LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • g 1/12 pp. 7-9
  • Liema Ħarsa Hi Iktar Raġunevoli?

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Liema Ħarsa Hi Iktar Raġunevoli?
  • Stenbaħ!—2012
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Liema Ħarsa Tgħodd għall-​Fatti Kollha?
  • Il-ħajja kif bdiet?
    Iktar Suġġetti
  • Hija l-Evoluzzjoni fi Qbil mal-Bibbja?
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2008
  • Il-ħolqien jew l-evoluzzjoni?—It-2 parti: Għala għandek tiddubita l-evoluzzjoni?
    Iż-Żgħażagħ Jistaqsu
Stenbaħ!—2012
g 1/12 pp. 7-9

Liema Ħarsa Hi Iktar Raġunevoli?

L-​EBDA bniedem ma ra b’għajnejh stess il-​bidu tal-​ħajja fuq l-​art. U lanqas m’hawn xi ħadd li ra tip wieħed taʼ ħajja jevolvi f’tip ieħor—pereżempju, rettili jsir mammal.a Għalhekk, għandna nistrieħu fuq l-​evidenza disponibbli biex naslu għal konklużjonijiet dwar l-​oriġini tal-​ħajja. U għandna bżonn inħallu l-​evidenza titkellem għaliha nfisha minflok ma nġegħluha tgħid dak li rriduha tgħid.

Madanakollu, ħafna atei jqisu x-​xjenza mill-​ħarsa tal-​materjaliżmu, jiġifieri, il-​filosofija li tassumi li l-​oriġini tal-​ħajja ġiet biss b’kaġun t’affarijiet fiżiċi, jew, materja. L-​evoluzzjonista Richard C. Lewontin kiteb: “Diġà ntrabatna . . . mal-​materjaliżmu . . . Dan il-​materjaliżmu hu assolut għax ma nistgħu nħallu lanqas l-​iċken ħsieb jidħlilna li Alla jeżisti.” Għaldaqstant, uħud li jemmnu f’din il-​filosofija jilqgħu l-​unika alternattiva li għandhom—l-​evoluzzjoni.

Nies reliġjużi wkoll għandhom preġudizzji li jgħawġu l-​attitudni tagħhom lejn ix-​xjenza. Pereżempju, bħalma semmejna qabel, xi wħud iżommu mal-​idea żbaljata li Alla ħalaq l-​art f’sitt ijiem letterali xi eluf taʼ snin ilu. Peress li diġà ntrabtu maʼ din l-​idea, huma jipprovaw iġiegħlu l-​evidenza taqbel mal-​interpretazzjoni tassew letterali tagħhom dwar il-​Bibbja. (Ara l-​kaxxa “Kemm Hu Twil ‘Jum’?” f’paġna 9.) Nies li għandhom interpretazzjonijiet tant estremi kemm tal-​Bibbja kif ukoll tax-​xjenza, jitħallew mingħajr tweġibiet sodisfaċenti meta jipprovaw isibu evidenza għall-​fidi tagħhom.

Liema Ħarsa Tgħodd għall-​Fatti Kollha?

Rigward l-​oriġini tal-​molekuli kumplessi li jifformaw organiżmi ħajjin, xi evoluzzjonisti jemmnu dan li ġej:

1. Elementi ewlenin b’xi mod ngħaqdu biex jifformaw molekuli bażiċi.

2. Dawn il-​molekuli mbagħad ngħaqdu flimkien fis-​sekwenzi eżatti li hemm bżonn biex jiġu fformati DNA, RNA, jew proteina bil-​kapaċità li jaħżnu l-​informazzjoni meħtieġa biex twettaq attivitajiet essenzjali għall-​ħajja.

3. Il-​molekuli b’xi mod ifformaw is-​sekwenzi speċifiċi li hemm bżonn biex jagħmlu kopji tagħhom infushom. Mingħajr dan l-​ikkopjar, la jistaʼ jkun hemm żvilupp fl-​evoluzzjoni u lanqas tabilħaqq ma jistaʼ jkun hemm il-​ħajja nfisha.

Il-​molekuli tal-​ħajja kif ifformaw u kisbu l-​abbiltajiet tal-​għaġeb tagħhom mingħajr disinjatur intelliġenti? Riċerka evoluzzjonarja tonqos milli tipprovdi spjegazzjonijiet xierqa jew tweġibiet sodisfaċenti għall-​mistoqsijiet dwar l-​oriġini tal-​ħajja. Nistgħu ngħidu li dawk li jiċħdu l-​intervent bi skop taʼ Ħallieq jagħtu l-​krettu taʼ qawwiet bħal t’Alla lil molekuli u forzi naturali li ma jaħsbux.

Iżda x’juru l-​fatti? L-​evidenza disponibbli turi li mhux talli l-​molekuli ma jiżviluppawx f’forom taʼ ħajja kumplessi, imma talli jiġri l-​oppost: Il-​liġijiet tal-​fiżika juru biċ-​ċar li affarijiet kumplessi—magni, djar, u anke ċelluli ħajjin—maż-​żmien jiddeterjoraw.b Madankollu, l-​evoluzzjonisti jgħidu li jistaʼ jiġri l-​oppost. Pereżempju, ktieb fuq l-​evoluzzjoni (Evolution for Dummies) jgħid li l-​evoluzzjoni seħħet għax l-​art “tikseb ħafna enerġija mix-​xemx, u hi dik l-​enerġija li ġġiegħel l-​affarijiet isiru iktar kumplessi.”

Tabilħaqq, hemm bżonn l-​enerġija biex tibdel id-​diżordni f’ordni—pereżempju, biex minn briks, konkos, u ħadid tinbena dar. Imma din l-​enerġija għandha tiġi kontrollata bir-​reqqa u użata b’mod preċiż għax iktar hemm ċans li enerġija mhix kontrollata tgħaġġel id-​deterjorazzjoni, l-​istess bħalma l-​enerġija mix-​xemx u t-​temp tistaʼ tħaffef id-​deterjorazzjoni taʼ bini.c Dawk li jemmnu fl-​evoluzzjoni ma jistgħux jispjegaw b’mod sodisfaċenti kif l-​enerġija hi kontrollata b’tali mod li ġġiegħel l-​affarijiet isiru iktar kumplessi.

Min-​naħa l-​oħra, meta nħarsu lejn il-​ħajja u l-​univers bħala x-​xogħol taʼ Ħallieq għaref li għandu “abbundanza t’enerġija attiva,” aħna nistgħu nispjegaw mhux biss il-​komplessità tas-​sistemi t’informazzjoni tal-​ħajja imma wkoll il-​forzi tassew preċiżi li jmexxu l-​materja nfisha, minn galassji enormi sa atomi ċkejknin.d—Isaija 40:26.

It-​twemmin f’Ħallieq ukoll jaqbel mal-​opinjoni li issa ġiet ġeneralment aċċettata li l-​univers fiżiku kellu bidu. Ġenesi 1:1 jgħid: “Fil-​bidu Alla ħalaq is-​smewwiet u l-​art.”

Darba wara l-​oħra, skoperti ġodda għandhom it-​tendenza li jġiegħlu l-​filosofija tal-​materjaliżmu tkun iktar u iktar diffiċli li tiddefendiha, fatt li qanqal lil xi atei biex jirrivedu l-​opinjonijiet tagħhom.e Iva, xi wħud li qabel kienu atei waslu għall-​konklużjoni li l-​għeġubijiet tal-​univers huma evidenza viżibbli tal-​“kwalitajiet inviżibbli” u “l-​qawwa eterna” tal-​Ħallieq tagħna, Alla Ġeħova. (Rumani 1:20) Tasal biex taħseb ftit ieħor fuq dan is-​suġġett? L-​ebda suġġett ma jistaʼ jkun iktar importanti jew taʼ iktar valur!f

[Noti taʼ taħt]

a Avolja emmen b’mod sod fl-​evoluzzjoni, il-​bijologu Ernst Mayr ammetta li “r-​rekord tal-​fossili fih ħafna nieqes,” fis-​sens li tipi ġodda taʼ organiżmi jidhru f’daqqa waħda.

b Deterjorazzjoni bħal din tiġi minħabba dak li x-​xjenzati jsejħu t-​tieni liġi tat-​termodinamika. Fi kliem sempliċi, din il-​liġi tgħid li t-​tendenza naturali hi li l-​ordni tiddeterjora f’diżordni.

c Id-​DNA jistaʼ jinbidel minħabba bidliet fil-​ġeni, li jistgħu jiġu kaġunati minn affarijiet bħal radjazzjoni u ċerti sustanzi kimiċi. Imma dawn ma jirriżultawx fi speċi ġodda.—Ara l-​artiklu “Is Evolution a Fact?” fil-​ħarġa bl-​Ingliż taʼ Stenbaħ! taʼ Settembru, 2006.

d Ara l-​ktieb Is There a Creator Who Cares About You? pubblikat mix-​Xhieda taʼ Ġeħova.

e Ara l-​artiklu “I Was Raised an Atheist,” fil-​ħarġa bl-​Ingliż taʼ Stenbaħ! taʼ Novembru, 2010.

f Għal iktar informazzjoni fuq il-​kwistjoni tal-​ħolqien kontra l-​evoluzzjoni, jekk jogħġbok ara l-​browxers bl-​Ingliż Was Life Created? u The Origin of Life—Five Questions Worth Asking, pubblikati mix-​Xhieda taʼ Ġeħova.

[Kaxxa f’paġna 8]

IL-​BNEDMIN QED JEVOLVU JEW JIDDETERJORAW?

Xi xjenzati jinsabu inkwetati ferm li d-​DNA tal-​bniedem fil-​fatt qed jiddeterjora minħabba li qed isiru iktar bidliet fil-​ġeni, jew imperfezzjonijiet. Jekk inhu hekk, dan il-​fatt idgħajjef il-​ħarsa li qed nevolvu, jew nitjiebu. Imma jekk Alla ħalaq id-​DNA uman, għala fih id-​difetti? Il-​Bibbja tgħidilna dak li ma tistax ix-​xjenza—li l-​imperfezzjonijiet umani jiġu minħabba d-​dnub, jew id-​diżubbidjenza lejn Alla. Rumani 5:12 jgħid: “Permezz taʼ bniedem wieħed [Adam] id-​dnub daħal fid-​dinja, u permezz tad-​dnub il-​mewt.” Għalhekk, DNA li qed jiddeterjora jmur kontra l-​evoluzzjoni imma jappoġġa l-​Bibbja. Ifisser dan li d-​DNA se jibqaʼ jiddeterjora għal dejjem? Le! Alla wiegħed li se jintervieni fil-​kwistjonijiet tal-​bniedem u jirranġa l-​ħsara kollha kkaġunata mill-​ġenituri oriġinali tagħna. Iva, il-​Ħallieq tagħna, mhux l-​evoluzzjoni, se jipperfezzjona d-​DNA tagħna.—Rivelazzjoni 21:3, 4.

[Kaxxa f’paġna 9]

KEMM HU TWIL “JUM”?

Fil-​Bibbja, il-​kelma “jum” tistaʼ tirreferi għal diversi perijodi taʼ żmien. Pereżempju, f’Ġenesi 2:4, il-​perijodu kollu tal-​ħolqien li dam sitt “ijiem” jiġi referut bħala “dakinhar li Alla Ġeħova għamel l-​art u s-​sema.” Jidher li kull jum involva ammont taʼ żmien konsiderevoli. Hu interessanti li filwaqt li l-​Bibbja ssemmi speċifikament it-​tmiem tal-​ewwel sitt “ijiem,” imkien ma ssemmi t-​tmiem tas-​sebaʼ jum. Għala? Dak il-​jum għadu għaddej.—Ġenesi 2:3; Ebrej 4:4-​6, 11.

[Stampa f’paġna 8]

Mingħajr manutenzjoni, l-​affarijiet għandhom it-​tendenza li jiddeterjoraw

[Stampa f’paġni 8, 9]

Il-​qawwa u l-​kwalitajiet l-​oħrajn t’Alla jidhru ċar fl-​univers

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja