It-3 Sigriet: Ħidma Bħala Tim
“Tnejn aħjar minn wieħed . . . Jekk wieħed minnhom jaqaʼ, l-ieħor jistaʼ jqajjem lil sieħbu.”—Ekkleżjasti 4:9, 10.
Dan xi jfisser. Koppji li jirnexxu jirrispettaw l-arranġament t’Alla dwar l-istat taʼ kap kif spjegat fil-Bibbja. (Efesin 5:22-24) Minkejja dan, kemm ir-raġel u kemm il-mara jħarsu lejn iż-żwieġ tagħhom b’termini taʼ “tagħna” u “aħna” minflok “tiegħi” u “jien.” Meta jaħdmu bħala tim, ir-raġel u l-mara ma jibqgħux jaqdfu għal rashom. Ikunu “ġisem wieħed”—terminu Bibliku li ma jiddeskrivix biss kemm hi permanenti l-unjoni imma wkoll kemm hi intima.—Ġenesi 2:24.
Għala hu importanti. Jekk int u l-parti l-oħra fiż-żwieġ ma taħdmux bħala tim, affarijiet żgħar malajr isiru kwistjonijiet kbar bit-tnejn li intom tattakkaw lil xulxin minflok ma tipprovaw issolvu l-problema li nqalgħet. B’kuntrast, meta int u l-parti l-oħra fiż-żwieġ taħdmu bħala tim issiru bħal pilota u l-assistent tiegħu bl-istess pjan tat-titjira minflok ma tkunu żewġ piloti f’żewġ ajruplani li se jaħbtu maʼ xulxin. Meta ma taqblux, intom issibu soluzzjonijiet prattiċi minflok ma taħlu l-ħin u l-enerġija emozzjonali billi tagħtu t-tort u takkużaw lil xulxin.
Ipprova dan l-eżerċizzju. Wieġeb il-mistoqsijiet li ġejjin biex tara xi spirtu għandek taʼ li taħdem bħala tim.
◼ Inqis il-flus li naqlaʼ bħala “kollha tiegħi,” ladarba jien kont li qlajthom?
◼ Nevitahom lill-qraba tal-parti l-oħra fiż-żwieġ, avolja hi tħossha qribhom?
◼ Għandi bżonn inkun ’il bogħod mill-parti l-oħra fiż-żwieġ biex nirrilassa kompletament?
Agħmel riżoluzzjoni. Aħseb dwar mod wieħed jew tnejn kif tistaʼ turi li int iktar inklinat li taħdem bħala tim mal-parti l-oħra fiż-żwieġ.
Għala ma tistaqsix lill-parti l-oħra fiż-żwieġ x’tixtieq tissuġġerixxi?
[Stampa f’paġna 5]
Il-ħidma bħala tim tfisser li intom pilota u l-assistent tiegħu bl-istess pjan tat-titjira