Kif Tgħaddi b’Inqas Flus
BIEX tgħaddi b’inqas flus jeħtieġ tippjana bir-reqqa. Ġesù enfasizza dan il-bżonn meta staqsa: “Min minnkom li jrid jibni torri ma joqgħodx l-ewwel bil-qiegħda u jikkalkula l-ispejjeż, biex jara jekk għandux biżżejjed biex ilestih?” (Luqa 14:28, 29) Kif tistaʼ tapplika dan il-prinċipju li ‘tikkalkula l-ispejjeż’? Mod wieħed hu billi tagħmel baġit u tmidd riġlejk skont friexek. Kif? Ipprova dan li ġej:
Meta taqbad il-paga, qassam il-flus f’ammonti speċifiċi u poġġihom f’kategoriji differenti biex tkopri l-ispejjeż kurrenti jew l-ispejjeż li jistgħu jinqalgħu fil-futur. (Ara l-kaxxa f’paġna 8.) Meta torganizza l-ispejjeż tiegħek, tkun tistaʼ tara fejn qed imorru flusek u kemm qed tonfoq fuq affarijiet mhux bżonjużi. Imbagħad, dan se jgħinek tagħraf liema affarijiet tistaʼ tgħaddi mingħajrhom.
Biex tfassal baġit li jkun jgħodd għalik, applika s-suġġerimenti li ġejjin.
Ixtri bil-Għaqal
Meta Raúl tilef l-impjieg tiegħu, martu Bertha biddlet il-mod kif tixtri. oħrajn: Hi qalet: “Kont nagħmel użu minn kupuni li jintitolawk għal skont u minn offerti speċjali fuq l-ikel li bihom stajna nixtru żewġ affarijiet għall-prezz taʼ wieħed.” Dawn huma xi suġġerimenti:
● Ippjana x’se ssajjar matul il-ġimgħa skont xi jkun qed jinbiegħ b’offerta.
● Minflok tixtri l-ikel ippakkjat u lest, ixtri l-ingredjenti u sajjar int stess.
● Ixtri u aħżen affarijiet li jkunu bi rħis jew li jkunu fl-istaġun.
● Ixtri bil-kwantità, iżda oqgħod attent li ma żżommx ħażna kbira żżejjed t’affarijiet li maż-żmien jiskadu jew ma jibqgħux tajbin.
● Iffranka l-flus fuq il-ħwejjeġ billi tixtri fiż-żmien is-sale.
● Jekk ikun jaqbillek, meta tqis l-ispejjeż tal-ivvjaġġar, mur ixtri minn postijiet fejn hu magħruf li l-prezzijiet huma irħas.
● Naqqas id-drabi li tmur tixtri.a
Niżżel bil-Miktub
Fred jgħid: “Kellna nagħmlu baġit. Għalhekk, kont inniżżel bil-miktub l-ammont taʼ dak kollu li kellna nħallsu fil-pront u l-ammont li kellna bżonn għall-kumplament tax-xahar.” Martu Adele żżid tgħid: “Meta kont immur nixtri kont inkun naf eżattament kemm stajt nonfoq. Xi drabi, meta kien ikolli bżonn nixtri xi ħaġa għat-tfal jew għad-dar, kont inħares lejn il-baġit u ngħid, ‘Ma nistax naffordjaha. Ikollna nistennew sax-xahar id-dieħel.’ Is-sigriet kien li jkolli kollox imniżżel bil-miktub!”
Aħseb Qabel Tixtri
Ħudha drawwa li tistaqsi lilek innifsek: ‘Tassew għandi bżonnu dan l-oġġett? Dak li diġà għandi, verament spiċċa jew sempliċement irrid xi ħaġa ġdida?’ Jekk rari se tuża xi oġġett partikulari, taħseb li jkun jaqbillek tikrih? Jew jekk taħseb li se tużah spiss, tistaʼ tixtri wieħed użat li jkun f’kundizzjoni tajba?
Filwaqt li xi passi minn dawn li semmejna jistgħu jidhru insinifikanti, kull qatra tgħodd! Il-punt hu li meta ssib metodu kif tiffranka fuq affarijiet żgħar se tagħmel l-istess meta jinqalgħu spejjeż kbar.
