Kapitlu 19
Wara Armageddon, Art Magħmula Ġenna
1. (a) Liema opinjoni komuni hawn dwar Armageddon? (b) Il-Bibbja x’tgħid dwarha?
“ARMAGEDDON” hija kelma taʼ twerwir għal ħafna nies. Taʼ spiss mexxejja dinjin jużawha biex jirreferu għall-probabbiltà tat-III Gwerra Dinjija. Madankollu, il-Bibbja titkellem dwar Armageddon bħala l-post taʼ gwerra taʼ tjieba miġġielda minn Alla. (Rivelazzjoni 16:14, 16, King James Version) Din il-gwerra t’Alla se tħejji t-triq għal dinja ġdida taʼ tjieba.
2. (a) Min se jinqered f’Armageddon? (b) Mela liema prattiċi għandna nevitaw b’mod għaqli?
2 Kuntrarju għall-gwerer tal-bnedmin, li joqtlu kemm lit-tajbin u kemm lill-ħżiena, Armageddon se teqred biss lill-ħżiena. (Salm 92:7) Alla Jehovah se jkun l-Imħallef, u se jneħħi lil kulmin minn jeddu jirrifjuta li jobdi l-liġijiet tiegħu taʼ tjieba. Illum ħafna persuni ma jaraw xejn ħażin f’affarijiet bħalma huma l-fornikazzjoni, is-sokor, il-gideb jew il-qerq. Imma, skond Alla, dawn l-affarijiet huma ħżiena. Mela f’Armageddon hu mhux se jsalva lil dawk li jkomplu jagħmluhom. (1 Korintin 6:9, 10; Rivelazzjoni 21:8) Ladarba jafu l-liġijiet t’Alla fuq dawn il-kwistjonijiet, huwa importanti għal persuni li għandhom mnejn qegħdin jipprattikaw affarijiet ħżiena bħal dawn li jbiddlu l-mogħdijiet tagħhom.
3. (a) Ġesù maʼ liema ħaġa qabbel it-tmiem tad-dinja preżenti? (b) X’se jiġrilhom Satana u d-demonji tiegħu? (ċ) Skond l-iskritturi fil-paġni li ġejjin, liema xorta taʼ kundizzjonijiet se jitgawdew fuq l-art magħmula ġenna?
3 Wara Armageddon ebda parti minn din id-dinja mill-agħar ma se tibqaʼ. Persuni biss li jaqdu ’l Alla se jkomplu jgħixu. (1 Ġwann 2:17) Ġesù Kristu qabbel is-sitwazzjoni maʼ dik taʼ żmien Noè. (Mattew 24:37-39; 2 Pietru 3:5-7, 13; 2:5) Wara Armageddon, is-saltna t’Alla se tkun l-uniku gvern li jaħkem għal fuq l-art. Satana u d-demonji tiegħu se jkunu telqu. (Rivelazzjoni 20:1-3) Ikkunsidra, fil-paġni li ġejjin, xi ftit mill-barkiet li l-Bibbja tindika li se jgawdu nies ubbidjenti.
L-UMANITÀ KOLLHA FIL-PAĊI
“Tweldilna tifel, ngħatalna iben; u l-ħakma taʼ prinċep se tiġi li tkun fuq spalltu. U ismu se jiġi msejjaħ . . . Prinċep tal-Paċi. Għall-abbundanza tal-ħakma taʼ prinċep u għall-paċi ma se jkun hemm ebda tmiem.”—Isaija 9:6, 7.
“Fi żmienu l-wieħed twajjeb se jinbet, u l-abbundanza taʼ paċi sakemm il-qamar ma jibqax iżjed. U se jkollu sudditi minn baħar sa baħar u mix-Xmara sa truf l-art.”—Salm 72:7, 8.
QATT IKTAR GWERER
“Ejjew, ilmħu l-attivitajiet taʼ Jehovah, kif qiegħed ġrajjiet taʼ l-iskantament fuq l-art. Qiegħed iġiegħel li l-gwerer jieqfu sa l-estremità taʼ l-art.”—Salm 46:8, 9.
DJAR MILL-AĦJAR U XOGĦOL PJAĊEVOLI GĦAL KULĦADD
“Ċertament li se jibnu djar u jokkupawhom . . . M’humiex se jibnu u xi ħadd ieħor jokkupah; m’humiex se jħawlu u xi ħadd ieħor jiekol . . . [i]x-xogħol taʼ jdejhom stess il-magħżulin tiegħi se jużawh għalkollox. M’humiex se jitħabtu għalxejn, lanqas ma se jwelldu għall-inkwiet; għaliex huma n-nisel ifformat mill-imberkin taʼ Jehovah, u d-dixxendenti tagħhom magħhom.”—Isaija 65:21-23.
