Kapitlu 20
Irxoxt—Għal Min, u Fejn?
1, 2. Kif nafu li qaddejja t’Alla tal-qedem kienu jemmnu fl-irxoxt?
IL-QADDEJJA T’ALLA minn dejjem emmnu fl-irxoxt. Dwar Abraham, li għex 2,000 sena qabel ma Ġesù twieled bħala bniedem, il-Bibbja tgħid: “Hu qies li Alla kien kapaċi jqajmu [lil ibnu Iżakk] saħansitra mill-imwiet.” (Ebrej 11:17-19) Iktar tard Ġob il-qaddej t’Alla staqsa: “Jekk bniedem f’saħħtu jmut jistaʼ jgħix mill-ġdid?” Bi tweġiba għall-mistoqsija tiegħu stess, Ġob qal ’l Alla: “Int se ssejjaħ, u jien innifsi se nwieġbek.” B’hekk wera li kien jemmen fl-irxoxt.—Ġob 14:14, 15.
2 Meta Ġesù Kristu kien fuq l-art, spjega: “Li l-mejtin jiġu mqajmin saħansitra Mosè rrivelah, fir-rakkont dwar ix-xitla taʼ l-għolliq, meta jsejjaħ lil Jehovah ‘dak Alla t’Abraham u Alla taʼ Iżakk u Alla taʼ Ġakobb.’ Hu Alla, mhux tal-mejtin, imma tal-ħajjin, għax huma lkoll ħajjin għalih.” (Luqa 20:37, 38) Fl-Iskrittura Kristjana Griega l-kelma “rxoxt” hija wżata iktar minn 40 darba. Tabilħaqq, l-irxoxt tal-mejtin huwa tagħlim prinċipali tal-Bibbja.—Ebrej 6:1, 2.
3. Marta esprimiet liema fidi fl-irxoxt?
3 Meta miet ħuha Lażżru, Marta, il-ħabiba taʼ Ġesù, uriet fidi fl-irxoxt. Malli semgħet li Ġesù kien ġej, Marta ġriet ’il barra biex tiltaqaʼ miegħu. “Mulej, kieku kont hawnhekk ħija ma kienx imut,” qalet hi. Meta ra n-niket tagħha, Ġesù sabbarha bil-kelmiet: “Ħuk se jqum.” Marta wieġbet: “Naf li se jqum fl-irxoxt fl-aħħar jum.”—Ġwann 11:17-24.
4-6. Marta liema raġunijiet kellha biex temmen fl-irxoxt?
4 Marta kellha raġunijiet sodi għall-fidi tagħha fl-irxoxt. Kienet taf, per eżempju, li ħafna snin qabel, il-profeti t’Alla Elija u Eliżew, bil-qawwa t’Alla, it-tnejn li huma rxoxtaw tifel. (1 Slaten 17:17-24; 2 Slaten 4:32-37) U kienet taf li raġel mejjet ħa l-ħajja meta ġie mitfugħ ġo ħofra u mess maʼ l-għadam tal-mejjet Eliżew. (2 Slaten 13:20, 21) Imma dak li l-iktar saħħilha l-fidi fl-irxoxt kien dak li Ġesù nnifsu kien għallem u għamel.
5 Marta setgħet kienet preżenti f’Ġerusalemm inqas minn sentejn qabel, meta Ġesù tkellem dwar is-sehem li kien se jkollu f’li jirxoxta lill-mejtin. Hu qal: “Għax sewwa sew bħalma l-Missier iqajjem lill-mejtin u jagħmilhom ħajjin, hekk ukoll l-Iben jagħmel ħajjin lil dawk li jrid. Tistagħġbux b’dan, għax is-siegħa ġejja li fiha dawk kollha fl-oqbra tal-mafkar se jisimgħu leħnu u joħorġu.”—Ġwann 5:21, 28, 29.
