LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • g 5/15 pp. 3-5
  • X’sar minnha d-dixxiplina?

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • X’sar minnha d-dixxiplina?
  • Stenbaħ!—2015
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • L-​awtorità tal-​ġenituri tiddgħajjef
  • Opinjonijiet li dejjem jinbidlu
  • Ġenituri—Ħarrġu lil Uliedkom bl-Imħabba
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2007
  • Dixxiplina li taħdem
    Stenbaħ!—2015
  • Kif Trabbi Tfal Qalbhom Tajba f’Dinja Egoistika
    Stenbaħ!—2013
  • Ġenituri—Għinu lit-Tfal Tagħkom Iħobbu lil Ġeħova
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2022
Ara Iżjed
Stenbaħ!—2015
g 5/15 pp. 3-5
1. Tifel t’erbaʼ snin iżomm ġugarell; 2. Tifla taʼ ħames snin b’idejha marbutin; 3. Tifel taʼ 12-il sena b’idu fuq ġenbu

SUĠĠETT PRINĊIPALI

X’sar minnha d-​dixxiplina?

Fi snin reċenti, il-​ħajja tal-​familja fil-​pajjiżi tal-​Punent inbidlet drammatikament. Kien hemm żmien meta l-​ġenituri kienu jikkmandaw u t-​tfal jobduhom. Issa, f’xi familji, jidher li hu l-​kontra. Pereżempju, ikkunsidra x-​xenarji li ġejjin, li kollha huma bbażati fuq sitwazzjonijiet realistiċi.

  • Waqt li qiegħed f’ħanut m’ommu, tifel t’erbaʼ snin jaqbad ġugarell. Ommu tipprova tiskuraġġih. “Diġà għandek biżżejjed ġugarelli, mhux hekk?” Tirrealizza tard wisq li ma kellhiex tispiċċa b’mistoqsija. “Imma rridu!” jeqred it-​tifel. Minħabba li tibżaʼ minn xi xenata—is-​soltu tattika tiegħu—l-​omm iċċedi.

  • Tifla taʼ ħames snin tinterrompi lil missierha waqt li jkun qed jitkellem m’adult ieħor. “Iddejjaqt,” tgħid b’leħen għoli. “Irrid immur id-​dar!” Missierha jieqaf f’nofs sentenza, jitbaxxa għal-​livell taʼ bintu, u b’vuċi li tikkalma jgħidilha: “Ftit minuti oħra, qalbi—orrajt?”

  • James, taʼ 12-​il sena, għal darb’oħra ġie akkużat li għajjat mal-​għalliema tiegħu. Missier James jirrabja—mhux maʼ ibnu imma mal-​għalliema. “Dejjem taqbad miegħek,” jgħid lil James. “Se mmur nirrapportaha lis-​surmast!”

Dawn ix-​xenarji huma fittizji, imma ma tistax tinnega li ma jiġrux. Juru li teżisti problema vera f’familji fejn il-​ġenituri jittolleraw in-​nuqqas taʼ manjieri tajbin f’uliedhom, iċedu għall-​ordnijiet tagħhom, u “jsalvawhom” mill-​konsegwenzi tal-​imġiba ħażina tagħhom. “Hu iżjed u iżjed komuni li tara lill-​ġenituri jċedu l-​awtorità lit-​tfal żgħar,” jgħid il-​ktieb The Narcissism Epidemic. “M’ilux ħafna, it-​tfal kienu jafu min jikkmanda—u ma kinux huma.”

M’għandniex xi ngħidu, ħafna ġenituri jagħmlu l-​aħjar li jistgħu biex jgħallmu valuri tajbin lil uliedhom, mhux biss bl-​eżempju tajjeb tagħhom imma wkoll billi jikkoreġu b’mod sod iżda bl-​imħabba meta jkun hemm bżonn. Minkejja dan, ġenituri li jagħrfu l-​valur taʼ li jagħmlu dan qegħdin, kif jgħid il-​ktieb kwotat qabel, “jgħumu kontra l-​kurrent kulturali.”

L-​affarijiet kif waslu s’hawn? X’sar minnha d-​dixxiplina?

L-​awtorità tal-​ġenituri tiddgħajjef

Xi wħud jgħidu li l-​awtorità tal-​ġenituri bdiet tiddgħajjef fis-​snin 60, meta l-​hekk imsejħa esperti kienu qed iħeġġu lill-​ġenituri biex ma jirrabjawx maʼ wliedhom. Huma qalu: ‘Kun ħabib, mhux persuna taʼ awtorità.’ ‘Li tfaħħar hu aħjar milli tiddixxiplina.’ ‘Iżjed milli tikkoreġi l-​ħażen, aqbad lil uliedek jagħmlu xi ħaġa tajba.’ Minflok ma sabu bilanċ bejn it-​tifħir u t-​twiddib, jidher li l-​esperti kienu qed jgħidu li t-​twiddib lit-​tfal kien se jagħmel ħsara lill-​emozzjonijiet fraġli tagħhom u jwassalhom biex jistmerru lill-​ġenituri tagħhom iżjed tard fil-​ħajja.

Fi ftit żmien, l-​esperti kienu qed jirreklamaw ukoll il-​valuri taʼ kemm wieħed jistma lilu nnifsu. Kien bħallikieku s-​sigriet taʼ li tkun ġenitur tajjeb f’daqqa waħda nstab u kien sempliċement dan: Għin lil uliedek iħossuhom tajjeb dwarhom infushom. Bla dubju, hu importanti li trawwem il-​kunfidenza fit-​tfal. Imma dwar kemm wieħed jistma lilu nnifsu, l-​esperti marru fl-​estrem. Huma qalu lill-​ġenituri: ‘Evitaw li tużaw kliem negattiv bħalma huma le u ħażin.’ ‘Ibqgħu għidu lil uliedkom li huma speċjali u li jistgħu jkunu kulma jridu jkunu.’ Kien bħallikieku li jħossuhom tajjeb kien aħjar milli jkunu tajjeb.

Ġenituri jfaħħru lil binhom iżżejjed waqt li qiegħed bilqiegħda fuq tron

Il-moviment taʼ kemm wieħed jistma lilu nnifsu ġiegħel lit-tfal iħossuhom li għandhom xi drittijiet

Fl-​aħħar mill-​aħħar, hemm min jgħid li l-​moviment taʼ kemm wieħed jistma lilu nnifsu ġiegħel lit-​tfal iħossuhom li għandhom xi drittijiet, bħallikieku d-​dinja midjuna magħhom. Ħalla wkoll lil ħafna żgħażagħ “mhux preparati għall-​kritika inevitabbli u li kultant ma jirnexxux, kif fir-​realtà jiġri,” jgħid il-​ktieb Generation Me. Missier li ġie kwotat f’dan il-​ktieb poġġieha hekk: “Il-​moviment taʼ kemm wieħed jistma lilu nnifsu ma jeżistix fid-​dinja tax-​xogħol. . . . Jekk tippreżenta rapport ħażin fl-​uffiċċju, l-​imgħallem mhux se jgħidlek, ‘Eh, kemm hu sabiħ il-​kulur tal-​karta li għażilt.’ Meta ddarri lit-​tfal hekk fil-​fatt tkun qed tagħmlilhom il-​ħsara.”

Opinjonijiet li dejjem jinbidlu

Matul is-​snin, il-​prattiki tat-​trobbija tat-​tfal spiss urew l-​opinjonijiet tal-​bnedmin li dejjem jinbidlu. “Id-​dixxiplina tibqaʼ tinbidel,” jikteb l-​edukatur Ronald G. Morrish. “Turi bidliet fis-​soċjetà tagħna.”a Hu faċli ħafna għall-​ġenituri li jispiċċaw, kif tpoġġiha l-​Bibbja, “mitfugħin ’l hemm u ’l hawn qisu mill-​mewġ u mtajrin minn kull riħ taʼ tagħlim.”—Efesin 4:14.

Jidher ċar li x-​xeħta kurrenti taʼ dixxiplina ratba għandha effetti negattivi. Mhux biss dgħajfet l-​awtorità tal-​ġenituri imma wkoll ħalliet lit-​tfal mingħajr il-​gwida li jeħtieġu biex jagħmlu għażliet tajbin u jiffaċċjaw il-​ħajja b’kunfidenza ġenwina.

Hemm metodu aħjar?

a Tipa grassa tagħna; mill-​ktieb Secrets of Discipline: 12 Keys for Raising Responsible Children.

Qed ngħallmu bil-​kuntrarju?

Poġġi lilek innifsek f’dawn iċ-​ċirkustanzi.

  • Int omm li dejjem twassal lil uliedek ’l hemm u ’l hawn. Wara l-​iskola u matul tmiem il-​ġimgħa tieħu lit-​tfal tiegħek minn attività għal oħra: privatijiet, lezzjonijiet tal-​pjanu, taħriġ tal-​futbol—tagħmel minn kollox biex iżżommhom attivi. ‘Inħossni għajjiena mejta,’ tgħid lilek innifsek, ‘imma t-​tfal jafu li huma l-​mimmi t’għajnejja u li nagħmel minn kollox għalihom. Mhux hekk trid tagħmel biex tkun omm tajba?’

    Ikkunsidra: X’lezzjonijiet verament qed jitgħallmu t-​tfal billi ommhom tinħaleb biex sempliċement ikunu attivi huma? Jistaʼ jkun li maż-​żmien it-​tfal tiegħek jibdew jaħsbu li l-​adulti—partikularment il-​ġenituri—qegħdin hemm sempliċement biex jaqdu l-​bżonnijiet tat-​tfal tagħhom?

    Teknika aħjar: Ħalli lil uliedek jaraw li anki int għandek il-​bżonnijiet. Dan se jgħallimhom ikollhom konsiderazzjoni lejn oħrajn—inkluż lejk.

  • Int trabbejt minn missier aħrax u li kien jikkritika, għalhekk int kont determinat li tkun l-​oppost mat-​tfal tiegħek. F’kull opportunità li jkollok, tfaħħar liż-​żewġ uliedek subien—anki meta ma jkunu għamlu xejn li jistħoqqlu tifħir. ‘Hu importanti li ġġegħelhom iħossuhom tajjeb dwarhom infushom,’ tgħid bejnek u bejn ruħek. ‘Jekk iħossuhom speċjali, ikollhom il-​kunfidenza li għandhom bżonn biex jirnexxu fil-​ħajja.’

    Ikkunsidra: X’lezzjonijiet verament qed jitgħallmu wliedek billi jirċievu ‘tifħir fieragħ’—tifħir li jingħata biex sempliċement iħossuhom tajjeb? Kif tistaʼ l-​enfasi żejda fuq l-​istima li jkollhom uliedek lejhom infushom tkun taʼ ħsara għalihom, kemm issa u kemm iżjed tard fil-​ħajja?

    Teknika aħjar: Kun bilanċjat. Tikkritikax lil uliedek iżżejjed; fl-​istess ħin, ibbaża t-​tifħir tiegħek fuq sforzi li jkunu għamlu verament.

  • Int omm taʼ żewġt ibniet, waħda għandha sitt snin u l-​oħra ħames snin. Lill-​kbira ġeneralment taqbżilha malajr. Ilbieraħ, qabżitilha u tat daqqa taʼ ponn lil oħtha fuq idha. Int taħseb fuq kif ittrattajt is-​sitwazzjoni. ‘Għażilt li nirraġuna magħha minflok ma naħtafha,’ tiftakar. ‘Wara kollox, mhux ħsara nagħmel jekk lil binti ngħidilha li għamlet ħażin?’

    Ikkunsidra: Ir-​raġunar waħdu hu biżżejjed għal tifla taʼ sitt snin? Veru tagħmel ħsara jekk tuża l-​kelma “ħażin” biex tiddeskrivi l-​att li ssawwat lil oħtok?

    Teknika aħjar: Meta ma jġibux ruħhom sew, agħmel ċert li jkun hemm il-​konsegwenzi. Meta tingħata bl-​imħabba, id-​dixxiplina se tgħin lil uliedek jitgħallmu jaġġustaw l-​imġiba tagħhom.

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja