Ġenituri—Ħarrġu lil Uliedkom bl-Imħabba
“Kulma tagħmlu agħmluh bl-imħabba.”—1 KORINTIN 16:14.
1. Xi jħossu l-ġenituri meta titwildilhom tarbija?
ĦAFNA mill-ġenituri jaqblu li t-twelid taʼ tarbija jistaʼ jkun wieħed mill-iktar ġrajjiet li jġibu hena fil-ħajja. Omm li jisimha Aleah qalet: “Malli ħarist għall-ewwel darba lejn binti li kienet għadha kif twieldet, ħassejtni verament ferħana. Ħassejt li kienet l-isbaħ tarbija li qatt kont rajt.” Però, okkażjoni taʼ ferħ bħal din tistaʼ wkoll toħloq ansjetà lill-ġenituri. Ir-raġel t’Aleah qal: “It-tħassib tiegħi kien dwar jekk stajtx inħejji lil binti sew għall-problemi tal-ħajja.” Ħafna ġenituri jinkwetaw bl-istess mod u jirrealizzaw kemm għandhom bżonn iħarrġu lil uliedhom bl-imħabba. Madankollu, xi ġenituri Kristjani li jixtiequ jagħtu taħriġ bħal dan kollu mħabba jiffaċċjaw xi sfidi. X’inhuma xi ftit minnhom?
2. Il-ġenituri liema sfidi jiffaċċjaw?
2 Issa qed ngħixu qrib it-tmiem taʼ l-aħħar jiem taʼ din is-sistema. Bħalma ġie mbassar, id-dinja li ngħixu fiha mimlija nies li ma jurux imħabba. Anki fost il-membri tal-familji, in-nies ma juru ebda “mħabba naturali” u saru “ingrati, żleali . . . mingħajr rażna, feroċi.” (2 Timotju 3:1-5) Kuntatt taʼ kuljum maʼ nies li juru kwalitajiet bħal dawn jistaʼ jeffettwa l-mod kif il-membri tal-familji Kristjani jittrattaw lil xulxin. Barra minn hekk, il-ġenituri jissieltu mat-tendenza li għandhom fihom infushom li jitilfu l-paċenzja, li jgħidu affarijiet li jweġġgħu mingħajr ma jridu, u li jonqsu milli jużaw id-dehen f’affarijiet oħrajn.—Rumani 3:23; Ġakbu 3:2, 8, 9.
3. Il-ġenituri kif jistgħu jrabbu tfal henjin?
3 Minkejja dawn l-isfidi, il-ġenituri jistgħu jrabbu tfal henjin u f’saħħithom spiritwalment. Kif? Billi jsegwu l-parir tal-Bibbja: “Kulma tagħmlu agħmluh bl-imħabba.” (1 Korintin 16:14) Tabilħaqq, l-imħabba hi “rabta perfetta li tgħaqqad.” (Kolossin 3:14) Ejja neżaminaw tliet aspetti taʼ l-imħabba deskritta mill-appostlu Pawlu fl-ewwel ittra tiegħu lill-Korintin u niddiskutu xi modi speċifiċi kif il-ġenituri jistgħu japplikaw din il-kwalità meta jħarrġu lil uliedhom.—1 Korintin 13:4-8.
Il-Bżonn li Nistabru fit-Tul
4. Il-ġenituri għala għandhom bżonn jistabru fit-tul?
4 Pawlu kiteb: “L-imħabba tistabar fit-tul.” (1 Korintin 13:4) L-espressjoni Griega tradotta “tistabar fit-tul” tfisser li wieħed juri paċenzja u jdum biex jagħdab. Il-ġenituri għala jridu jistabru fit-tul? Ħafna ġenituri żgur li se jiġuhom f’moħħhom diversi raġunijiet. Ikkunsidra biss ftit minnhom. It-tfal rari jitolbu darba waħda biss għall-oġġett li jkunu jixtiequ. Anki jekk il-ġenitur jgħidilhom ċar u tond li ma jistgħux jiħduh, it-tfal għandhom mnejn jistaqsu għal darba wara l-oħra, minħabba li jittamaw li jingħataw tweġiba differenti. L-adoloxxenti għandhom mnejn ikunu jridu jagħtu ħafna raġunijiet għala għandhom jitħallew jagħmlu xi ħaġa li l-ġenitur ikun jaf li hija bluha. (Proverbji 22:15) U bħalna lkoll, it-tfal għandhom l-inklinazzjoni li jerġgħu jwettqu ċerti żbalji.—Salm 130:3.
5. X’jistaʼ jgħin lill-ġenituri biex jistabru fit-tul?
5 X’jistaʼ jgħin lill-ġenituri biex jistabru fit-tul u jkunu paċenzjużi maʼ wliedhom? Is-Sultan Salamun kiteb: “Bniedem bil-għaqal idum ma jagħdab.” (Proverbji 19:11) Il-ġenituri għandhom mnejn jifhmu l-imġiba taʼ wliedhom billi jiftakru li xi darba huma wkoll kienu ‘jitkellmu taʼ tfal, jaħsbu taʼ tfal, u jirraġunaw taʼ tfal.’ (1 Korintin 13:11) Ġenituri, tiftakruh iż-żmien meta kontu tiffittaw lil ommkom jew lil missierkom biex iċedi għal dak li titolbuh taʼ tfal li kontu? Bħala adoloxxenti, qatt ħsibtu li l-ġenituri tagħkom sempliċement ma kinux jifhmu s-sentimenti jew il-problemi tagħkom? Jekk inhu hekk, x’aktarx li tifhmu għala wliedkom jaġixxu kif jaġixxu u għala għandhom bżonn taʼ tfakkiriet spissi u bil-paċenzja dwar id-deċiżjonijiet tagħkom. (Kolossin 4:6) Taʼ min jinnota li Ġeħova qal lill-ġenituri Iżraelin biex ‘itennu’ l-liġijiet tiegħu liċ-ċkejknin tagħhom. (Dewteronomju 6:6, 7) Il-kelma Ebrajka għal “tennihom” tfisser “li tirripeti,” “li tgħid għal darba wara l-oħra,” u “li tħalli effett.” Dan ifisser li l-ġenituri għandhom mnejn ikollhom jirripetu l-istess ħaġa ħafna drabi qabel ma t-tfal jitgħallmu japplikaw il-liġijiet t’Alla. Ripetizzjoni simili spiss hija meħtieġa biex jiġu mgħallmin lezzjonijiet oħrajn fil-ħajja.
6. Għala ġenitur li jistabar fit-tul m’huwiex ġenitur permissiv?
6 Madankollu, ġenitur li jistabar fit-tul m’huwiex ġenitur permissiv. Il-Kelma t’Alla twissi: “Tifel mitluq għal riħu jagħmel għajb lil ommu.” Biex jiġi evitat riżultat bħal dan, l-istess proverbju jgħid: “Il-bastun u t-twiddib jagħmlu l-għorrief.” (Proverbji 29:15) Kultant, it-tfal għandhom mnejn iħossu li l-ġenituri m’għandhomx l-awtorità biex jikkoreġuhom. Imma l-familji Kristjani m’għandhomx jimxu b’sistema taʼ demokrazija, bħallikieku d-dritt tal-ġenituri biex jinforzaw ir-regoli jiddependi b’xi mod mill-approvazzjoni tat-tfal. Minflok, Ġeħova, bħala l-Kap prinċipali tal-familja, jagħti lill-ġenituri l-awtorità li jħarrġu u jiddixxiplinaw lil uliedhom bl-imħabba. (1 Korintin 11:3; Efesin 3:15; 6:1-4) Fil-fatt, id-dixxiplina hija konnessa mill-qrib maʼ l-aspett li jmiss taʼ l-imħabba li semma Pawlu.
Kif Tiddixxiplina bl-Imħabba
7. Il-ġenituri li juru qalb tajba għala jiddixxiplinaw lil uliedhom, u x’tinkludi din id-dixxiplina?
7 Pawlu kiteb li “l-imħabba . . . qalbha tajba.” (1 Korintin 13:4) Ġenituri li huma tassew qalbhom tajba se jiddixxiplinaw lil uliedhom b’mod konsistenti. Billi jagħmlu hekk, huma jimitaw lil Ġeħova. “Ġeħova jiddixxiplina lil min iħobb,” kiteb Pawlu. Jekk jogħġbok innota li t-tip taʼ dixxiplina msemmija fil-Bibbja ma tfissirx sempliċi kastig. Din tagħti l-ħsieb taʼ taħriġ u edukazzjoni. X’inhu l-iskop taʼ dixxiplina bħal din? Pawlu qal: “Wara, lil dawk li jkunu tħarrġu biha tagħtihom frott li jġib il-paċi, jiġifieri, is-sewwa.” (Ebrej 12:6, 11) Meta l-ġenituri jedukaw lil uliedhom b’qalb tajba skond ir-rieda t’Alla, huma jagħtuhom l-opportunità li jsiru adulti paċifiċi u retti. Jekk it-tfal jaċċettaw “id-dixxiplina taʼ Ġeħova” (NW), huma jiksbu l-għerf, l-għarfien, u d-dehen—kwalitajiet li huma iktar taʼ valur mill-fidda u d-deheb.—Proverbji 3:11-18.
8. X’jiġri ġeneralment meta l-ġenituri ma jiddixxiplinawx lil uliedhom?
8 Mill-banda l-oħra, il-ġenituri li ma jiddixxiplinawx lil uliedhom ma jkunux qed juru qalb tajba. Ġeħova ispira lil Salamun biex jikteb: “Min iżomm lura l-bastun jobgħod lil ibnu, imma min iħobbu jieħu ħsieb iwiddbu.” (Proverbji 13:24) It-tfal imrobbijin mingħajr dixxiplina konsistenti x’aktarx li jkunu egoisti u mdejqin. Kuntrarju għal dan, it-tfal li l-ġenituri tagħhom jifhmuhom imma jpoġġulhom limiti ċari nstabu li jmorru aħjar fl-iskola, huma iktar kapaċi jingwalawha m’oħrajn, u ġeneralment huma henjin. Mela żgur li l-ġenituri li jiddixxiplinaw lil uliedhom ikunu qed juruhom qalb tajba.
9. Il-ġenituri Kristjani x’jgħallmuhom lil uliedhom, u kif għandhom jitqiesu dawn il-ħtiġijiet?
9 X’jinvolvi li t-tfal jiġu dixxiplinati b’qalb tajba u bi mħabba? Il-ġenituri għandhom bżonn jiddiskutu maʼ wliedhom x’inhu meħtieġ eżatt minnhom. Per eżempju, miċ-ċokon, it-tfal taʼ ġenituri Kristjani jiġu mgħallmin prinċipji Bibliċi fundamentali kif ukoll dwar il-bżonn li jieħdu sehem f’diversi aspetti tal-qima vera. (Eżodu 20:12-17; Mattew 22:37-40; 28:19; Ebrej 10:24, 25) It-tfal għandhom bżonn ikunu jafu li dawn il-ħtiġijiet ma jinbidlux.
10, 11. Il-ġenituri għala għandhom mnejn jikkunsidraw l-interessi taʼ wliedhom meta jagħmlu r-regoli fil-familja?
10 Però, kultant il-ġenituri għandhom mnejn ikunu jridu jinvolvu lil uliedhom meta jagħmlu r-regoli tad-dar. Jekk iż-żgħażagħ ikunu jistgħu jieħdu sehem fid-diskussjonijiet dwar dawn ir-regoli, huma għandhom mnejn ikunu iktar lesti li jobduhom. Per eżempju, il-ġenituri għandhom mnejn jiddeċiedu li jagħżlu ħin speċifiku meta t-tfal għandhom jidħlu d-dar. Jew inkella, bħala alternattiva, huma jistgħu jħallu lil uliedhom jissuġġerixxu ħin u jagħtu r-raġunijiet għall-għażla tagħhom. Imbagħad, il-ġenituri jistgħu jgħidu huma x’ħin jixtiquhom jidħlu d-dar u jgħidulhom għala jħossu li dan huwa xieraq. Jekk hemm opinjonijiet differenti, li x’aktarx se jkun il-każ, imbagħad x’għandu jsir? F’ċerti każijiet, il-ġenituri jistgħu jiddeċiedu li forsi jkun possibbli li jaqtgħu x-xewqa taʼ wliedhom meta l-prinċipji tal-Bibbja ma jkunux ġew miksurin. Ifisser dan li l-ġenituri jkunu qed iċedu l-awtorità tagħhom?
11 Biex twieġeb din il-mistoqsija, ikkunsidra kif Ġeħova eżerċita l-awtorità tiegħu bl-imħabba meta ttratta maʼ Lot u l-familja tiegħu. Wara li ħarġu lil Lot, lil martu, u lil uliedu l-bniet ’il barra minn Sodoma, l-anġli qalulhom: “Aħrab lejn l-għoljiet li ma tinqeridx.” Madankollu, Lot wieġeb: “Le, ja Sidi.” Imbagħad Lot issuġġerixxa għażla oħra: “Ara hawn din il-belt fil-qrib, ħa nistkenn hemm, belt żgħira hi. Ħalli naħrab, u nistkenn hemm?” Kif wieġbu Ġeħova? “Ara jien se naqtagħlek xewqtek f’din il-ħaġa wkoll,” qallu hu. (Ġenesi 19:17-22) Ċeda Ġeħova l-awtorità tiegħu? Dażgur li le! Minkejja dan, hu kkunsidra r-rikjesta taʼ Lot u għażel li juri iktar qalb tajba miegħu f’din il-kwistjoni. Jekk int ġenitur, hemm drabi meta tistaʼ tikkunsidra l-interessi taʼ wliedek waqt li tistabbilixxi r-regoli fil-familja?
12. X’se jgħin lit-tfal biex ikollhom moħħhom mistrieħ?
12 M’għandniex xi ngħidu, it-tfal għandhom bżonn ikunu jafu mhux biss ir-regoli imma wkoll il-konsegwenzi li se jġarrbu talli ma jobdux dawn ir-regoli. Ladarba l-konsegwenzi jiġu diskussi u mifhuma, ir-regoli jridu jiġu inforzati. Il-ġenituri ma jkunux qed juru qalb tajba jekk il-ħin kollu jwissu ’l uliedhom dwar kastig li jkun jistħoqqilhom imma jonqsu li jwettquh. “Għax l-għemejjel tal-ħżiena ma jeħdux minnufih il-kundanna li jkun jistħoqqilhom; għalhekk qalb il-ħżiena titħajjar ħafna biex tagħmel id-deni,” tgħid il-Bibbja. (Koħèlet 8:11) Huwa minnu li ġenitur għandu mnejn joqgħod lura milli jikkastiga lil uliedu fil-pubbliku jew meta jkunu maʼ sħabhom, ħalli ma jimbarazzahomx. Imma t-tfal iħossuhom iktar moħħhom mistrieħ u jiżviluppaw iktar rispett u mħabba għall-ġenituri tagħhom meta jkunu jafu li l-“Iva” tal-ġenituri jfisser iva u l-“Le” jfisser le—anki jekk dan iġib miegħu kastig.—Mattew 5:37.
13, 14. Il-ġenituri kif jistgħu jimitaw lil Ġeħova meta jħarrġu lil uliedhom?
13 Jekk il-kastig se jingħata b’qalb tajba, dan irid jingħata skond il-bżonnijiet tat-tfal. “Iż-żewġt itfal tagħna kellhom bżonnijiet differenti fejn kienet tidħol id-dixxiplina,” tiftakar Pam. “Dak li kien jaħdem maʼ waħda ma kienx jaħdem maʼ l-oħra.” Żewġha Larry jispjega: “It-tifla l-kbira kellha rasha iebsa u kienet tobdi biss meta tingħata dixxiplina stretta. Madankollu, it-tifla ż-żgħira kienet tobdi malajr għal kliem sod u saħansitra għal ħarsa waħda taʼ diżapprovazzjoni.” Tabilħaqq, ġenituri li juru qalb tajba jistinkaw biex jagħrfu liema dixxiplina hija l-iktar effettiva għal uliedhom b’mod individwali.
14 Ġeħova jagħti eżempju lill-ġenituri minħabba li jaf fiex inhu tajjeb u fiex inhu dgħajjef kull wieħed mill-qaddejja tiegħu. (Ebrej 4:13) Barra minn hekk, meta jagħti kastig, Ġeħova qatt ma jkun iebes bla bżonn jew permissiv iżżejjed. Minflok, hu dejjem jiddixxiplina lill-poplu tiegħu ‘skond ma ħaqqu.’ (Ġeremija 30:11) Ġenituri, tafu x’inhuma l-kwalitajiet tajbin u d-dgħjufijiet taʼ wliedkom? Tafu tużaw dan l-għarfien b’mod effettiv biex b’qalb tajba tħarrġuhom? Jekk inhu hekk, intom qed turu li tħobbu lil uliedkom.
Inkuraġġixxi Komunikazzjoni Sinċiera
15, 16. Il-ġenituri kif jistgħu jinkuraġġixxu lil uliedhom biex jitkellmu bis-sinċerità, u xi ġenituri Kristjani liema metodu sabu li hu effettiv f’dan ir-rigward?
15 Aspett ieħor taʼ l-imħabba hu li din “ma tithenniex bl-inġustizzja, imma tithenna bil-verità.” (1 Korintin 13:6) Kif jistgħu l-ġenituri jħarrġu lil uliedhom biex iħobbu dak li hu tajjeb u veru? Pass fundamentali hu li jinkuraġġixxu lil uliedhom biex jesprimu s-sentimenti tagħhom bis-sinċerità, anki jekk dak li jgħidu t-tfal ikun diffiċli biex il-ġenituri jaċċettawh. M’għandniex xi ngħidu, il-ġenituri jifirħu meta t-tfal jesprimu l-ħsibijiet u s-sentimenti tagħhom fi qbil mal-livelli ġusti. Però, drabi oħra l-kummenti mill-qalb tat-tfal jistgħu jikxfu inklinazzjoni lejn dak li m’huwiex sewwa. (Ġenesi 8:21) Kif għandhom jirreaġixxu l-ġenituri? Għall-ewwel, jistaʼ jkollhom it-tendenza li jikkoreġu lil uliedhom mill-ewwel talli jesprimu ħsibijiet bħal dawn. Jekk il-ġenituri jirreaġixxu b’dan il-mod, it-tfal għandhom mnejn jitgħallmu malajr jgħidu biss dak li jogħġob lill-ġenituri tagħhom. M’għandniex xi ngħidu, kliem nieqes mir-rispett għandu jiġi koreġut minnufih, imma hemm differenza bejn li tgħallem lit-tfal kif jikkomunikaw bl-edukazzjoni u li tgħidilhom x’għandhom jgħidu.
16 Il-ġenituri kif jistgħu jinkuraġġixxu komunikazzjoni sinċiera? Aleah, li semmejna qabel, tgħid: “Aħna ħloqna ambjent taʼ komunikazzjoni sinċiera billi pprovajna ma nirrabjawx iżżejjed meta wliedna jgħidulna affarijiet li jinkwetawna.” Missier li jismu Tom qal: “Aħna inkuraġġejna lit-tifla tagħna biex tesprimi ruħha magħna, anki meta ma kinitx taqbel mal-mod kif naħsbuha aħna. Ħassejna li jekk dejjem konna se naqtgħulha kliemha u nimponu fuqha dak li rridu aħna kif ifettlilna, hi kienet se tiddejjaq u titgħallem ma tgħidilniex dak li jkollha tassew f’qalbha. Mill-banda l-oħra, inħossu li minħabba li konna nagħtuha widen hi ġiet inkuraġġita biex tismaʼ minna.” Żgur li t-tfal għandhom jobdu l-ġenituri tagħhom. (Proverbji 6:20) Imma komunikazzjoni bil-miftuħ tagħti lill-ġenituri l-opportunità li jgħinu lil uliedhom jiżviluppaw l-abbiltà li jirraġunaw. Vincent, missier t’erbat itfal, jgħid: “Spiss nitkellmu dwar il-vantaġġi u l-iżvantaġġi taʼ xi sitwazzjoni ħalli wliedna jaraw għalihom infushom x’inhu l-aħjar riżultat. Dan għenhom jitgħallmu jaħsbu qabel jaġixxu.”—Proverbji 1:1-4.
17. Il-ġenituri dwar xiex jistgħu jkunu ċerti?
17 M’għandniex xi ngħidu, ebda ġenitur ma jistaʼ japplika perfettament il-parir tal-Bibbja dwar it-trobbija tat-tfal. Imma xorta waħda, int tistaʼ tkun ċert li wliedek se japprezzaw ħafna l-isforzi tiegħek biex tipprova tħarriġhom bis-sabar fit-tul, b’qalb tajba, u bl-imħabba. Ġeħova żgur li se jbierek l-isforzi tiegħek biex tagħmel dan. (Proverbji 3:33) Fl-aħħar mill-aħħar, il-ġenituri Kristjani kollha jridu li wliedhom jitgħallmu jħobbu lil Ġeħova daqskemm iħobbuh huma. Kif jistgħu l-ġenituri jilħqu din il-mira eċċellenti? L-artiklu li jmiss se jitkellem dwar xi metodi speċifiċi.
Tiftakar Int?
• Kif jistaʼ ġenitur jiġi megħjun jistabar fit-tul jekk ikollu d-dehen?
• Il-qalb tajba u d-dixxiplina kif inhuma konnessi?
• Għala huwa vitali li l-ġenituri u t-tfal ikollhom komunikazzjoni sinċiera bejniethom?
[Stampi f’paġna 23]
Ġenituri, tiftakru xi jfisser li tkunu tfal?
[Stampa f’paġna 24]
Tinkuraġġixxu intom komunikazzjoni sinċiera u bil-miftuħ maʼ wliedkom?