L-Iskop t’Alla għall-Art—Dalwaqt Se Jitwettaq
META Adam u Eva kienu għadhom fil-Ġenna taʼ l-art, huma rċivew dan il-kmand mingħand Alla: “Nisslu u oktru, u imlew l-art, u aħkmuha; u saltnu fuq il-ħut tal-baħar u t-tajr taʼ l-ajru u l-ħlejjaq kollha li jitkaxkru fuq l-art.”—Ġenesi 1:28.
Il-fatt li jaħkmu fuq l-art ma kienx ifisser li sempliċement jikkultivaw jew jieħdu ħsieb parti żgħira biss taʼ l-art. Adam u Eva u nisilhom kellhom jestendu l-Ġenna taʼ l-art sakemm din timla d-dinja kollha. Madankollu, l-ewwel koppja umana dinbu u tkeċċew mill-ġnien taʼ l-Għeden. (Ġenesi 3:23, 24) Iżda dan ma kienx ifisser li l-art qatt ma kellha tinħakem.
Minħabba li se jiġu mberkin minn Alla, bnedmin ubbidjenti se jkunu jistgħu jaħkmu fuq l-art. Meta n-nies taʼ Iżrael tal-qedem kellhom l-approvazzjoni t’Alla, ir-rabaʼ tagħhom ipproduċa ħsad mill-aqwa u l-ġonna tagħhom taw frott bnin. Kundizzjonijiet simili se jkunu jeżistu hekk kif id-dinja ssir ġenna taʼ l-art bil-mod il-mod. Bħalma ġie mwiegħed fil-Kelma mnebbħa t’Alla, il-Bibbja, ‘l-art tagħti l-frott tagħha; iberikna Alla, Alla tagħna!’ (Salm 67:7 [67:6, NW]) Fil-fatt, il-mergħat u l-muntanji, is-siġar u l-fjuri, ix-xmajjar u l-ibħra taʼ l-art se jifirħu. (Salm 96:11-13; 98:7-9) Id-dinja tagħna se tkun ħajja b’veġetazzjoni li tiffjorixxi, għasafar kollhom ilwien, annimali meraviljużi, u bnedmin taʼ qalb tajba.
Dinja Ġdida fil-Qrib!
Bħalissa ninsabu fuq l-għatba taʼ dinja ġdida mwiegħda minn Alla Ġeħova. “Hemm smewwiet ġodda u art ġdida li aħna qed nistennew skond il-wegħda tiegħu,” kiteb l-appostlu Pietru, “u f’dawn tgħammar il-ġustizzja.” (2 Pietru 3:13) Wara li jaqraw dan il-kliem taʼ Pietru, xi wħud jistgħu jikkonkludu li din il-pjaneta qatt ma se ssir ġenna taʼ l-art. Forsi jaħsbu li xi ħaġa oħra se tieħu post is-smewwiet u l-art letterali. Jistaʼ jkun dan?
X’inhuma s-“smewwiet ġodda”? Dawn m’humiex is-smewwiet letterali li ġew maħluqin minn Alla. (Salm 19:2, 3 [19:1, 2, NW]) Pietru kien għadu kif irrefera għal “smewwiet” simboliċi—gvernijiet umani li jiġu mgħollijin ’il fuq jew eżaltati fuq is-sudditi tagħhom. (2 Pietru 3:10-12) Dawn is-“smewwiet” ma rnexxilhomx jaħkmu fuq l-umanità u se jintemmu. (Ġeremija 10:23; Danjel 2:44) Is-“smewwiet ġodda” li se jiħdulhom posthom huma s-Saltna t’Alla magħmula mis-Sultan Ġesù Kristu u l-144,000 werrieta sħabu rxoxtati għall-ħajja fis-sema.—Rumani 8:16, 17; Rivelazzjoni 5:9, 10; 14:1, 3.
L-“art ġdida” li semma Pietru m’hijiex xi pjaneta ġdida. Ġeħova għamel l-art perfetta sabiex il-bnedmin jgħixu fiha għal dejjem. (Salm 104:5) Xi drabi l-Bibbja tuża l-kelma “art” biex tirreferi għan-nies. (Ġenesi 11:1) L-art li dalwaqt se tinqered tikkonsisti f’nies li għamlu lilhom infushom parti minn din id-dinja mill-agħar. B’mod simili, dinja taʼ nies bla devozzjoni lejn Alla sofriet qerda fid-Dilluvju taʼ żmien Noè. (2 Pietru 3:5-7) Allura x’inhi l-“art ġdida”? Din hija soċjetà ġdida taʼ bnedmin—l-aduraturi veri t’Alla li huma “taʼ qalbhom safja.” (Salm 125:4; 1 Ġwanni 2:17) Il-liġijiet kollha għall-“art ġdida” se jiġu mis-“smewwiet ġodda.” Irġiel leali fuq l-art se jaraw li dawn il-liġijiet jiġu mitmuma.
Bidliet Ġodda u taʼ l-Għaġeb!
Ċertament, Ġeħova tana post mill-aqwa fejn ngħixu meta hu ħejja l-art għall-ħajja umana. Hu nnifsu qal li x-xogħol tiegħu fit-tħejjija taʼ l-art kien “tajjeb ħafna.” (Ġenesi 1:31) Satana x-Xitan wassal lil Adam u Eva għar-ribelljoni. (Ġenesi 3:1-5; Rivelazzjoni 12:9) Madankollu, Alla dalwaqt se jieħu azzjoni sabiex l-uħud retti jkollhom il-“ħajja vera.” Din tfisser “ħajja taʼ dejjem” f’kundizzjonijiet perfetti fil-Ġenna taʼ l-art. (1 Timotju 6:12, 19) Ejja issa nikkunsidraw xi ftit mill-barkiet li se jgawdu l-bnedmin f’dak iż-żmien.
Matul ir-Renju t’Elf Sena taʼ Kristu, Satana se jkun imrażżan u mhux se jkun jistaʼ jġib għawġ fuq l-umanità. L-appostlu Ġwanni jgħid: “Rajt anġlu [l-arkanġlu Mikiel, jew Ġesù Kristu] nieżel mis-sema bil-muftieħ taʼ l-abbiss u b’katina kbira f’idu. U ħataf lid-dragun, is-serp oriġinali, li hu x-Xitan u Satana, u rabtu għal elf sena. U xeħtu fl-abbiss, li mbagħad għalqu fih u ssiġillah, biex ma jqarraqx iktar bil-ġnus sakemm jintemmu l-elf sena.” (Rivelazzjoni 20:1-3; 12:12) Minbarra l-ħelsien mill-influwenza taʼ Satana waqt li qiegħed fl-abbiss, l-umanità se tgawdi ħafna iktar barkiet taħt il-ħakma tas-Saltna.
Il-ħażen, il-vjolenza, u l-gwerer se jkunu affarijiet tal-passat. Il-Bibbja twiegħed: “Ftit ieħor, u l-ħażin ma jkunx aktar; għad tħares fejn kien u ma ssibux. Imma l-ġwejdin għad jirtu l-art, u bi sliem kotran jitgħaxxqu. Il-ġusti jirtu l-art, u jgħammru fiha għal dejjem.” (Salm 37:10, 11, 29) Alla Ġeħova se “jwaqqaf il-gwerer sa truf l-art.” (Salm 46:10 [46:9, NW]) X’assigurazzjoni mill-aqwa taʼ sigurtà u paċi!
Abbundanza taʼ ikel sustanzjuż u bnin se jkun disponibbli. “Ikun kotran il-qamħ fuq l-art,” kanta s-salmista. “Jogħla sal-qċaċet taʼ l-għoljiet.” (Salm 72:16) F’dak iż-żmien, ħadd m’hu se jkollu jissaporti t-tbatija kbira minħabba l-ġuħ.
Ħadd m’hu se jsofri minn mard u pesti. Tassew, “ħadd minn min jgħammar hemm ma jgħid: ‘Jien marid.’” (Isaija 33:24; 35:5, 6) Meta Ġesù Kristu kien fuq l-art, hu fejjaq lill-imġiddmin, lill-magħtubin, u lill-għomja. (Mattew 9:35; Marku 1:40-42; Ġwanni 5:5-9) Immaġina x’se jagħmel fid-dinja l-ġdida! Aħseb dwar kemm se jkun hemm ferħ meta l-għomja, it-torox, il-magħtubin, u l-imbikkmin se jiġu mfejqin.
Hekk kif il-bnedmin ubbidjenti jersqu lejn il-perfezzjoni umana, l-effetti koroh tax-xjuħija se jiġu mreġġgħin lura. Mhux se jkun hemm iktar bżonn taʼ nuċċalijiet, bsaten, krozzi, siġġijiet tar-roti, sptarijiet, u mediċini. Immaġina x’bidliet se jkun hemm hekk kif is-saħħa taż-żgħożija tiġi restawrata! (Ġob 33:25) Kull fil-għodu se nqumu minn raqda mistrieħa, rifreskati u mħejjijin biex nibdew ġurnata oħra t’attività ferriħija.
L-irxoxt taʼ wħud għeżież u t’oħrajn se jferraħ lil qlubna. (Ġwanni 5:28, 29; Atti 24:15) Kemm se jkun eċċitanti li nilqgħu lil Abel, Noè, Abraham, Sara, Ġob, Mosè, Rut, David, Elija, Ester, u ħafna oħrajn! Miljuni taʼ nies oħra se jiġu rxoxtati wkoll. Ħafna minnhom qatt ma tgħallmu dwar Ġeħova iżda se jiġu milqugħin minn uħud xewqana li jgħallmuhom dwar Alla, l-iskopijiet tiegħu, u dwar Ibnu, Ġesù Kristu. Hekk kif l-uħud irxoxtati jsiru jafu lill-Ħallieq tagħhom, l-għarfien dwar Ġeħova verament se jiksi l-art.
Fuq kollox, aħna se nkunu nistgħu nqimu lill-uniku Alla veru għal dejjem. Se jkollna l-privileġġ li ‘naqdu bil-ferħ lill-Mulej,’ u se naħdmu flimkien f’armonija hekk kif nibnu djar mill-isbaħ, nagħżqu l-ħamrija, u fl-aħħar mill-aħħar, naħkmu l-art kollha. (Salm 100:1-3; Isaija 65:21-24) X’għaxqa se tkun li ngħixu għal dejjem f’Ġenna taʼ l-art produttiva, mimlija paċi u sabiħa, li ġġib unur lill-isem qaddis taʼ Ġeħova!—Salm 145:21; Ġwanni 17:3.
Test Finali għall-Umanità
Matul ir-Renju tiegħu t’Elf Sena, Ġesù se japplika l-benefiċċji tas-sagrifiċċju tal-fidwa tiegħu lil kull bniedem ubbidjenti. Maż-żmien, id-dnub kollu se jitneħħa, u l-umanità se tinġieb għall-perfezzjoni. (1 Ġwanni 2:2; Rivelazzjoni 21:1-4) Meta l-effetti tad-dnub taʼ Adam ikunu spiċċaw kompletament, bnedmin perfetti se jilħqu l-livelli t’Alla fiżikament, mentalment, moralment, u spiritwalment. Għalhekk huma ‘jieħdu l-ħajja’ bl-iktar mod sħiħ meta jilħqu l-perfezzjoni bla dnub. (Rivelazzjoni 20:5) Kemm se jigglorifika lil Ġeħova dan flimkien mal-Ġenna taʼ l-art!
Wara li r-Renju t’Elf Sena taʼ Kristu jkun intemm, Satana x-Xitan u d-demonji tiegħu, jew l-anġli ħżiena, se jinħelsu għal żmien qasir mill-abbiss li fih ġew mitfugħin xi għaxar sekli qabel. (Rivelazzjoni 20:1-3) Huma se jitħallew jagħmlu sforz aħħari biex ibiegħdu lin-nies minn Alla. Għalkemm xi wħud se jċedu għal xewqat ħżiena, din ir-ribelljoni se tfalli. Ġeħova se jeqred lil dawk li jirribellaw flimkien maʼ Satana u d-demonji kollha tiegħu. Il-ħażen qatt m’hu se jerġaʼ jfeġġ. Dawk kollha li jikkommettu l-ħażen se jgħibu għal dejjem, u l-ġusti se jirċievu ħajja taʼ dejjem.—Rivelazzjoni 20:7-10.
Int Se Tkun Hemm?
Hemm eternità taʼ hena tistenna lil dawk li jħobbu lil Alla Ġeħova. M’hu se jkun hemm ebda ħaġa taʼ dwejjaq fil-ħajja taʼ dejjem f’Ġenna taʼ l-art. Fil-fatt, mal-medda taż-żmien, il-ħajja se ssir iktar interessanti, għax m’hemmx limitu għall-għarfien t’Alla Ġeħova. (Rumani 11:33) Dejjem se jkollok xi ħaġa ġdida x’titgħallem u se jkollok bosta ħin biex tieħu l-għarfien. Għala? Għax int se tgħix, mhux għal 70 jew 80 sena biss, iżda għal dejjem.—Salm 22:27 (22:26, NW); 90:10; Koħèlet 3:11.
Jekk tħobb lil Alla, dejjem se tkun tassew hieni li tagħmel ir-rieda tiegħu. L-appostlu Ġwanni kiteb: “L-imħabba t’Alla tfisser dan: li nosservaw il-kmandamenti tiegħu; u madankollu l-kmandamenti tiegħu m’humiex tqal.” (1 Ġwanni 5:3) Mela, billi tagħmel dak li hu ġust, tħalli xejn iwaqqfek milli togħġob lil Alla Ġeħova. Żomm f’moħħok it-tama mill-isbaħ li tagħtik il-Kelma t’Alla, il-Bibbja. Kun determinat li tagħmel ir-rieda taʼ Ġeħova u qatt iddur lura minn din il-korsa. Imbagħad int tkun preżenti meta jitwettaq l-iskop t’Alla għall-art u d-dar globali tagħna tkun saret ġenna taʼ l-art għall-eternità.
[Stampa f’paġna 4]
Bil-barka t’Alla, ir-rabaʼ taʼ Iżrael kien produttiv ħafna
[Stampa f’paġna 7]
Liema barkiet tittama int li tgawdi fil-Ġenna taʼ l-art?