Ir-4 Sigriet: Rispett
“Ħa jitwarrab minnkom kull . . . twerżiq u tgħajjir.” —Efesin 4:31.
Dan xi jfisser. Kemm il-familji bl-inkwiet u kemm dawk li jirnexxu jkollhom nuqqas taʼ qbil. Imma l-familji li jirnexxu jiddiskutu l-kwistjonijiet mingħajr ma jirrikorru għal sarkażmu, insulti, u forom oħrajn taʼ diskors abbużiv. Membri tal-familja jittrattaw lil xulxin bħalma jixtiequ li jiġu trattati huma stess.—Mattew 7:12.
Għala hu importanti. Il-kliem jistaʼ jsir arma li tipproduċi effetti devastanti. Proverbju Bibliku jgħid: “Aħjar tgħix f’deżert, milli maʼ mara lsienha jniggeż u rrabjata.” (Proverbji 21:19, The Bible in Basic English) M’għandniex xi ngħidu, l-istess jistaʼ jingħad dwar raġel li lsienu jniggeż. U meta niġu għat-trobbija tat-tfal, il-Bibbja tistqarr: “Iddejquhomx lil uliedkom, sabiex ma jaqtgħux qalbhom.” (Kolossin 3:21) Tfal li jiġu kritikati l-ħin kollu għandhom mnejn iħossu li hu impossibbli li jogħġbu lill-ġenituri tagħhom. Jistgħu saħansitra ma jibqgħux jipprovaw.
Ipprova dan l-eżerċizzju. Wieġeb il-mistoqsijiet li ġejjin biex tara x’livell taʼ rispett għandek fil-familja tiegħek.
◼ Fil-familja tiegħi, in-nuqqas taʼ qbil ġeneralment jispiċċa b’li persuna waħda titlaq irrabjata mill-kamra?
◼ Meta nitkellem mal-parti l-oħra fiż-żwieġ jew mat-tfal, nuża jien kliem insolenti, bħal “stupidu,” “idjota,” jew xi ħaġa simili?
◼ Trabbejt jien f’atmosfera li fiha d-diskors abbużiv kien komuni?
Agħmel riżoluzzjoni. Aħseb dwar mira waħda jew tnejn li jistaʼ jkollok rigward li turi rispett f’diskorsok. (Idea: Iddeċiedi li tuża l-kelma “jien” minflok “int.” Pereżempju, “Jien inħossni mweġġaʼ meta int . . . ,” minflok ma tgħid “Int dejjem . . . ”)
Għala ma tħallix lill-parti l-oħra fiż-żwieġ tkun taf bil-mira (jew miri) tiegħek? Wara tliet xhur, iċċekkja mal-parti l-oħra fiż-żwieġ biex tara xi progress tkun għamilt.
Aħseb dwar xi limiti li tistaʼ tistabbilixxi sabiex ma tużax diskors abbużiv meta tikkomunika maʼ wliedek.
Għala ma tiskużax ruħek maʼ wliedek għal dawk id-drabi meta forsi kellimthom bl-aħrax jew b’mod sarkastiku?
[Stampa f’paġna 6]
Sewwasew bħalma l-blat solidu jistaʼ jittiekel mill-mewġ t’oċean, hekk familja tistaʼ tiddgħajjef minn diskors li jweġġaʼ