LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w03 9/15 pp. 26-30
  • Martin Luteru—Min Kien u X’Ħalla Warajh

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Martin Luteru—Min Kien u X’Ħalla Warajh
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2003
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Luteru Jsir Studjuż
  • Mgħaddab Minħabba l-​Indulġenzi
  • “Ix-​Xemx u l-​Qamar” Jirreaġixxu
  • Il-​Bibbja taʼ Settembru Mitluba bil-​Kbir
  • Traduttur Kapaċi u Kittieb taʼ Ħafna Xogħlijiet
  • Dak li Luteru Ħalla Warajh
  • Wessel Gansfort—“Riformatur taʼ Qabel ir-Riforma”
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2007
  • Mingħand il-Qarrejja
    Stenbaħ!—2002
  • Ara l-Isem t’Alla fid-Danimarka
    Stenbaħ!—2010
  • Għandu l-Kleru Jippriedka l-Politika?
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2004
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2003
w03 9/15 pp. 26-30

Martin Luteru—Min Kien u X’Ħalla Warajh

“INTQAL li nkitbu iktar kotba dwar [Martin Luther, jew Luteru] minn kwalunkwe individwu ieħor fl-​istorja, minbarra l-​kotba miktubin dwar is-​sid tiegħu Ġesù Kristu.” Hekk stqarret ir-​rivista Time. Il-​kliem u l-​azzjonijiet taʼ Luteru taw spinta għall-​bidu għar-​Riforma​—moviment reliġjuż deskritt bħala “l-​iktar rivoluzzjoni sinifikanti fl-​istorja taʼ l-​umanità.” Hu b’hekk għen biex ibiddel ix-​xena reliġjuża taʼ l-​Ewropa u biex itemm iż-​żminijiet medjevali f’dak il-​kontinent. Luteru għamel il-​bażi għal-​lingwa Ġermaniża miktuba u stabbilita. It-​traduzzjoni tiegħu tal-​Bibbja mingħajr ebda dubju għadha l-​iktar waħda popolari fil-​lingwa Ġermaniża.

X’tip taʼ bniedem kien Luteru? Kif kellu impatt kbir fuq dak li kien qed isir fl-​Ewropa?

Luteru Jsir Studjuż

Luteru twieled ġo Eisleben, il-​Ġermanja, f’Novembru taʼ l-​1483. Għalkemm kien jaħdem fil-​minjieri tar-​ram, missieru rnexxielu jaqlaʼ biżżejjed biex jassigura edukazzjoni tajba għal Luteru. Fl-​1501, Luteru sar student fl-​Università taʼ Erfurt. Fil-​librerija tagħha, hu qara l-​Bibbja għall-​ewwel darba. Hu qal: “Il-​ktieb għoġobni ħafna, u xtaqt inkun fortunat biżżejjed li xi darba jkolli ktieb bħal dan.”

Fl-età taʼ 22 sena, Luteru daħal fil-​monasterju Agostinjan f’Erfurt. Iktar tard, hu attenda l-​Università taʼ Wittenberg, u kiseb dottorat fit-​teoloġija. Luteru kkunsidra lilu nnifsu li ma jistħoqqlux il-​favur t’Alla u xi drabi sar dipress ħafna minħabba kuxjenza ħatja. Imma l-​istudju tal-​Bibbja, it-​talb, u l-​meditazzjoni għenuh jikseb fehma aħjar taʼ kif Alla jħares lejn il-​midinbin. Luteru għaraf li ma nistgħux naqilgħu l-​favur t’Alla bħala l-​ħlas taʼ xi ħaġa li nagħmlu. Minflok, hu jagħtih permezz taʼ qalb tajba mhix mistħoqqa lil dawk li jeżerċitaw fidi fih.​—Rumani 1:​16; 3:​23, 24, 28.

Luteru kif wasal għall-​konklużjoni li l-​fehma ġdida tiegħu kienet korretta? Kurt Aland, professur taʼ l-​istorja bikrija tal-​knisja u r-​riċerka testwali tat-​Testment il-​Ġdid, kiteb: “Hu mmedita fuq il-​Bibbja kollha sabiex jiddetermina jekk dan lgħarfien ġdid kienx fi qbil maʼ stqarrijiet oħra tal-​Bibbja, u sab li kollox kien jaqbel.” Id-​duttrina tal-​ġustifikazzjoni, jew is-​salvazzjoni, permezz tal-​fidi u mhux tax-​xogħlijiet, jew l-​indiema, baqgħet pilastru ċentrali fit-​tagħlim taʼ Luteru.

Mgħaddab Minħabba l-​Indulġenzi

Il-​fehma taʼ Luteru dwar kif Alla jħares lejn il-​midinbin ġabuh f’konflitt mal-​Knisja Kattolika Rumana. F’dak iż-​żmien ħafna kienu jemmnu li wara l-​mewt, il-​midinbin kellhom iġarrbu kastig għal perijodu taʼ żmien. Madankollu, intqal li dan iż-​żmien setaʼ jiqsar permezz taʼ indulġenzi li kienu jingħataw bl-​awtorità tal-​papa bil-​ħlas tal-​flus. Bejjiegħa bħal Johann Tetzel, li kien rappreżentant taʼ l-​Arċisqof Albert taʼ Mainz, kellu negozju li jrendi ħafna bil-​bejgħ taʼ dawn l-​indulġenzi lin-​nies komuni. Ħafna qiesu l-​indulġenzi bħala speċi t’assiguranza għal dnubiet fil-​futur.

Luteru għadab ħafna għall-​bejgħ taʼ l-​indulġenzi. Hu kien jaf li l-​bnedmin ma jistgħux jinnegozjaw m’Alla. Fil-​ħarifa taʼ l-​1517, hu kiteb il-​famużi 95 teżi tiegħu, fejn akkuża l-​knisja b’abbuż finanzjarju, duttrinali, u reliġjuż. Billi ried jinkuraġġixxi riforma, u mhux ribelljoni, Luteru bagħat kopji tat-​teżi tiegħu lill-​Arċisqof Albert taʼ Mainz u lil diversi studjużi oħra. Ħafna kittieba taʼ l-​istorja jippontaw bejn wieħed u ieħor lejn is-​sena 1517 bħala l-​bidu tar-​Riforma.

Mhux Luteru biss kien igerger kontra lgħemil ħażin tal-​knisja. Mitt sena qabel, ir-​riformatur reliġjuż Ċek, Jan Hus, kien ikkundanna l-​bejgħ taʼ l-​indulġenzi. Anki qabel Hus, John Wycliffe mill-​Ingilterra kien wera li xi wħud mit-​tradizzjonijiet li kellha l-​knisja ma kinux Skritturali. Erasmus minn Rotterdam u Tyndale mill-​Ingilterra, li kienu jgħixu fi żmien Luteru, ħeġġu r-​riforma. Imma bil-​ħila tal-​magna taʼ l-​istampar b’tipi taċ-​ċomb li kienet l-​invenzjoni taʼ Johannes Gutenberg fil-​Ġermanja, leħen Luteru nstemaʼ iktar għoli u iktar ’il bogħod mill-​ilħna taʼ riformisti oħra.

L-istamperija taʼ Gutenberg f’Mainz kienet taħdem fl-​1455. Kmieni fis-​seklu sittax, kien hemm stamperiji f’60 belt Ġermaniża u fi 12-il pajjiż Ewropew ieħor. Għall-​ewwel darba fl-​istorja, il-​pubbliku setaʼ jiġi informat dwar affarijiet taʼ interess malajr. Forsi mingħajr il-​kunsens tiegħu, il-​95 teżi taʼ Luteru ġew stampati u mxerrdin. L-​argument taʼ riforma fil-​knisja ma baqax argument lokali biss, imma sar kontroversja mifruxa ħafna, u Luteru f’daqqa waħda sar l-​iktar raġel famuż fil-​Ġermanja.

“Ix-​Xemx u l-​Qamar” Jirreaġixxu

Għal sekli sħaħ, l-​Ewropa kienet taħt il-​ħakma taʼ żewġ istituzzjonijiet b’ħafna poter: l-​Imperu Ruman Qaddis u l-​Knisja Kattolika Rumana. “L-​Imperatur u l-​papa kienu jmorru flimkien bħax-​xemx u l-​qamar,” spjega Hanns Lilje, li kien president tal-​Federazzjoni Dinjija Luterana. Madankollu, kien hemm inċertezza kbira dwar min kien ix-​xemx u min kien il-​qamar. Sal-​bidu tas-​seklu 16, iż-​żewġ istituzzjonijiet kienu għaddew il-​quċċata tal-​qawwa tagħhom. Kien hemm bidla fix-​xefaq.

Dwar il-​95 teżi, il-​Papa Ljun X rreaġixxa billi hedded lil Luteru li kien se jiskomunikah jekk ma kienx se jirrinunzja. Biex jisfida, Luteru pubblikament ħaraq l-​editt papali li kien fih it-​theddida u ppubblika xogħlijiet oħra li inkuraġġew lill-​prinċipalitajiet biex jirriformaw il-​knisja anki mingħajr il-​qbil tal-​papa. Fl-​1521, il-​Papa Ljun X skomunika lil Luteru. Meta Luteru oġġezzjona li kien ġie kkundannat mingħajr ma ħadd semaʼ l-​opinjoni tiegħu, l-​Imperatur Karlu V sejjaħ lir-​riformatur biex jidher quddiem il-​laqgħa imperjali f’Worms. Il-​vjaġġ taʼ 15-il ġurnata taʼ Luteru minn Wittenberg għal Worms f’April taʼ l-​1521 kien bħal purċissjoni trijonfanti. Kellu l-​appoġġ tal-​pubbliku, u n-​nies minn kullimkien riedu jarawh.

F’Worms, Luteru nġieb quddiem l-​imperatur, il-​prinċpijiet, u r-​rappreżentant tal-​papa. Jan Hus kien iffaċċja laqgħa uffiċjali bħal din f’Constance fis-​sena 1415 u kien ġie maħruq m’arblu. Issa li kellu l-​attenzjoni tal-​knisja u taʼ l-​imperu ffokati fuqu, Luteru rrifjuta li jirrinunzja ħlief jekk dawk li opponewh juruh mill-​Bibbja li kien żbaljat. Imma ħadd ma kien jaf l-​Iskrittura daqsu. Id-​dokument imsejjaħ l-​Editt taʼ Worms ta r-​riżultat tal-​laqgħa. Dan iddikjara li Luteru tilef il-​protezzjoni tal-​liġi u pprojbixxa x-​xogħlijiet tiegħu. Issa li l-​papa kien skomunikah u l-​imperatur kien neħħielu l-​protezzjoni mil-​liġi, hu kien fil-​periklu tal-​mewt.

Imbagħad kien hemm bidla fil-​ġrajjiet li kienet drammatika daqskemm ma kinitx mistennija. Fil-​vjaġġ tiegħu lura lejn Wittenberg, Luteru safa vittma meta għat-​taparsi nħataf b’arranġament mit-​twajjeb Federiku tas-​Sassonja. Dan ippermetta li Luteru jkun ’il bogħod mill-​għedewwa tiegħu. Luteru ttieħed fil-​kastell imwarrab taʼ Wartburg, fejn hemmhekk tawwal daqna u ħa identità ġdida​—dak taʼ kavallier jismu Junker Jörg.

Il-​Bibbja taʼ Settembru Mitluba bil-​Kbir

Għall-​għaxar xhur taʼ wara, Luteru għex fil-​kastell taʼ Wartburg bħala maħrub kemm mill-​imperatur u kemm mill-​papa. Il-​ktieb Welterbe Wartburg jispjega li “ż-​żmien li qattaʼ f’Wartburg kien fost l-​iktar perijodi produttivi u kreattivi f’ħajtu.” Waħda mill-​iktar xogħlijiet kbar tiegħu, it-​traduzzjoni tat-​test taʼ Erasmus taʼ l-​Iskrittura Griega bil-​Ġermaniż, tlestiet hemm ġew. Dan ix-​xogħol kien magħruf bħala l-​Bibbja taʼ Settembru, u ġie pubblikat f’Settembru tas-​sena 1522 mingħajr ma identifika lil Luteru bħala t-​traduttur. Il-​prezz kien taʼ munita Ġermaniża u nofs​—l-​ekwivalenti taʼ sena paga għal seftura tad-​dar. Minkejja dan, it-​talba għall-​Bibbja taʼ Settembru kienet taʼ l-​għaġeb. Fi żmien 12-il xahar, 6,000 kopja ġew stampati f’2 edizzjonijiet, b’xejn inqas minn 69 edizzjoni li ħarġu matul it-​12-il sena taʼ wara.