IL-KRIMINALITÀ, IL-VJOLENZA U L-ĦAŻEN TELQU
“Għax dawk li jagħmlu l-ħażen infushom se jiġu maqtugħin . . . U ftit ieħor biss, u l-wieħed mill-agħar mhux se jkun iżjed; u int ċertament li se tagħti kas taʼ postu, u hu mhux se jkun.”—Salm 37:9, 10.
“Inkwantu għal dawk mill-agħar, se jinqatgħu mill-istess art; u inkwantu għall-qarriqin, se jiġu mqaċċtin minnha.”—Proverbji 2:22.
L-ART KOLLHA ĠENNA
Ġesù qal: “Int se tkun miegħi fil-Ġenna.”—Luqa 23:43.
“It-twajbin infushom se jkollhom pussess taʼ l-art, u se jgħammru għal dejjem fuqha.”—Salm 37:29.
KOTRA T’AFFARIJIET TAJBIN GĦAL KULĦADD BIEX JIEKOL
“Jehovah taʼ l-armati ċertament li se jagħmel għall-popli kollha . . . bankett taʼ dixxijiet imħawrin tajjeb biż-żejt, bankett taʼ nbid irraffinat min-naqal, taʼ dixxijiet imħawrin tajjeb biż-żejt mimlijin mudullun.”—Isaija 25:6.
“Se jiġi li jkun hemm kotra taʼ qamħ fuq l-art; fuq il-quċċata tal-muntanji se jkun hemm iżżejjed.” “L-art infisha ċertament li se tagħti l-prodott tagħha; Alla, Alla tagħna, se jberikna.”—Salm 72:16; 67:6.
4, 5. (a) Liema kundizzjonijiet m’humiex se jibqgħu jeżistu fuq l-art magħmula ġenna? (b) In-nies x’se jkunu jistgħu jagħmlu li, f’ħafna postijiet, ma jistgħux jagħmlu llum?
4 Żgur li int trid tgħix fuq l-art magħmula ġenna bħall-ġnien li fih l-ewwel bniedem Adam kien maħluq. (Ġenesi 2:8; Luqa 23:43) Aħseb ftit—qatt iktar gwerer, kriminalità jew vjolenza. Se tkun tistaʼ timxi fejn trid fi kwalunkwe ħin tal-ġurnata jew tal-lejl mingħajr biżaʼ li se tiġi mweġġaʼ. Dawk mill-agħar sempliċement ma jkunux jeżistu iktar.—Salm 37:35-38.
5 Dan ifisser li m’huwiex se jkun hemm iktar politikanti diżonesti u negozjanti rgħiba biex jgħakksu lin-nies. Lanqas ma se jkunu n-nies imtaqqlin b’taxxi għoljin biex iħallsu għal armamenti militari. Qatt iktar ma se jkun hemm min ma jkollux ikel tajjeb u dar komda għaliex ma jistax jixtrihom. Il-qagħad, l-inflazzjoni u l-prezzijiet għoljin m’humiex se jkunu iktar. L-inkwiet li jikkaġuna sofferenza għall-familji llum m’huwiex se jeżisti iktar. Kulħadd se jkollu xogħol pjaċevoli x’jagħmel, u se jkunu jistgħu jaraw u jgawdu r-riżultati tal-ħidmiet tagħhom.
6. (a) Dawk li jsalvaw wara Armageddon liema xogħol se jagħmlu? (b) Alla kif se jbierek ix-xogħol li jsir?
6 L-ewwelnett, dawk li jibqgħu ħajjin wara Armageddon se jkollhom ix-xogħol li jnaddfu l-art u li jneħħu min-nofs il-ħerba taʼ din is-sistema qadima. U mbagħad se jkollhom il-privileġġ, taħt id-direzzjoni tal-ħakma tas-Saltna, li jikkultivaw l-art u jagħmluha post sabiħ biex wieħed jgħix fih. Kemm se jkun xogħol hieni! Alla se jbierek kulma jsir. Se jipprovdi l-klima addattata għat-tkabbir taʼ l-uċuħ tar-rabaʼ u għat-trobbija taʼ l-annimali, u se jara li dawn ikunu protetti mill-mard u mill-ħsara.
7. (a) Liema wegħda t’Alla se titwettaq? (b) Il-Kristjani x’jistennew skond il-wegħda t’Alla?
7 Din il-wegħda tal-Ħallieq kollu mħabba, bħalma mogħtija permezz tas-salmista fil-Bibbja, se sseħħ: “Int qiegħed tiftaħ idek u qiegħed tissodisfa x-xewqa taʼ kull ħaġa ħajja.” (Salm 145:16) Iva, ix-xewqat xierqa kollha taʼ persuni li jibżgħu minn Alla se jkunu kompletament sodisfatti. Lanqas nistgħu saħansitra nimmaġinaw kemm se tkun meraviljuża l-ħajja fil-ġenna fuq l-art. Meta tkellem dwar l-arranġament t’Alla biex ibierek lill-poplu tiegħu, l-appostlu Pietru kiteb: “Hemm smewwiet ġodda u art ġdida li aħna qegħdin nistennew skond il-wegħda [t’Alla], u f’dawn it-tjieba għandha tgħammar.”—2 Pietru 3:13; Isaija 65:17; 66:22.
8. (a) Għala m’għandniex bżonn smewwiet ġodda fiżiċi? (b) X’inhuma s-“smewwiet ġodda”?
8 X’inhuma dawn is-“smewwiet ġodda”? M’humiex xi smewwiet ġodda fiżiċi. Alla għamel is-smewwiet fiżiċi tagħna perfetti, u dawk iġibulu glorja. (Salm 8:3; 19:1, 2) Is-“smewwiet ġodda” jirreferu għal stat taʼ ħakma ġdid għal fuq l-art. Is-“smewwiet” taʼ issa huma fformati minn gvernijiet magħmulin mill-bniedem. F’Armageddon dawn se jgħaddu. (2 Pietru 3:7) Is-“smewwiet ġodda” li se jeħdulhom posthom se jkunu l-gvern tas-sema t’Alla. Is-sultan tiegħu se jkun Ġesù Kristu. Imma jaħkmu miegħu bħala parti mis-“smewwiet ġodda” se jkun hemm 144,000 mis-segwaċi leali tiegħu.—Rivelazzjoni 5:9, 10; 14:1, 3.
9. (a) X’inhi l-“art ġdida”? (b) X’inhi l-art li se tinqered?
9 X’inhi, allura, l-“art ġdida”? M’hijiex xi pjaneta ġdida. Alla għamel lil din il-pjaneta Art addattata b’mod preċiż biex il-bnedmin jgħixu fuqha, u hija r-rieda tiegħu li din tibqaʼ għal dejjem. (Salm 104:5) L-“art ġdida” tirreferi għal grupp ġdid jew soċjetà ġdida taʼ nies. Il-Bibbja spiss tuża l-kelma “art” b’dan il-mod. Per eżempju, tgħid: “L-art kollha [jiġifieri, in-nies] kompliet tkun taʼ lingwa waħda.” (Ġenesi 11:1) L-“art” li se tinqered huma n-nies li jagħmlu lilhom infushom parti minn din is-sistema t’affarijiet mill-agħar. (2 Pietru 3:7) L-“art ġdida” li se teħdilhom posthom se tkun ifformata minn qaddejja veri t’Alla li sseparaw lilhom infushom minn din id-dinja taʼ nies mill-agħar.—Ġwann 17:14; 1 Ġwann 2:17.
10. (a) Min huma dawk li issa qegħdin jinġabru, u ġewwa liema ħaġa? (b) Skond l-iskritturi fil-paġni li ġejjin, x’se jsir fuq l-art magħmula ġenna li gvernijiet umani ma jistgħux jagħmlu?
10 Issa stess nies taʼ kull razza u nazzjonalità li se jifformaw parti mill-“art ġdida” qegħdin jinġabru ġewwa l-kongregazzjoni Kristjana. L-unità u l-paċi li jeżistu fosthom jagħtuna biss idea żgħira taʼ kemm se jkun pjaċevoli l-għixien fuq l-art magħmula ġenna wara Armageddon. Verament, is-saltna t’Alla se ġġiegħel li jseħħ dak li ebda gvern uman ma jistaʼ saħansitra jittama li jagħmel. Ikkunsidra biss ftit minn dawn il-barkiet fil-paġni li ġejjin.
FRATELLANZA TAʼ MĦABBA TAʼ L-UMANITÀ KOLLHA
“Alla mhux parzjali, imma f’kull ġens il-bniedem li jibżaʼ minnu u jaħdem it-tjieba hu aċċettabbli għalih.”—Atti 10:34, 35.
“Ħares! folla kbira, li l-ebda bniedem ma kellu l-ħila jgħodd, mill-ġnus u t-tribujiet u l-popli u l-ilsna kollha . . . Ma se jkollhom qatt ġuħ iktar lanqas għatx iktar.”—Rivelazzjoni 7:9, 16.
PAĊI BEJN IN-NIES U L-ANNIMALI
“[I]l-lupu attwalment se jgħammar għal ftit żmien mal-ħaruf, u mal-gidi l-lijupard innifsu se jimtedd, u l-għoġol u l-iljun żagħżugħ muxgħar u l-annimal mitmugħ sewwa lkoll flimkien; u naqra taʼ tifel ċkejken se jkun mexxej fuqhom.”—Isaija 11:6; 65:25.
QATT IKTAR MARD, XJUĦIJA JEW MEWT
“F’dak iż-żmien għajnejn l-għomja se jinfetħu, u l-istess widnejn tat-torox se jkunu m’humiex misdudin. F’dak iż-żmien iz-zopp se jixxabbat sewwa sew bħalma jagħmel iċ-ċerv, u lsien il-mutu se jgħajjat bil-ferħ.”—Isaija 35:5, 6.
“U Alla nnifsu se jkun magħhom. U se jimsaħ għalkollox kull demgħa minn għajnejhom, u l-mewt m’hijiex se tkun iżjed, u la għali u la agħjat u lanqas uġigħ ma jkunu iżjed. L-affarijiet taʼ qabel għaddew.”—Rivelazzjoni 21:3, 4.
IL-MEJTIN JINĠIEBU LURA GĦALL-ĦAJJA
“Is-siegħa ġejja li fiha dawk kollha fl-oqbra tal-mafkar se jisimgħu leħnu u joħorġu.”—Ġwann 5:28, 29.
“[I]l-baħar radd lil dawk mejtin fih, u l-mewt u Ħades raddew lil dawk mejtin fihom.”—Rivelazzjoni 20:13.
11. Liema ħaġa taʼ spiss tħassar ix-xorta taʼ ġenna li n-nies jagħmlu llum?
11 Kemm se tkun ferm aħjar il-ġenna taħt is-saltna t’Alla minn kwalunkwe ħaġa li din is-sistema qadima tistaʼ ġġib! Veru, xi nies illum għamlu l-post fejn joqogħdu jidher qisu ġenna. Imma n-nies li jgħixu flimkien f’dawn il-postijiet jistgħu jkunu kattivi u egoisti, u għandhom mnejn saħansitra jobogħdu lil xulxin. U, maż-żmien, jimirdu, jixjieħu u jmutu. Wara Armageddon, madankollu, il-ġenna fuq l-art se tkun tinkludi ħafna iktar minn sempliċi djar, ġonna u parkijiet sbieħ.
12, 13. (a) Liema kundizzjonijiet taʼ paċi se jeżistu wara Armageddon? (b) X’inhu meħtieġ biex iseħħu dawn il-kundizzjonijiet?
12 Aħseb ftit. Nies mir-razez u n-nazzjonalitajiet kollha se jitgħallmu jgħixu flimkien bħala familja waħda t’aħwa rġiel u nisa. Huma se jħobbu verament lil xulxin. Ħadd ma se jkun egoist jew kattiv. Ħadd ma se jobgħod lil xi ħaddieħor sempliċement minħabba r-razza jew il-kulur tiegħu, jew għax jiġi minn pajjiż ieħor. Il-preġudizzju m’huwiex se jeżisti iktar. Kull wieħed fuq l-art se jsir ħabib u ġar veru taʼ kulħadd. Verament, se tkun ġenna b’mod spiritwali. Tixtieq int tgħix f’din il-ġenna taħt is-“smewwiet ġodda”?
13 Illum in-nies jitkellmu ħafna dwar li jgħixu flimkien fil-paċi, u saħansitra stabbilew organizzazzjoni taʼ “Ġnus Magħquda.” Madankollu n-nies u l-ġnus huma mifrudin iżjed minn qatt qabel. X’inhu meħtieġ? Il-qlub tan-nies jeħtieġ li jinbidlu. Imma huwa sempliċement impossibbli għall-gvernijiet taʼ din id-dinja li jwettqu miraklu bħal dan. Il-messaġġ tal-Bibbja dwar l-imħabba t’Alla, madankollu, qiegħed jagħmel dan.
14. X’inhu jiġri issa biex jagħti prova li dawn il-kundizzjonijiet taʼ ġenna se jseħħu?
14 Hekk kif isiru jafu bis-sistema ġdida taʼ tjieba, il-qlub taʼ ħafna nies qegħdin jitqanqlu biex iħobbu ’l Alla. U għalhekk jibdew jaġixxu wkoll b’mod taʼ mħabba lejn l-oħrajn, sewwa sew bħalma jagħmel Alla. (1 Ġwann 4:9-11, 20) Dan ifisser bidla kbira f’ħajjiethom. Ħafna li kienu kattivi u odjużi, bħal annimali feroċi, b’hekk saru ġwejdin u jħobbu l-paċi. Bħal ngħaġ ubbidjenti, huma jinġabru fil-merħla Kristjana.
15. (a) Liema żewġ gruppi taʼ Kristjani hemm? (b) Min se jkunu l-ewwel uħud li jifformaw l-“art ġdida”?
15 Għal iktar minn 1,900 sena kien hemm ġbir flimkien tal-“merħla ċkejkna” taʼ 144,000 Kristjan li se jaħkmu maʼ Kristu. Ftit biss minn dawn baqaʼ fuq l-art; il-biċċa l-kbira diġà qegħdin jaħkmu maʼ Kristu fis-sema. (Luqa 12:32; Rivelazzjoni 20:6) Imma waqt li tkellem dwar Kristjani oħrajn, Ġesù qal: “Għandi ngħaġ oħrajn, li m’humiex taʼ dan il-maqjel [tal-“merħla ċkejkna”]; dawk ukoll irrid inġib, u se jagħtu widen lil leħni, u se jsiru merħla waħda, ragħaj wieħed.” (Ġwann 10:16) “Folla kbira” taʼ dawn in-“ngħaġ oħrajn” qegħdin issa jinġabru. Se jifformaw l-ewwel uħud taʼ l-“art ġdida.” Jehovah se jipproteġihom matul “it-tribulazzjoni l-kbira” fit-tmiem taʼ din is-sistema mill-agħar biex jibqgħu jgħixu għal ġol-ġenna taʼ l-art.—Rivelazzjoni 7:9, 10, 13-15.
16. Liema miraklu se jagħmlu taʼ gost li wieħed jgħix maʼ l-annimali?
16 Wara Armageddon miraklu ieħor se jżid mal-kundizzjonijiet taʼ ġenna. Annimali bħalma huma l-iljuni, it-tigri, il-lijupardi u l-orsijiet, li issa jistgħu jkunu perikolużi, se jkunu fil-paċi. Kemm tkun ħaġa sabiħa f’dak iż-żmien li tagħmel xi passiġġata f’xi bosk u jissieħeb miegħek xi ljun għal ftit ħin, u forsi iktar tard, xi ors kbir! Qatt iktar ma se jkun hemm għalfejn xi ħadd jibżaʼ minn xi ħaġa ħajja oħra.
17, 18. (a) Liema kaġun taʼ dwejjaq m’huwiex se jeżisti iktar fl-art magħmula ġenna? (b) Għala nistgħu nkunu ċerti li saħħa perfetta se titgawda minn kulħadd?
17 Madankollu huma kemm huma sbieħ id-djar u l-ġonna, huma kemm huma qalbhom tajba u jħobbu n-nies, jew huma kemm huma fidili l-annimali, jekk nimirdu, nixjieħu u mmutu xorta waħda se jkun hemm in-niket. Imma min jistaʼ jġib saħħa perfetta lil kulħadd? Il-gvernijiet umani naqsu li jeliminaw il-kanċer, il-problemi tal-qalb u mardiet oħrajn. Madankollu kieku kellhom jagħmlu hekk, it-tobba jammettu li dan ma kienx se jżomm lin-nies milli jixjieħu. Xorta waħda konna nixjieħu. Maż-żmien għajnejna kellu jitbaxxielhom id-dawl, il-muskoli tagħna kellhom jiddgħajfu, il-ġilda tagħna kellha titkemmex u l-organi taʼ ġo ġisimna kellhom jieqfu jiffunzjonaw. Imbagħad il-mewt kellha ssegwi. Xi dwejjaq!
18 Wara Armageddon, fl-art magħmula ġenna, miraklu grandjuż minn Alla se jibdel dak kollu, għax il-wegħda tal-Bibbja hija: “Ebda resident ma se jgħid: ‘Jien marid.’” (Isaija 33:24) Meta Ġesù Kristu kien fuq l-art ta prova tal-qawwa tiegħu li jfejjaq kull xorta taʼ mard u difetti, li jirriżultaw minħabba d-dnub li writna minn Adam. (Mark 2:1-12; Mattew 15:30, 31) Ix-xjuħija wkoll se tiġi mwaqqfa taħt il-ħakma tas-Saltna. Ix-xjuħ se jerġgħu saħansitra jsiru żgħażagħ. Iva, ‘il-laħam taʼ bniedem se jsir iktar frisk milli f’żgħożitu.’ (Ġob 33:25) Kemm se tkun ħaġa sabiħa f’dak iż-żmien li tqum kull fil-għodu u tirrealizza li int b’saħħtek iktar mill-jum taʼ qabel!
19. Liema għadu aħħari se jinġab fix-xejn, u kif?
19 Żgur li ebda wieħed li jkun qiegħed jgħix u jgawdi saħħa perfetta fl-aqwa tiegħu fl-art magħmula ġenna qatt ma se jkun irid imut. U ħadd ma se jkollu għalfejn imut! Li jirċievu l-benefiċċji tas-sagrifiċċju tar-rahan se jkun ifisser fl-aħħar li jgawdu l-għotja grandjuża t’Alla taʼ “ħajja taʼ dejjem bi Kristu Ġesù l-Mulej tagħna.” (Rumani 6:23) Bħalma tgħid il-Bibbja, Kristu “jrid jaħkem bħala sultan sakemm Alla jkun qiegħed l-għedewwa kollha taħt saqajh. Bħala l-aħħar għadu, il-mewt trid tinġab fix-xejn.”—1 Korintin 15:25, 26; Isaija 25:8.
20. Min, barra persuni li qegħdin jgħixu issa, se jgawdi l-art magħmula ġenna, u dak kif se jkun possibbli?
20 Saħansitra persuni issa mejtin se jgawdu l-art magħmula ġenna. Se jirritornaw għall-ħajja! Mela, f’dak iż-żmien, minflok avviżi taʼ mwiet, se jkun hemm rapporti ferriħin dwar dawk li ġew irxoxtati. Kemm se tkun ħaġa meraviljuża li tilqaʼ lura mill-qabar lil missirijiet, ommijiet, tfal u maħbubin oħrajn mejtin! Ma se jibqaʼ ebda kmamar mortwarji, ċimiterji jew oqbra biex iħassru l-ġmiel taʼ l-art magħmula ġenna.
21. (a) Min se jgħin biex jara li jitwettqu l-liġijiet u l-istruzzjonijiet tas-“smewwiet ġodda”? (b) Kif nistgħu nuru li tassew irridu s-“smewwiet ġodda” u l-“art ġdida”?
21 Min se jiggverna jew jidderieġi l-attivitajiet fuq l-art magħmula ġenna? Il-liġijiet u l-istruzzjonijiet kollha se jiġu mis-“smewwiet ġodda” taʼ fuq. Imma fuq l-art se jkun hemm irġiel leali maħturin biex jaraw li jitwettqu dawn il-liġijiet u l-istruzzjonijiet. Billi dawn l-irġiel jirrappreżentaw b’mod speċjali lis-saltna tas-sema, il-Bibbja ssejħilhom “prinċpijiet.” (Isaija 32:1, 2; Salm 45:16) Saħansitra fil-kongregazzjoni Kristjana llum irġiel jiġu maħturin permezz taʼ l-ispirtu qaddis t’Alla biex jieħdu ħsieb u jidderieġu l-attivitajiet tagħha. (Atti 20:28) Wara Armageddon nistgħu nkunu fiduċjużi li Kristu se jara li rġiel addattati jinħatru biex jirrappreżentaw il-gvern tas-Saltna, għax imbagħad hu se jikkontrolla direttament l-affarijiet fuq l-art. Kif tistaʼ turi li int qiegħed tistenna bil-ħerqa s-“smewwiet ġodda” u l-“art ġdida” t’Alla? Billi tagħmel kulma tistaʼ biex tilħaq il-ħtiġijiet għal għixien f’dik is-sistema ġdida taʼ tjieba.—2 Pietru 3:14.