Kun Prattiku
Biex tnaqqas l-ammont taʼ flus li tonfoq fuq affarijiet mhux bżonjużi, ħaddem moħħok. Pereżempju, Adele tirrakkonta: “Kellna żewġ karozzi imma malajr neħħejna waħda minnhom u l-oħra bdejna nużawha bejnietna jew nirkbu maʼ oħrajn. Sabiex niffrankaw il-fjuwil, konna nagħmlu kemm nistgħu qadi f’kull vjaġġ. Iddeċidejna li nużaw il-flus għal dak li kellna bżonn biss.” Dawn li ġejjin huma xi modi oħrajn kif tistaʼ tkun prattiku:
● Ħawwel u kabbar il-ħxejjex tiegħek stess.
● Segwi l-istruzzjonijiet dwar il-manutenzjoni tal-apparat li tuża d-dar—b’hekk għandu mnejn iservik iktar.
● Malli tasal id-dar, inżaʼ l-ħwejjeġ tajbin u biddel—din hi drawwa tajba biex ħwejġek jibqgħu jidhru ġodda għal iktar żmien.
Tinqatax Għalik Waħdek!
Ħafna wħud li jitilfu l-impjieg tagħhom jinqatgħu għalihom waħedhom u ma jkellmu lil ħadd. Imma Fred m’għamilx hekk! Il-familja tiegħu, inkluż uliedu li kienu adulti, appoġġatu u wrietu mogħdrija. Hu jgħid: “Tgħallimna naqsmu ħafna affarijiet flimkien u dan ressaqna eqreb taʼ xulxin. Ilkoll kemm aħna ħassejna li ‘l-problema ma kinitx tiegħi biss imma tagħna lkoll.’”
Fred ġie inkuraġġit ukoll mill-aħwa Kristjani sħabu meta kien jiltaqaʼ magħhom regolarment fis-Sala tas-Saltna tax-Xhieda taʼ Ġeħova. Hu jgħid: “Dejjem ħassejtni inkuraġġit wara l-laqgħat Kristjani. L-aħwa kollha kienu qalbhom tajba u wrew konsiderazzjoni. Minħabba l-għajnuna u l-faraġ li tawna, irrealizzajna li ma konniex waħedna.”—Ġwanni 13:35.
Il-Fidi Tistaʼ Tkun taʼ Benefiċċju
Il-qagħad iwassal lil miljuni taʼ vittmi biex jimtlew bir-rabja u jħossuhom traduti minn dawk li jimpjegawhom. Raúl, li ssemma qabel, kien qisu ras maqtugħa minħabba li bla mistenni tilef ix-xogħol darbtejn—darba f’art twelidu, fil-Perù, u darb’oħra fil-belt taʼ New York. Meta tkeċċa għat-tieni darba, Raúl ikkonkluda, “Fid-dinja tal-lum assolutament xejn m’hu fi żgur.” Dam xhur sħaħ ifittex xogħol imma kien kollu għalxejn. X’għenu jkampa? Raúl qal, “Kont żviluppajt ħbiberija mill-qrib m’Alla u rrealizzajt li sabiex ikolli sigurtà vera kelli bżonn sempliċement nafda fih.”
Raúl hu wieħed mix-Xhieda taʼ Ġeħova, u l-istudju tiegħu tal-Bibbja għenu jrawwem fidi soda f’Missieru tas-sema, li jimpurtah minna u jwegħedna: “Żgur ma nitilqekx u żgur ma nabbandunakx.” (Ebrej 13:5) Il-kundizzjonijiet ma kinux faċli. Hu qal: “Dejjem tlabna għall-bżonnijiet bażiċi tagħna, u tgħallimna nkunu kuntenti b’dak li jipprovdilna Alla.” Bertha, mart Raúl, iżżid tgħid: “Kultant kont inħossni tassew ansjuża, u kont niddubita jekk Raúl kienx qatt xi darba se jsib xogħol. Imma rajna li Ġeħova wieġeb it-talb tagħna billi pprovdielna l-bżonnijiet taʼ kuljum. F’ċertu sens, avolja ma kellniex daqskemm kellna qabel, ħajjitna kienet ferm iktar sempliċi.”
Peress li Fred hu wieħed mix-Xhieda taʼ Ġeħova, l-istudju tiegħu tal-Bibbja effettwa bil-kbir il-mod kif kampa mas-sitwazzjoni tiegħu. Hu jgħid: “Kultant infittxu s-sigurtà fix-xogħol, f’xi pożizzjoni għolja, jew f’xi kont tal-bank. Imma jien tgħallimt li l-unika sigurtà li jistaʼ jkollna tiġi biss minn Alla Ġeħova. Hija proprju l-ħbiberija tagħna miegħu li tipprovdi l-unika sigurtà ġenwina.”b
[Noti taʼ taħt]
a Studju li sar wera li kważi 60 fil-mija tal-affarijiet kollha mixtrijin mill-konsumaturi ma jkunux pjanati li jinxtraw.
b Għal iktar informazzjoni fuq kif timmaniġġa l-flus, ara r-rivista l-oħra tagħna It-Torri tal-Għassa bl-Ingliż, tal-1 t’Awwissu, 2009, paġni 10-12.
[Kumment f’paġna 9]
“Dejjem tlabna għall-bżonnijiet bażiċi tagħna, u tgħallimna nkunu kuntenti b’dak li jipprovdilna Alla”
[Kaxxa/Tabella f’paġna 8]
Kif Tfassal Baġit
(1) Niżżel bil-miktub l-ispejjeż essenzjali taʼ kull xahar. Żomm nota taʼ dak kollu li tonfoq f’xahar sħiħ f’ikel, f’kera jew self fuq id-dar, f’kontijiet, fi spejjeż tal-karozza, u f’affarijiet essenzjali oħrajn. Aqsam fi tnax l-ammont tal-kontijiet li jitħallsu darba fis-sena biex tara kemm għandek twarrab fix-xahar.
(2) Aqsam l-ispejjeż f’kategoriji. Dawn jinkludu ikel, kera jew self fuq id-dar, spejjeż tal-karozza u vvjaġġar, u spejjeż oħrajn.
(3) Mill-flus li tkun ġemmajt, ara kemm għandek twarrab fix-xahar għal kull kategorija. Għall-kontijiet li jitħallsu darba fis-sena, ikkalkula bejn wieħed u ieħor kemm għandek bżonn twarrab kull xahar.
(4) Niżżel bil-miktub id-dħul nett kollu kemm hu taʼ kull min jgħix f’darek. Naqqas xi tnaqqis, bħal pereżempju t-taxxi. Qabbel dan l-ammont totali mal-ispejjeż.
(5) Kull xahar warrab l-ammont li jkun hemm bżonn għal kull kategorija. Jekk tuża flus kontanti, mod sempliċi hu li timmarka envelop għal kull kategorija. Imbagħad, kull tant żmien poġġi l-flus meħtiġin biex ikopru l-spejjeż partikulari fl-envelop immarkat. Agħmel hekk għal kull kategorija.
Oqgħod attent: Jekk qed tuża credit card kun responsabbli! Ħafna nies għamlu baġit imma ma żammewx miegħu għax ċedew għat-tentazzjoni li wieħed ‘jixtri issa u jħallas iktar tard.’
[Tabella]
(Għall-formazzjoni sħiħa tat-test, ara pubblikazzjoni)
Dħul Nett fix-Xahar
DĦUL NETT FIX-XAHAR MILL-PAGI €․․․․․ DĦUL IEĦOR €․․․․․
DĦUL NETT MILL-PAGI
TAʼ OĦRAJN FID-DAR €․․․․․ DĦUL NETT TOTALI
€․․․․․
Spejjeż fix-Xahar Spejjeż fix-Xahar
Skont il-Baġit Attwali
€․․․․․ Kera jew Self fuq id-Dar €․․․․․
€․․․․․ Assigurazzjoni/Taxxi €․․․․․
€․․․․․ Kontijiet €․․․․․
€․․․․․ Spejjeż tal-Karozza €․․․․․
€․․․․․ Divertiment/Safar €․․․․․
€․․․․․ Telefon €․․․․․
€․․․․․ Ikel €․․․․․
€․․․․․ Spejjeż Oħra €․․․․․
TOTAL SKONT IL-BAĠIT TOTAL ATTWALI
€․․․․․ €․․․․․
Qabbel id-Dħul u l-Ispejjeż
DĦUL NETT FIX-XAHAR €․․․․․
NAQQAS− BILANĊ
SPEJJEŻ FIX-XAHAR €․․․․․ €․․․․․