Fl-​1525, Luteru żżewweġ lil Katerina von Bora, li qabel kienet soru. Katerina kienet taf ħafna timmaniġġa l-​affarijiet fid-​dar u kienet kapaċi tlaħħaq max-​xogħol li kien jinqalaʼ mill-​ġenerożità li r-​raġel tagħha kien juri man-​nies. Fid-​dar taʼ Luteru ma kienx hemm biss martu u s-​sitt itfal tagħhom imma wkoll ħbieb, studjużi, u refuġjati. Iktar tard fil-​ħajja, Luteru tant gawda prestiġju bħala kunsillier li studjużi li kienu jkunu mistidnin f’daru kienu jaqbdu l-​pinen u l-​karti biex jiktbu l-​osservazzjonijiet tiegħu. Dawn in-​noti nġabru flimkien f’kollezzjoni jisimha Luthers Tischreden (It-Taħditiet taʼ Luteru Madwar il-​Mejda). Għal xi żmien, din gawdiet ċirkulazzjoni bil-​lingwa Ġermaniża li l-​Bibbja biss kienet tgħaddiha.

Traduttur Kapaċi u Kittieb taʼ Ħafna Xogħlijiet

Sa l-​1534, Luteru kien spiċċa t-​traduzzjoni tiegħu taʼ l-​Iskrittura Ebrajka. Kellu l-​abbiltà li jibbilanċja l-​istil, ir-​ritmu, u l-​vokabolarju. Ir-​riżultat kien Bibbja li setgħu jifhmuha n-​nies ordinarji. F’kumment dwar il-​metodu tat-​traduzzjoni tiegħu, Luteru kiteb: “Aħna għandna nitkellmu maʼ l-​omm f’darha, mat-​tfal fit-​triq u mar-​raġel komuni fis-​suq, u mbagħad nosservaw kif jitkellmu u nittraduċu fi qbil maʼ dan.” Il-​Bibbja taʼ Luteru għenet biex titpoġġa l-​bażi għal lingwa stabbilita miktuba li saret aċċettata madwar il-​Ġermanja.

It-talent taʼ Luteru bħala traduttur kien imħallat b’sengħa bħala kittieb. Intqal li kien jikteb teżi twila kull ġimagħtejn matul il-​ħajja sekulari tiegħu. Xi wħud minn dawn kienu argumentattivi daqs l-​awtur tagħhom. Jekk il-​kitbiet tiegħu fil-​bidu kienu ħorox fl-​istil tagħhom, l-​età ma dgħajfitx il-​messaġġ tal-​kitba tiegħu. It-​teżijiet tiegħu iktar tard saru iktar ħorox. Skond il-​Lexikon für Theologie und Kirche, ix-​xogħlijiet taʼ Luteru jirrivelaw “kemm kienet kbira r-​rabja tiegħu” flimkien maʼ “nuqqas t’umiltà u mħabba,” kif ukoll “sens żviluppat ħafna taʼ missjoni.”

Meta bdiet il-​Gwerra tar-​Raħħala (Peasants’ War) u ħafna nies kienu qed jinqatlu fil-​prinċipalitajiet, Luteru ntalab biex jagħti l-​ġudizzju tiegħu dwar ir-​rewwixta. Kellhom ir-​raħħala raġuni xierqa biex igergru kontra n-​nobbli fewdali tagħhom? Luteru ma pprovax jassigura l-​appoġġ tal-​poplu billi jagħti tweġiba li kienet se togħġob lill-​maġġuranza. Hu kien jemmen li l-​qaddejja t’Alla għandhom jobdu lil dawk fil-​poter. (Rumani 13:1) F’ġudizzju bla tlaqliq, Luteru qal li r-​rewwixta għandha tiġi mwaqqfa bil-​forza. “Ħalli lil kulmin jistaʼ, iferi, isawwat, u joqtol,” hu qal. Hanns Lilje stqarr li din it-​tweġiba swiet lil Luteru “l-​popolarità unika tiegħu li kien kiseb fost in-​nies sa dak iż-​żmien.” Barra minn hekk, ix-​xogħlijiet li għamel Luteru iktar tard dwar dawk il-​Lhud li rrifjutaw li jikkonvertu għall-​Kristjanità, partikolarment On the Jews and Their Lies, ġagħlu lil ħafna biex jgħidu li l-​awtur kien anti-Semitiku.

Dak li Luteru Ħalla Warajh

Ir-​Riforma, imxewxa minn irġiel bħal Luteru, Calvin, u Zwingli, wasslet għal forma taʼ reliġjon ġdida msejħa l-​Protestantiżmu. L-​akbar influwenza li ħalla Luteru fuq il-​Protestantiżmu kien it-​tagħlim ċentrali tiegħu taʼ ġustifikazzjoni permezz tal-​fidi. Kull waħda mill-​prinċipalitajiet Ġermaniżi appoġġat jew ir-​reliġjon Protestanta jew dik Kattolika. Il-​Protestantiżmu nfirex u rċieva ħafna appoġġ fl-​Iskandinavja, l-​Isvizzera, l-​Ingilterra, u l-​Olanda. Illum, mijiet taʼ miljuni taʼ nies iħaddnu din ir-​reliġjon.

Ħafna li ma jemmnux it-​twemmin kollu taʼ Luteru xorta jirrispettawh ħafna. Dik li qabel kienet ir-​Repubblika Demokratika Ġermaniża, li fil-​fruntiera tagħha kienet tiġbor lil Eisleben, Erfurt, Wittenberg, u Wartburg, fl-​1983 iċċelebrat il-​500 anniversarju mit-​twelid taʼ Luteru. L-​Istat Soċjalista rrikonoxxieh bħala individwu li jispikka fl-​istorja u l-​kultura tal-​Ġermanja. Iktar minn hekk, wieħed teologu Kattoliku tas-​snin 80 ġabar fil-​qosor l-​impatt taʼ Luteru u qal: “Ħadd minn dawk li ġew wara Luteru ma jistaʼ jitqabbel miegħu.” Il-​professur Aland kiteb: “Kull sena joħorġu minn taʼ l-​inqas 500 pubblikazzjoni ġdida dwar Luteru u r-​Riforma​—u dan kważi bil-​lingwi ewlenin kollha tad-​dinja.”

Luteru kellu intellett kbir, memorja straordinarja, vokabolarju vast, u etika taʼ ħidma diliġenti. Kien ukoll bla sabar u kien iħobb imaqdar bil-​miftuħ, u kien jeħodha qatta bla ħabel kontra dak li għalih kien kollu ipokrisija. Meta kien qed imut f’Eisleben fi Frar taʼ l-​1546, ħbiebu staqsew lil Luteru jekk kienx għadu jżomm mat-​twemmin li hu kien għallem lil oħrajn. “Iva,” wieġeb hu. Luteru miet, imma ħafna għadhom iħaddnu t-​twemmin tiegħu.

[Stampa f’paġna 27]

Luteru kien kontra l-​bejgħ taʼ l-​indulġenzi

[Sors]

Mit freundlicher Genehmigung: Wartburg-Stiftung

[Stampa f’paġna 28]

Luteru rrifjuta li jirrinunzja ħlief jekk dawk li opponewh juruh mill-​Bibbja li kien żbaljat

[Sors]

Mill-​ktieb The Story of Liberty, 1878

[Stampi f’paġna 29]

Il-​kamra taʼ Luteru fil-​kastell taʼ Wartburg fejn ittraduċa l-​Bibbja

[Sors]

Iż-​żewġ stampi: Mit freundlicher Genehmigung: Wartburg-Stiftung

[Sors tal-​Istampa f’paġna 26]

Mill-​ktieb Martin Luther The Reformer, it-​Tielet Edizzjoni, pubblikat minn Toronto Willard Tract Depository, Toronto, Ontarjo

[Sors tal-​Istampa f’paġna 30]

Mill-​ktieb The History of Protestantism (Vol. I)

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja