Ġiet Disinjata?
Il-Qoxra tal-Mollusk
◼ Il-qxur tal-frott tal-baħar jidhru fraġli, imma ġeneralment ma jinkisrux kif ġieb u laħaq. “Ftit minnhom kien ikolli nagħtihom bil-martell biex naqlgħalhom xi biċċa,” jgħid l-inġinier Kenneth Vecchio, hu u jirrifletti fuq tfulitu. Il-qoxra tal-molluskia hi b’saħħitha b’mod speċjali.
Ikkunsidra dan: Is-saff ġewwieni tal-qoxra tal-molluski (imsejjaħ nakkru, jew madriperla) għandu qxur mikroskopiċi li d-distanza taʼ bejniethom hija biss ftit nanumetri, jew waħdiet minn elf miljun taʼ metru. “Osservajna l-madriperla fil-livelli tan-nanumetri u huwa tal-għaġeb kemm hu diffiċli li tissepara l-partijiet li fiha, u dan x’aktarx huwa fattur importanti li jagħmel il-materjal tant b’saħħtu,” tgħid Christine Ortiz, professoressa assoċjata li taħdem għad-Dipartiment tax-Xjenza u l-Inġinerija tal-Materjali fl-Istitut tat-Teknoloġija f’Massachusetts, l-Istati Uniti.
Il-kittieb xjentifiku Charles Petit jiddeskrivi li l-madriperla taħt il-lenti tidher “organizzata b’mod tal-għaġeb.” Hu jispjega: “Jekk taqtaʼ sezzjoni minnha u tara l-materjal tagħha minn ġewwa taħt il-mikroskopju, se tinnota bħal xogħol tal-briks. Tara biċċiet ċatti, magħmulin minn mineral f’forma taʼ kristalli tal-karbonat tal-kalċju, kull waħda b’sitt naħat, imqegħdin saffi saffi puliti fuq xulxin. Dak li jgħaqqad il-biċċiet flimkien huwa gomma flessibbli mimlija proteini li oriġinarjament tkun nixxiet mill-frott tal-baħar.”
Ix-xjenzati jemmnu li s-sigrieti tal-qoxra tal-mollusk jistgħu jintużaw b’ħafna modi—għall-għata protettiv iktar b’saħħtu, għall-materjal tal-karozzi, u għall-ġwienaħ tal-ajruplani, biex insemmu ftit minnhom. “In-natura tuża prinċipji taʼ disinji strutturali li jitkejlu bin-nanumetri biex tipproduċi materjali li jaħdmu b’mod superjuri,” tgħid Ortiz. “F’ħafna aspetti, l-inġinieri umani għadhom ma laħqux l-istess livell taʼ kapaċità.”
Int x’taħseb? Il-qoxra tal-mollusk, bis-saħħa inkredibbli tagħha, ġiet b’kumbinazzjoni? Jew ġiet disinjata?
[Nota taʼ taħt]
a Il-molluski huma annimali ġisimhom artab u bla għadam. Fost il-molluski tal-baħar hemm il-gandoffli, il-maskli, il-gajdri, il-moxtijiet tal-baħar, il-qarnit, u l-klamari.
[Stampa f’paġna 16]
Sezzjoni tas-saff ġewwieni tal-qoxra tal-mollusk kif tidher minn ġewwa meta mkabbra
[Sors tal-Istampa]
Stampa taʼ ġewwa: © Għajn tax-Xjenza/Photo Researchers, Inc.