LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • g 4/10 pp. 24-25
  • Ara l-Isem t’Alla fid-Danimarka

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Ara l-Isem t’Alla fid-Danimarka
  • Stenbaħ!—2010
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Ir-​Riforma Protestanta u t-​Traduzzjoni tal-​Bibbja
  • Martin Luteru—Min Kien u X’Ħalla Warajh
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2003
  • A4 L-isem divin fl-Iskrittura Ebrajka
    Traduzzjoni tad-Dinja l-Ġdida taʼ l-Iskrittura Mqaddsa
  • L-​Isem Divin​—L-​Użu u t-​Tifsira Tiegħu
    Il-Bibbja X’Tgħallem Verament?
  • L-isem t’Alla
    Stenbaħ!—2017
Ara Iżjed
Stenbaħ!—2010
g 4/10 pp. 24-25

Ara l-​Isem t’Alla fid-​Danimarka

KULL sena, ħafna mill-​eluf taʼ turisti li jżuru Kopenħagen, jibqgħu mistagħġbin meta jaraw l-​isem t’Alla, Ġeħova, jew יהוה bl-​Ebrajk, minqux fuq xi kastelli u bini ieħor fil-​belt kapitali u madwarha.a Pereżempju, fiċ-​ċentru tal-​belt, fuq il-​bieb tal-​Knisja tat-​Tarzna (Holmens Kirke) hemm l-​isem t’Alla miktub b’ittri kbar tad-​deheb. L-​isem jidher ukoll fuq in-​naħa taʼ ġewwa tal-​bieb fuq plakka kommemorattiva bid-​data tal-​1661.

Tefgħa taʼ ġebla ’l bogħod mill-​Knisja tat-​Tarzna hemm bini msejjaħ it-​Torri t-​Tond (Rundetårn). Fuq il-​ħajt taʼ barra, l-​isem divin jidher b’ittri kbar bl-​Ebrajk bħala parti minn kitba bil-​Latin. Meta tiġi tradotta, din tgħid: “Ħalli Ġeħova jagħmel li d-​duttrina tajba u l-​ġustizzja jidħlu f’qalb ir-​Re Kristinu r-​Rabaʼ.” L-​isem t’Alla kif sar daqshekk magħruf fid-​Danimarka?

Ir-​Riforma Protestanta u t-​Traduzzjoni tal-​Bibbja

Fattur importanti fit-​tixrid tal-​isem t’Alla kien ir-​Riforma Protestanta. Riformisti Ewropej bħal Martin Luther (jew Luteru), John Calvin, u Huldrych Zwingli, għamlu studju bir-​reqqa tal-​Bibbja u tal-​lingwi oriġinali tagħha—l-​Ebrajk, l-​Aramajk, u l-​Koine, jew il-​Grieg komuni. B’hekk, dawn saru midħla tal-​isem persunali t’Alla. Fi prietka li għamel, Martin Luther qal: “Dan l-​isem Ġeħova . . . jappartjeni b’mod esklużiv lill-​Alla l-​veru.”

Minkejja dan, meta Luteru ttraduċa l-​Bibbja bil-​Ġermaniż, hu żamm mat-​tradizzjoni mhix Skritturali u ttraduċa l-​isem divin bħala “Mulej” jew “Alla,” u b’hekk uża titli, u mhux l-​isem t’Alla. Iktar tard, Luteru talab lil sieħbu, Johannes Bugenhagen, iħejji verżjoni tal-​Bibbja taʼ Luteru bid-​djalett Ġermaniż, il-​lingwa mitkellma fit-​tramuntana tal-​Ġermanja u fin-​nofsinhar tad-​Danimarka. Fid-​daħla tiegħu tal-​edizzjoni tal-​1541 (l-​ewwel edizzjoni ġiet pubblikata fl-​1533), Bugenhagen għamel diversi referenzi għall-​isem divin, inkluż l-​istqarrija: “Ġeħova hu l-​isem qaddis t’Alla.”

Fl-​1604, teologu żagħżugħ jismu Hans Paulsen Resen kellem lir-​Re Kristinu r-​Rabaʼ dwar ċerti żbalji fit-​traduzzjoni Daniża tal-​Bibbja taʼ Luteru. Imbagħad, Resen talab permess biex iħejji traduzzjoni ġdida bbażata fuq it-​testi oriġinali bl-​Ebrajk u bil-​Grieg. Il-​permess ngħata. F’nota fuq Ġenesi 2:4, Resen kiteb li “Ġeħova” hu “l-​Esseri Suprem, l-​uniku Mulej.”b

Hekk kif l-​isem divin sar magħruf, beda jidher f’postijiet pubbliċi. Pereżempju, fl-​1624, wara li kien ġie maħtur bħala isqof, Hans Paulsen Resen ordna li titwaħħal plakka fil-​Knisja taʼ Bronshoj. Fin-​naħa taʼ fuq tal-​plakka, hemm minqux bid-​deheb Jehova, l-​isem t’Alla bid-​Daniż. Ukoll, f’ħafna mill-​kitbiet tiegħu bħala isqof, Resen inkluda mal-​firma tiegħu l-​kliem “Ġeħova jara.”

Lejn l-​aħħar tas-​seklu 18, it-​traduzzjoni tal-​Bibbja bil-​Ġermaniż taʼ Johann David Michaelis ġiet pubblikata bid-​Daniż. Anki din il-​Bibbja fiha l-​isem divin f’ħafna postijiet. Bl-​istess mod, fis-​seklu 19, tradutturi tal-​Bibbja bħal Christian Kalkar u oħrajn, daħħlu l-​isem divin f’ħafna mill-​postijiet fejn jidher fit-​test oriġinali. Imbagħad, fl-​1985, ix-​Xhieda taʼ Ġeħova ppubblikaw it-​Traduzzjoni tad-​Dinja l-​Ġdida taʼ l-​Iskrittura Mqaddsa bid-​Daniż. Dawk li jħobbu l-​Bibbja kienu ferħanin se jtiru meta raw l-​isem Ġeħova tradott fedelment iktar minn 7,000 darba.

F’talba lil Alla, Ġesù Kristu qal: “Urejt ismek.” (Ġwanni 17:6) U fit-​talba mudell tiegħu, li kultant tissejjaħ it-​talba tal-​Missierna, Ġesù qal: “Ħa jitqaddes ismek.” (Mattew 6:9) Bħalma turi l-​istorja tad-​Danimarka, ħafna wħud ħadu dan il-​kliem bis-​serjetà.

[Noti taʼ taħt]

a Dawn l-​erbaʼ ittri, imsejħin it-​Tetragramma, huma konsonanti u jinqraw mil-​lemin għax-​xellug. Dawn normalment jiġu tradotti JĦWH jew JHVH. Fi żmien il-​qedem, il-​qarrej kien ilissen il-​vokali neqsin, bħalma hu komuni llum meta jinqraw l-​abbrevjazzjonijiet.

b F’Ġenesi 2:4 jidher għall-​ewwel darba l-​isem uniku u persunali t’Alla fit-​test oriġinali tal-​Bibbja Mqaddsa. Dan l-​isem, li jidher madwar 7,000 darba fit-​test oriġinali, ifisser “Hu Jġiegħel li Jsir,” u b’hekk jidentifika lil Ġeħova bħala l-​Wieħed li l-​iskop tiegħu dejjem jitwettaq. Dak li jgħid isir.

[Kaxxa/Stampa f’paġna 25]

TYCHO BRAHE U L-​ISEM T’ALLA

Fl-​1597, Tycho Brahe, astronomu Daniż famuż, kellu nuqqas taʼ qbil man-​nobbiltà Daniża u mar-​Re Kristinu r-​Rabaʼ, u b’hekk ħalla art twelidu. F’poeżija li biha ta l-​aħħar tislima lid-​Danimarka, Brahe kiteb bil-​Latin: “In-​nies barranin se jaġixxu miegħi b’qalb tajba—din hi r-​rieda taʼ Ġeħova.”

[Stampa f’paġna 24, 25]

Il-​bieb tal-​Knisja tat-​Tarzna

[Stampa f’paġna 24, 25]

It-​Torri t-​Tond

[Stampa f’paġna 25]

Hans Paulsen Resen

[Stampa f’paġna 25]

Johannes Bugenhagen uża l-​isem t’Alla fid-​daħla tal-​verżjoni bid-​djalett Ġermaniż tal-​Bibbja taʼ Luteru, 1541

[Sors tal-istampa f’paġna 25]

Hans Paulsen Resen u Tycho Brahe: Kobberstiksamlingen, Det Kongelige Bibliotek, København

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja