Li taħdmu flimkien jistaʼ jiġi mqabbel maʼ pilota u l-assistent tiegħu fuq l-istess titjira
GĦALL-KOPPJI
2 Aħdmu bħala tim
DAN XI JFISSER
Meta tnejn miżżewġin jaħdmu bħala tim, ir-raġel u martu jkunu qishom pilota u l-assistent tiegħu fuq l-istess titjira. Anki meta jkun hemm diffikultajiet, kull wieħed minnhom se jaħseb f’terminu taʼ “aħna” u mhux “jien.”
PRINĊIPJU BIBLIKU: “M’għadhomx iżjed tnejn, imma ġisem wieħed.”—Mattew 19:6.
“Ir-raġel u l-mara għandhom jaħdmu flimkien biex iż-żwieġ jirnexxi.”—Christopher.
GĦALA HU IMPORTANTI
Meta jkun hemm xi argument, raġel u mara li ma jaħdmux bħala tim iktar se jkollhom it-tendenza li jiffokaw fuq min għandu t-tort milli fuq li jsolvu l-problema. Affarijiet żgħar malajr jistgħu jinbidlu f’ostakli kbar.
“Hu importanti ħafna li l-koppja jaħdmu bħala tim. Li kieku jien u żewġi ma konniex tim, konna nkunu sempliċement bħal tnejn li jgħixu taħt l-istess saqaf u li ma jaqblux meta jkun hemm bżonn li jittieħdu deċiżjonijiet importanti—u mhux bħala koppja miżżewġa.”—Alexandra.
DAK LI TISTAʼ TAGĦMEL
EŻAMINA LILEK INNIFSEK
Inqis il-flus li naqlaʼ bħala li huma “kollha tiegħi”?
Biex nirrilassa għalkollox, għandi bżonn inkun ’il bogħod minn żewġi jew marti?
Inżomm ’il bogħod mill-qraba tal-persuna l-oħra fiż-żwieġ, minkejja li hi tkun close ħafna tagħhom?
IDDISKUTU DAN BĦALA KOPPJA
F’liema aspett(i) naħdmu tajjeb bħala tim fiż-żwieġ tagħna?
F’liema aspett(i) nistgħu nitjiebu?
Liema passi nistgħu nieħdu biex naħdmu aħjar bħala tim?
SUĠĠERIMENTI
Immaġina li qegħdin tilagħbu logħba tenis faċċata taʼ xulxin. Minflok, liema passi tistaʼ tieħu biex tmur fuq in-naħa taʼ żewġek jew martek ħalli t-tnejn li intom tkunu fl-istess tim?
Minflok ma taħseb, ‘Kif nistaʼ nirbaħ?’ aħseb, ‘Kif nistgħu nirbħu t-tnejn li aħna?’
“Tagħtix kas min għandu r-raġun u min għandu t-tort. Dak mhux importanti daqskemm huma importanti l-paċi u l-unità fiż-żwieġ tiegħek.”—Ethan.
PRINĊIPJU BIBLIKU: “Tfittxux l-interessi persunali tagħkom biss, imma wkoll l-interessi persunali taʼ l-oħrajn.”—Filippin 2:3, 4.