6 Saż-żmien li Ġesù tkellem dak il-kliem, fil-Bibbja m’hemmx miktub li kien qajjem lil xi ħadd. Imma ftit wara, qajjem għall-ħajja lil raġel żagħżugħ, iben waħda armla fil-belt taʼ Najin. L-aħbar dwar dan inġarret ’l isfel lejn il-Ġudea, u għalhekk Marta żgur li semgħet dwarha. (Luqa 7:11-17) Iktar tard, Marta żgur li semgħet ukoll dwar dak li ġara ħdejn il-Baħar tal-Galilija fid-dar taʼ Ġajru. Bintu taʼ 12-il sena kienet mardet ħafna u mietet. Imma meta Ġesù wasal fid-dar taʼ Ġajru, mar ħdejn it-tifla mejta, u qal: “Tifla, qum!” U hekk għamlet!—Luqa 8:40-56.
7. Ġesù liema prova ta lil Marta li hu jistaʼ jirxoxta lill-mejtin?
7 Xorta waħda Marta ma stennietx li Ġesù se jqajjem lil ħuha f’dan iż-żmien. Kien għalhekk li qalet: “Naf li se jqum fl-irxoxt fl-aħħar jum.” Madankollu, biex jgħin lil Marta tifhem aħjar is-sehem li għandu f’li jirxoxta lill-mejtin, Ġesù qal: “Jien hu l-irxoxt u l-ħajja. Dak li jeżerċita fidi fija, avolja jmut, se jiġi għall-ħajja; u kulmin qiegħed jgħix u jeżerċita fidi fija ma se jmut qatt assolutament.” Ġesù ftit wara ġie meħud ħdejn il-qabar fejn kien ġie mqiegħed Lażżru. “Lażżru, oħroġ!” għajjat. U Lażżru, li kien ilu mejjet erbat ijiem, ħareġ!—Ġwann 11:24-26, 38-44.
8. Liema evidenza hemm li Ġesù ġie rxoxtat?
8 Ftit ġimgħat wara, Ġesù nnifsu ġie maqtul u mqiegħed ġo qabar. Imma dam hemmhekk għal partijiet biss minn tlett ijiem. L-appostlu Pietru jispjega għala, billi jgħid: “Lil dan Ġesù Alla rxoxta, taʼ liema fatt aħna lkoll xhieda.” Il-mexxejja reliġjużi ma setgħux iżommu lill-Iben t’Alla milli joħroġ mill-qabar. (Atti 2:32; Mattew 27:62-66; 28:1-7) Ma jistaʼ jkun hemm ebda dubju li Kristu ġie mqajjem mill-imwiet, għax iktar tard wera lilu nnifsu ħaj lil ħafna mid-dixxipli tiegħu, darba minnhom lil xi 500 minnhom. (1 Korintin 15:3-8) Id-dixxipli taʼ Ġesù kellhom fidi tant soda fl-irxoxt li kienu lesti jiffaċċjaw saħansitra l-mewt biex jaqdu ’l Alla.
9. Il-Bibbja tgħid li ġew irxoxtati liema disaʼ persuni?
9 Prova oħra li l-mejtin jistgħu jiġu mqajmin ngħatat iktar tard permezz taʼ l-appostli Pietru u Pawlu. L-ewwel, Pietru rxoxta lil Tabita, imsejħa wkoll Dorkas, mill-belt taʼ Ġoppa. (Atti 9:36-42) U mbagħad Pawlu ġab lura għall-ħajja liż-żagħżugħ Ewtikus, li kien miet meta waqaʼ minn tieqa fit-tielet sular waqt li Pawlu kien qiegħed jitkellem. (Atti 20:7-12) Żgur li dawn id-disaʼ każi taʼ rxoxt imniżżlin fil-Bibbja jagħtu prova ċerta li l-mejtin jistgħu jinġabu lura għall-ħajja!
MIN SE JIĠI RXOXTAT?
10, 11. (a) Alla għala rranġa biex ikun hemm l-irxoxt? (b) Skond Atti 24:15, liema żewġ gruppi taʼ nies se jiġu rxoxtati?
