Mostri Kbar tal-Ibħra Fondi
F’daqqa waħda, ifiġġ mostru f’wiċċ il-baħar, jaħtaf il-bastiment, jiġbed lill-baħrin ’l isfel, u jidfinhom fl-abbissi tal-baħar. Dan hu l-isfond komuni taʼ xi leġġendi li eżistew tul iż-żminijiet. Iżda veru jeżistu mostri daqshekk kbar?
FL-2007, klamar enormi (colossal squid) inqabad bi żball minn xi sajjieda f’baħar lil hinn mill-Antartika magħruf bħala r-Ross Sea. Dan kien twil madwar 10 metri, inkluż it-tentakli, u kien jiżen kważi nofs tunnellata! Ix-xjenzati jemmnu li din l-ispeċi taʼ klamar tistaʼ tikber saħansitra iktar.
Mostru simili tal-baħar, magħruf bħala l-klamar il-kbir (giant squid), għandu forma taʼ torpidow. Għajnejh jistgħu jkunu kbar daqs ras taʼ bniedem, u għandu munqar qisu taʼ pappagall li hu b’saħħtu biżżejjed biex jaqtaʼ ħabel tal-azzar. Għandu tmien swabaʼ b’ringieli taʼ dwawar li jiġbdu l-arja u jeħlu, u żewġ tentakli twal li jressqu l-ikel lejn ħalqu. Dan jistaʼ jmexxi lilu nnifsu fl-ilma b’veloċità taʼ 30 kilometru fis-siegħa—u saħansitra jogħla fl-arja!
Fis-seklu li għadda, ġie rapportat li klamari bħal dawn dehru inqas minn 50 darba, u dawn il-ħlejjaq qatt ma ġew studjati fl-ambjent naturali tagħhom.
Il-Balieni Ġganteski tal-Baħar
Madankollu, il-klamari enormi u l-klamari l-kbar huma biss ikla għal annimal li jerġaʼ hu akbar minnhom—il-gabdoll (sperm whale), li jistaʼ jikber sa madwar 20 metru fit-tul u jiżen saħansitra sa 50 tunnellata. Sinna waħda biss tiżen 900 gramma! Fl-istonku taʼ xi gabdolli mejtin instabu biċċiet tal-klamari l-kbar. Fuq l-irjus kbar u tondjati taʼ dawn il-balieni nstabu wkoll ġrieħi f’forma taʼ ċirku kaġunati mis-swabaʼ tal-klamari. Dan wera li l-klamar kellu jissielet mhux ħażin. Fl-1965, il-membri tal-ekwipaġġ taʼ dgħajsa Sovjetika li tintuża biex jinqabdu l-balieni, qalu li raw taqbida bejn klamar kbir u gabdoll taʼ 40 tunnellata. L-ebda wieħed minnhom ma ħelisha. Il-baliena fgata nstabet f’wiċċ il-baħar b’ras il-klamar fl-istonku tagħha.
Tabilħaqq, il-klamar il-kbir u l-gabdoll huma tassew enormi, iżda l-baliena l-kaħla (blue whale), li hi l-akbar mammiferu, tgħaddihom fid-daqs. Skont ir-rekords, l-itwal baliena kaħla kienet baliena adulta taʼ 33 metru li nqabdet fl-Antartika. Il-baliena l-kaħla tistaʼ tiżen saħansitra sa 150 tunnellata. Ilsienha biss jiżen daqs iljunfant adult! Immaġina ftit—din tiled ferħ taʼ 3 tunnellati, b’tul taʼ 7 sa 8 metri! Minħabba li hi mfittxija minn dawk li jikkaċċjaw il-balieni, il-baliena l-kaħla saret kważi estinta sas-snin 60 u llum hi klassifikata bħala speċi f’periklu kbir taʼ estinzjoni.
Il-Feroċi u l-Mansi
Minħabba li għandu 3,000 sinna li tkexkxek, il-kelb il-baħar l-abjad (great white shark) x’aktarx li hu l-iktar ħuta li tbeżżgħek mill-ħut karnivoru kollu. Skont ir-rekords, l-akbar kelb il-baħar abjad kien twil 7 metri u jiżen 3,200 kilogramma. Is-sens tax-xamm li għandu dan il-kelb il-baħar tant hu straordinarju li jistaʼ jxomm qatra waħda demm imħallta maʼ 100 litru ilma!
Il-kelb il-baħar kbir li jixbah lil baliena (whale shark) hu l-akbar ħuta li teżisti, b’tul taʼ madwar 7.5 metri. Madankollu, xi wħud minnhom jistgħu jikbru d-doppju. Ħalqu jistaʼ jkun wiesaʼ sa 1.4 metru, u b’hekk jistaʼ jiblaʼ bniedem faċilment. Iżda, dan il-kelb il-baħar mhux talli mhuwiex predatur feroċi taʼ ħlejjaq kbar oħrajn tal-baħar, imma talli dan il-ġgant mans jiekol il-plankton u ħut żgħir.
Ir-rivista National Geographic stqarret: “L-anatomija diġestiva mhux tas-soltu li għandu l-whale shark tagħmel l-istorja taʼ Ġona kredibbli.” Din ir-rivista kienet qed tirreferi għall-ġrajja Biblika li fiha l-profeta Ġona nbelaʼ minn ħuta kbira. Dan il-kelb il-baħar għandu “mod mhux vjolenti kif jeħles minn oġġetti kbar li jkun belaʼ bi żball u li x’aktarx ma jkunx jistaʼ jiddiġerihom.”—Ġona 1:17; 2:10.
Il-Ġgant Imgerrex
Ħliqa kbira oħra tal-baħar hi l-qarnita l-kbira (giant octopus), li tistaʼ tiżen sa 250 kilogramma. Qabel kienet magħrufa bħala rajja tal-qrun (devilfish) u kien jingħad li setgħet tgħerreq il-vapuri. Madankollu, fir-realtà, din il-qarnita hi mgerrxa u tistaħba fl-għerien u fix-xquq taʼ qiegħ il-baħar. It-tmien swabaʼ li għandha jistgħu jinfetħu sa 10 metri u għandha l-akbar moħħ mill-annimali invertebrati kollha. Tabilħaqq, il-qarnit hu intelliġenti ħafna u jistaʼ jitgħallem manuvri komplikati, bħal pereżempju, jsolvi l-labirinti u jiftaħ l-għotjien tal-vażetti!
Bħall-klamar il-kbir, il-qarnita l-kbira tistaʼ taħbi lilha nfisha billi tbiddel il-kulur, tuża l-propulsjoni bil-ġett biex timxi fl-ilma, u taħrab il-periklu billi tispara sħaba ħoxna taʼ linka. Il-qarnita tistaʼ saħansitra toħroġ mill-ilma għal ftit ħin biex tfittex l-ikel fuq l-art!
Dawn il-ħlejjaq tal-ibħra fondi tassew iġibu tifħir lill-isem tal-Ħallieq tagħhom, Ġeħova. Mhux taʼ b’xejn li s-salmista tal-Bibbja kanta: “Faħħru lil Ġeħova mill-art, mostri tal-baħar u intom ilmijiet fondi kollha.”—Salm 148:7.
[Dijagramma f’paġna 17]
KEMM JIKBRU?
(Għall-formazzjoni sħiħa tat-test, ara pubblikazzjoni)
Il-kelb il-baħar l-abjad
Il-qarnita l-kbira
Il-kelb il-baħar li jixbah lil baliena
Il-klamar il-kbir*
Il-klamar enormi*
*kalkolu tad-daqs
Il-gabdoll
Il-baliena l-kaħla
piedi 100 90 80 70 60 50 40 30 20 10 0
metri 30 25 20 15 10 5 0
[Stampa f’paġna 15]
Il-kelb il-baħar l-abjad
[Stampa f’paġna 15]
Il-qarnita l-kbira
[Stampa f’paġna 16, 17]
Il-gabdoll
[Stampa f’paġna 16]
Il-kelb il-baħar li jixbah lil baliena
[Stampa f’paġna 17]
Il-baliena l-kaħla u l-ferħ tagħha
[Sorsi tal-istampa f’paġna 15]
Kelb il-baħar: © Steve Drogin/SeaPics.com; tpinġija: Getty Images; qarnita: © Brandon Cole
[Sorsi tal-istampa f’paġna 17]
Il-gabdoll: © Brandon Cole; il-balieni l-koħol: © Phillip Colla/SeaPics.com; il-kelb il-baħar li jixbah lil baliena: © Steve Drogin/SeaPics.com