Ġie Disinjat?
Ir-Rix tal-Kokka
◼L-inġinieri tat-titjir iħarsu bl-għira lejn il-kokka taʼ bil-lejl. Għala? Għaliex ittir bla ħoss. “Ebda għasfur ieħor ma jtir b’mod daqstant grazzjuż,” jgħid is-sit tan-National Geographic. X’inhu s-sigriet tal-kokka?
Ikkunsidra: L-arja li tgħaddi minn fuq ir-rix tal-maġġuranza mill-għasafar toħloq kurrent li jistaʼ jkun storbjuż mhux ħażin. Mill-banda l-oħra, huwa differenti fil-każ tal-kokka. Ir-rix twil tal-ġwienaħ u tad-denb tagħha għandu qisu freneż li jnaqqsu l-ħoss li jinħalaq hekk kif l-arja tgħaddi minn fuq il-ġwienaħ xħin tniżżilhom hi u ttir. Ir-rix l-ieħor li jinsab fuq il-ġisem tal-kokka jgħin biex jassorbi l-kumplament tal-ħoss.
Uħud li jiddisinjaw l-ajruplani jixtiequ jitgħallmu iktar dwar kif ittir il-kokka biex jagħmlu ajruplani li jistgħu jtiru b’inqas ħsejjes. B’ajruplani inqas storbjużi, ajruporti li għandhom limiti stretti fuq l-istorbju jkunu jistgħu jkollhom titjiriet iktar tard filgħaxija—u iktar kmieni filgħodu. Xi titjib diġà qed jiġi pjanat. “Issa għadna qed insiru nafu kif nużaw titjib bħal dan,” jgħid Geoffrey Lilley, professur emeritu (irtirat bl-unuri) tal-ajrunawtika fl-Università taʼ Southampton fl-Ingilterra. Hu jżid jgħid li jistgħu jgħaddu għaxriet taʼ snin qabel ma jkun jistaʼ jiġi disinjat ajruplan silenzjuż bħal dan.
Int x’taħseb? Ġie b’kumbinazzjoni r-rix twil tal-ġwienaħ u tad-denb tal-kokka li jnaqqas l-istorbju? Jew ġie disinjat?
[Stampa f’paġna 29]
Qabbel rixa taʼ kokka fuq in-naħa tax-xellug maʼ dik taʼ seqer fuq in-naħa tal-lemin
[Sorsi tal-istampa f’paġna 29]
Il-kokka widnejha twal: © Joe McDonald/Visuals Unlimited; l-istampi tal-barbaġann: © Andy Harmer/Photo Researchers, Inc.; it-tqabbil tar-rix: Courtesy of Eike Wulfmeyer/Wikimedia/GFDL