Ġrajja Sinjifikanti Għal Dawk Li Jħobbu l-Kelma t’Alla
Fl-1998 seħħet ġrajja sinjifikanti ferm għal dawk kollha li jħobbu l-Kelma t’Alla. Matul dik is-sena, ġiet pubblikata l-100 miljun kopja tan-“New World Translation of the Holy Scriptures.” B’hekk, din saret waħda mill-iktar Bibbji mqassmin li ġew stampati f’dan is-seklu!
DIN il-biċċa xogħol taʼ ħila kbira hija taʼ l-għaġeb partikolarment minħabba l-fatt li malli ġiet pubblikata, din it-traduzzjoni kienet suġġetta għal kritika ħarxa. Madankollu, din mhux biss baqgħet teżisti imma talli fjorixxiet, u issa tinstab f’miljuni taʼ djar—u qlub—madwar id-dinja kollha! X’inhi l-oriġini taʼ din it-traduzzjoni unika? Min hemm warajha? U int kif tistaʼ tibbenefika jekk tużaha?
Għala Traduzzjoni Ġdida?
Għal iktar minn mitt sena, il-Watch Tower Bible and Tract Society, l-aġenzija legali li tirrappreżenta lix-Xhieda taʼ Jehovah, qassmet ħafna Bibbji. Iżda x-Xhieda taʼ Jehovah għala raw il-ħtieġa li jipproduċu verżjoni oħra tal-Kelma t’Alla? Il-ktieb So Many Versions?, minn Sakae Kubo u Walter Specht, jagħmel din l-osservazzjoni: “L-ebda traduzzjoni tal-Bibbja ma tistaʼ qatt tiġi kunsidrata bħala finali. It-traduzzjonijiet iridu jlaħħqu maʼ l-iżvilupp progressiv fit-tagħlim bibliku u mal-bidliet fil-lingwa.”
Dan is-seklu ra żvilupp konsiderevoli fil-fehma taʼ l-Ebrajk, tal-Grieg, u taʼ l-Aramajk—il-lingwi li bihom inkitbet oriġinalment il-Bibbja. Barra minn hekk, ġew skoperti manuskritti tal-Bibbja li huma eqdem u iktar eżatti minn dawk użati mill-ġenerazzjonijiet preċedenti taʼ tradutturi tal-Bibbja. Għaldaqstant, illum il-Kelma t’Alla tistaʼ tiġi tradotta b’iktar eżattezza minn qatt qabel! Mela mhux taʼ b’xejn li ġie fformat il-Kumitat tat-Traduzzjoni tal-Bibbja New World sabiex jidħol għat-traduzzjoni tal-Bibbja fil-lingwi moderni tal-lum.
Fl-1950 ġiet pubblikata l-verżjoni Ingliża tan-New World Translation of the Christian Greek Scriptures. It-titlu stess wera b’kuraġġ kbir li ma baqax iżomm mat-tradizzjoni, billi rrifjuta li l-Bibbja tiġi identifikata bħala li hi magħmula mit-Testment il-“Qadim” u dak “Ġdid.” Matul l-għaxar snin taʼ wara, partijiet mill-Iskrittura Ebrajka ġew pubblikati ftit ftit. Fl-1961 ġiet pubblikata f’volum wieħed il-Bibbja kollha bl-Ingliż.
Preċiżament min ittraduċieha din il-Bibbja rimarkevoli? The Watchtower tal-15 taʼ Settembru, 1950, qal: “L-irġiel li kienu jagħmlu parti mill-kumitat tat-traduzzjoni wrew ix-xewqa tagħhom . . . li jibqgħu anonimi, u speċifikament ma jridux li isimhom jiġi pubblikat la waqt li għadhom ħajjin u lanqas wara mewthom. L-iskop tat-traduzzjoni hu li jeżalta l-isem taʼ dak Alla ħaj u veru.” Xi kritiċi qatgħuha li din it-traduzzjoni għandha titwarrab bla dewmien, bħala biċċa xogħol tad-dilettanti, però mhux kulħadd wera din l-attitudni mhix raġunevoli. Alan S. Duthie jikteb: “Se jgħinna l-fatt li nkunu nafu min huma t-tradutturi jew il-pubblikaturi taʼ xi traduzzjoni partikulari tal-Bibbja biex niddeċiedu jekk it-traduzzjoni hijiex tajba jew ħażina? Mhux direttament. M’hemm ebda sostitut għal li wieħed jeżamina l-karatteristiċi taʼ kull traduzzjoni nfisha.”a
Karatteristiċi Uniċi
Miljuni taʼ qarrejja għamlu preċiżament hekk u skoprew li n-New World Translation mhux biss tistaʼ tinqara imma hija skrupolożament eżatta. It-tradutturi tagħha ħadmu mil-lingwi oriġinali taʼ l-Ebrajk, Aramajk, u Grieg, u wżaw l-aqwa testi disponibbli.b Taw attenzjoni speċjali biex jittraduċu t-test antik kemm jistaʼ jkun letteralment imma f’lingwa li tistaʼ tinftiehem faċilment. Fi qbil maʼ dan, xi studjużi faħħru din it-traduzzjoni għall-integrità u l-eżattezza tagħha. Per eżempju, l-Andover Newton Quarterly taʼ Jannar, 1963 qalet: “It-traduzzjoni tat-Testment il-Ġdid hija evidenza li f’dan il-moviment hemm il-preżenza taʼ studjużi kwalifikati biex jittrattaw b’mod intelliġenti l-ħafna problemi tat-traduzzjoni Biblika.”
It-tradutturi fetħu sfera ġdida f’dik li hi fehma Biblika. Testi Bibliċi li qabel bilkemm kienu jinftiehmu issa saru ċari b’mod impressjonanti. Per eżempju, “Henjin il-foqra fl-ispirtu,” test li tant ħabbel l-imħuħ li jinsab f’Mattew 5:3, fin-New World Translation ġie tradott b’tali mod li beda jagħmel sens: “Henjin huma dawk konxji tal-bżonn spiritwali tagħhom.” In-New World Translation hija wkoll konsistenti u uniformi kemm jistaʼ jkun f’li tittraduċi termini importanti. Per eżempju, il-kelma Griega psy·kheʹ ġiet tradotta “ruħ” kull darba li tidher. B’riżultat taʼ dan, il-qarrejja jistgħu faċilment jindunaw li, kuntrarju għal ċerti teoriji reliġjużi, ir-ruħ m’hijiex immortali!—Mattew 2:20; Mark 3:4; Luqa 6:9; 17:33, NW.
L-Isem t’Alla Restawrat
Karatteristika li tispikka fin-New World Translation kienet tinvolvi r-restawr taʼ l-isem t’Alla, Jehovah. F’kopji antiki tal-Bibbja Ebrajka, l-isem divin hu rappreżentat mill-erbaʼ konsonanti li jistgħu jiġu tradotti YHWH jew JHVH. Dan l-isem karatteristiku jidher kważi 7,000 darba fl-hekk imsejjaħ Testment il-Qadim biss. (Eżodu 3:15; Salm 83:19 [Salm 83:18, NW]) Jidher ċar li l-intenzjoni tal-Ħallieq tagħna kienet li l-adoraturi tiegħu jkunu jafu x’inhu ismu u kif jużawh!
Madankollu, biżaʼ superstizzjuż ġiegħel lil-Lhud jieqfu jużaw l-isem divin. Wara l-mewt taʼ l-appostli taʼ Ġesù, il-kopjisti taʼ l-Iskrittura Griega minflok l-isem persunali t’Alla bdew jagħmlu l-kelmiet bil-Grieg Kyʹri·os (Mulej) jew The·osʹ (Alla). B’sogħba, it-tradutturi moderni żammewha sal-lum din it-tradizzjoni li tagħmel diżunur lil Alla, u eliminaw l-isem t’Alla mill-biċċa l-kbira tal-Bibbji. Dawn saħansitra ħbew il-fatt li Alla għandu isem. Per eżempju, fi Ġwann 17:6 nsibu l-kliem taʼ Ġesù: “Jiena għarraft ismek.” Madankollu, it-Today’s English Version tgħid hekk: “Jien għarraftek.”
Xi studjużi jiddefendu l-fatt li l-isem divin tħalla barra għar-raġuni li l-pronunzja eżatta m’hijiex magħrufa. Madankollu, ismijiet familjari bħalma huma Ġeremija, Isaija, u Ġesù jiġu tradotti regolarment b’mod li ftit li xejn jixbah lill-pronunzja li kellhom bl-Ebrajk. Ladarba l-forma Jehovah hija mod leġittimu taʼ kif jiġi tradott l-isem divin—u din hi familjari maʼ ħafna nies—l-oġġezzjonijiet biex tintuża din il-forma taʼ l-isem juru kemm dawn m’humiex sinċieri.
Il-Kumitat tat-Traduzzjoni tal-Bibbja New World ħa dan il-pass qalbieni f’li juża l-isem Jehovah kemm fil-parti taʼ l-Iskrittura Ebrajka u kemm f’dik Griega. Il-Kumitat kellu preċedent għal dan fi traduzzjonijiet missjunarji bikrin li saru għan-nies taʼ l-Amerka Ċentrali, tan-Nofsinhar tal-Paċifiku, u taʼ l-Orjent. Dan l-użu taʼ l-isem t’Alla, madankollu, m’huwiex sempliċement taʼ interess akkademiku. Li nkunu nafu l-isem t’Alla hu konness maʼ li nsiru nafuh bħala persuna. (Eżodu 34:6, 7) In-New World Translation inkuraġġiet miljuni taʼ qarrejja biex jużaw dan l-isem!
Jintlaħqu l-Qarrejja li ma Jafux bl-Ingliż
Bejn l-1963 u l-1989, in-New World Translation saret disponibbli, kollha jew partijiet minnha, f’għaxar lingwi oħra. Madankollu, ix-xogħol tat-traduzzjoni kien iebes, u xi proġetti damu sejrin għal 20 sena jew iktar. Imbagħad, fl-1989 ġie stabbilit id-Dipartiment tas-Servizzi tat-Traduzzjoni fil-kwartieri ġenerali dinjin tax-Xhieda taʼ Jehovah. Taħt id-direzzjoni tal-Kumitat tal-Kitba tal-Ġemgħa li Tiggverna, dan id-dipartiment imbarka fuq proġett biex iħaffef it-traduzzjoni tal-Bibbja. Ġie żviluppat metodu taʼ traduzzjoni li għaqqad flimkien l-istudju tal-kliem Bibliku mat-teknoloġija tal-kompjuter. Din is-sistema kif taħdem?
Ladarba l-Kumitat tal-Kitba jkun approva t-traduzzjoni tal-Bibbja f’lingwa oħra, dan jaħtar grupp taʼ Kristjani dedikati biex jaqdu bħala tim tat-traduzzjoni. It-timijiet jistgħu jipproduċu traduzzjonijiet iktar bilanċjati milli jistaʼ jipproduċi individwu li jaħdem waħdu. (Qabbel Proverbji 11:14.) Ġeneralment, kull membru tat-tim ikollu diġà esperjenza fit-traduzzjoni tal-pubblikazzjonijiet tas-Soċjetà. It-tim imbagħad jirċievi taħriġ intensiv fil-prinċipji tat-traduzzjoni tal-Bibbja u fl-użu taʼ programmi tal-kompjuter li jkunu ġew żviluppati speċifikament. Kompjuter waħdu ma jagħmilx ix-xogħol tat-traduzzjoni, imma permezz tiegħu, it-tim jistaʼ jkollu aċċess għal informazzjoni importanti u jgħin lill-membri biex iżommu rendikont tad-deċiżjonijiet li jkunu ttieħdu.
Proġett tat-traduzzjoni tal-Bibbja għandu żewġ stadji. Matul l-ewwel stadju, it-tradutturi jingħataw lista taʼ kliem u espressjonijiet użati fin-New World Translation bl-Ingliż. Termini relatati bl-Ingliż, bħal ngħidu aħna, “atone,” (tpatti) “atonement,” (espjazzjoni) u “propitiation,” (rikonċiljazzjoni) jiġu miġburin fi grupp għalihom, u b’hekk it-tradutturi jkunu attenti għal differenzi sottili fit-tifsiriet. Huma jiġbru lista taʼ kliem ekwivalenti fil-lingwa tagħhom. Iżda kultant, it-traduttur għandu mnejn isibha diffiċli li jittraduċi ċertu vers. Is-sistema taʼ riċerka fuq il-kompjuter, lit-traduttur tipprovdilu informazzjoni fuq termini bil-Grieg u bl-Ebrajk kif ukoll aċċess għall-pubblikazzjonijiet tal-Watch Tower.
Meta l-proġett jidħol fit-tieni stadju tiegħu, it-termini magħżulin taʼ dik il-lingwa jiġu mdaħħlin awtomatikament fit-test tal-Bibbja. Dan jagħmel lit-traduzzjoni konsiderevolment iktar eżatta u konsistenti. Madankollu, it-test li jirriżulta mis-“search and replace”, karatteristika tal-kompjuter li tissostitwixxi kelma jew frażi f’oħra, ma tantx ikun jagħmel sens meta taqrah. Irid isir xogħol konsiderevoli biex ċerti versi Bibliċi jiġu mniżżlin u rranġati b’tali mod sabiex jinqraw bis-sens.
Din is-sistema taʼ traduzzjoni hija tassew effettiva. Grupp wieħed kien kapaċi jittraduċi l-Iskrittura Ebrajka kollha kemm hi f’sentejn biss. Qabbel dan maʼ grupp ieħor li ħadem fuq lingwa simili mingħajr l-appoġġ tal-kompjuter. Din ħaditilhom 16-il sena. Mill-1989 sal-lum, l-Iskrittura Griega Kristjana ġiet stampata fi 18-il lingwa oħra. In-New World Translation hija issa disponibbli, kollha jew parti minnha, f’34 lingwa. B’hekk, iktar minn 80 fil-mija tax-Xhieda taʼ Jehovah għandhom minn taʼ l-inqas l-Iskrittura Griega Kristjana disponibbli fil-lingwa tagħhom stess.
Il-United Bible Societies tirrapporta li mis-6,500 lingwa li hawn fid-dinja, hemm partijiet mill-Bibbja li huma disponibbli f’2,212-il lingwa biss.c Għaldaqstant, madwar 100 traduttur qed jaħdmu biex jipproduċu n-New World Translation taʼ l-Iskrittura Ebrajka u Griega fi 11 u fi 18-il lingwa rispettivament. Ir-rieda t’Alla hi “li l-bnedmin kollha jsalvaw u jaslu biex jagħrfu l-verità.” (1 Timotju 2:4) In-New World Translation bla dubju jibqaʼ jkollha rwol importanti ferm f’dan ir-rigward.
Għalhekk aħna ninsabu ferħanin li din it-traduzzjoni waslet għal din il-ġrajja sinjifikanti taʼ 100 miljun kopja, u aħna nitolbu li ħafna iktar miljuni jiġu prodotti fil-futur. Ninkuraġġuk teżaminaha int stess. Se tieħu gost bil-ħafna karatteristiċi speċjali li fiha: tipa ċara, kitba fin-naħa taʼ fuq taʼ kull paġna, indiċi li jgħinek issib versi familjari magħhom, mapep dettaljati, u materjal li jaffaxxinak fl-appendiċi. Ferm iktar importanti, int tistaʼ taqra din il-Bibbja b’fiduċja sħiħa li din tittrasmetti l-istess affarijiet li qal Alla fil-lingwa oriġinali.
[Noti taʼ taħt]
a Huwa interessanti li l-kopertina taʼ l-Edizzjoni taʼ Referenza tan-New American Standard Bible taʼ l-1971 stqarret b’mod simili: “Aħna ma wżajna ebda isem taʼ xi studjuż għar-referenza jew xi rakkomandazzjonijiet, għaliex nemmnu li l-Kelma t’Alla għandha tiġi ġudikata fuq il-mertu tagħha stess.”
b The New Testament in the Original Greek, minn Westcott u Hort, serviet bħala t-test bażiku Grieg. Il-Biblia Hebraica minn R. Kittel kienet it-test bażiku għall-Iskrittura Ebrajka.
c Minħabba li ħafna nies jitkellmu b’żewġ lingwi, huwa stmat li l-Bibbja, kollha jew parti minnha, hija tradotta f’lingwi biżżejjed biex tistaʼ tinqara minn 90 fil-mija tal-popolazzjoni tad-dinja.
[Kumment f’paġna 29]
“It-traduzzjoni tat-Testment il-Ġdid hija evidenza li f’dan il-moviment hemm il-preżenza taʼ studjużi kwalifikati biex jittrattaw b’mod intelliġenti l-ħafna problemi tat-traduzzjoni Biblika.”—ANDOVER NEWTON QUARTERLY, JANUARY 1963
[Kumment f’paġna 30]
“It-traduzzjonijiet iridu jlaħħqu maʼ l-iżvilupp progressiv fit-tagħlim bibliku u mal-bidliet fil-lingwa”
[Kaxxa/Stampa f’paġna 31]
STUDJUŻI JFAĦĦRU N-NEW WORLD TRANSLATION
RIGWARD in-New World Translation of the Christian Greek Scriptures, Edgar J. Goodspeed, li ttraduċa t-“Testment il-Ġdid” bil-Grieg għal An American Translation, kiteb f’ittra li ġġib id-data tat-8 taʼ Diċembru, 1950: “Jien interessat fil-missjoni tan-nies tagħkom, u fl-għan li għandha madwar id-dinja, u nħossni kuntent ferm bit-traduzzjoni ċara, sinċiera u vivaċi. Din turi x’ammont kbir taʼ tagħlim sod u serju fiha, u dan jien nistaʼ nixhdu.”
Alexander Thomson, studjuż taʼ l-Ebrajk u l-Grieg, kiteb: “It-traduzzjoni hija evidentement ix-xogħol taʼ studjużi bravi u tas-sengħa, li fittxew li joħorġu kemm jistgħu s-sens veru tat-test Grieg bl-iktar mod possibbli li bih jistaʼ jiġi espress fil-lingwa Ingliża.”—The Differentiator, t’April taʼ l-1952, paġni 52-7.
Il-professur Benjamin Kedar, studjuż taʼ l-Ebrajk f’Iżrael, qal dan fl-1989: “Fir-riċerka lingwistika tiegħi f’konnessjoni mal-Bibbja u traduzzjonijiet Ebrajċi, taʼ spiss nirreferi għall-edizzjoni bl-Ingliż taʼ dik li hi magħrufa bħala n-New World Translation. Meta nagħmel dan, insib li qed nikkonferma ripetutament is-sentiment tiegħi li din il-biċċa xogħol tirrifletti sforz onest biex tinkiseb fehma tat-test li hija eżatta kemm jistaʼ jkun.”