodonosor, li qered l-ewwel tempju Lhudi f’dan is-sit. L-iktar sejba interessanti kienet siġill tat-tafal, li jmur lura għas-sebaʼ jew is-sitt seklu Q.E.K. li jingħad li fuqu għandu l-isem Ebrajk Gedalyahu Ben Immer Ha-Cohen. Skond l-arkeologu Gabriel Barkai, sidu “setaʼ kien ħu Pasħur Bin Immer, deskritt fil-Bibbja [Ġeremija 20:1] bħala qassis u uffiċjal tat-tempju.”