10 Fil-bidu ma kienx l-iskop t’Alla li jirxoxta lil xi ħadd, għaliex kieku Adam u Eva baqgħu leali ħadd ma kien ikollu għalfejn imut. Imma mbagħad id-dnub t’Adam ġab l-imperfezzjoni u l-mewt fuq kulħadd. (Rumani 5:12) Mela biex ikun possibbli għal xi wħud mit-tfal t’Adam li jgawdu l-ħajja taʼ dejjem, Alla Jehovah irranġa għall-irxoxt. Imma x’jiddetermina jekk persuna tiġix irxoxtata jew le?
11 Il-Bibbja tispjega: “Se jkun hemm irxoxt taʼ kemm it-twajbin u kemm dawk li m’humiex twajbin.” (Atti 24:15) Dan għandu mnejn jissorprendi lil xi wħud. ‘Għala jġib lura għall-ħajja lil dawk li “m’humiex twajbin”?’ jistgħu jistaqsu. Dak li ġara waqt li Ġesù kien imdendel maz-zokk tat-tortura se jgħinna nwieġbu din il-mistoqsija.
12, 13. (a) Ġesù għamel liema wegħda lil wieħed kriminal? (b) Fejn qiegħda l-“Ġenna” li tkellem dwarha Ġesù?
12 Dawn l-irġiel taʼ ħdejn Ġesù huma kriminali. Wieħed minnhom għadu kemm spiċċa jinsultah, billi qal: “Int il-Kristu, hux hekk? Salva lilek innifsek u lilna.” Madankollu, il-kriminal l-ieħor jemmen lil Ġesù. Hu jdur lejh u jgħid: “Ftakar fija meta tidħol fis-saltna tiegħek.” Għal dak, Ġesù jwiegħed: “Verament ngħidlek illum, Int se tkun miegħi fil-Ġenna.”—Luqa 23:39-43.
13 Imma Ġesù x’irid ifisser meta jgħid: “Int se tkun miegħi fil-Ġenna”? Fejn hija l-Ġenna? Sewwa, fejn kienet il-ġenna li Alla għamel fil-bidu? Kienet fuq l-art, mhux hekk? Alla poġġa lill-ewwel koppja umana fil-ġenna sabiħa msejħa l-ġnien t’Għeden. Mela meta naqraw li dan, li qabel kien kriminal, se jkun fil-Ġenna, għandha tiġina f’moħħna stampa taʼ din l-art mibdula f’post sabiħ fejn wieħed jgħix, għax il-kelma “ġenna” tfisser “ġnien” jew “park.”—Ġenesi 2:8, 9.
14. Ġesù b’liema mod se jkun fil-Ġenna maʼ dak li qabel kien kriminal?
14 M’għandniex xi ngħidu, Ġesù Kristu mhux se jkun hawnhekk stess fuq l-art maʼ dak li qabel kien kriminal. Le, Ġesù se jkun fis-sema jaħkem bħala sultan għal fuq il-Ġenna taʼ l-art. Mela hu se jkun maʼ dak ir-raġel fis-sens li Hu se jqajmu mill-imwiet u jieħu ħsieb il-ħtiġijiet tiegħu, kemm fiżiċi u kemm spiritwali. Imma Ġesù għala se jħalli raġel li kien kriminal jgħix fil-Ġenna?
15. Għala jiġu rxoxtati dawk li “m’humiex twajbin”?
15 Huwa veru li dan ir-raġel għamel affarijiet ħżiena. Kien ‘mhux twajjeb.’ Ukoll, ma kienx jaf ir-rieda t’Alla. Imma kien ikun kriminal kieku kien jaf dwar l-iskopijiet t’Alla? Biex ikun jaf, Ġesù se jqajjem lil dan ir-raġel li ma kienx twajjeb, kif ukoll lil eluf taʼ miljuni t’oħrajn li mietu fl-injoranza. Per eżempju, fis-sekli li għaddew mietu ħafna nies li ma kinux jafu jaqraw u li qatt ma kienu raw Bibbja. Imma huma se jiġu mqajmin minn ġo Xeol, jew Ħades. Imbagħad, fl-art magħmula ġenna, se jiġu mgħallmin ir-rieda t’Alla, u se jkollhom l-opportunità li jagħtu prova li tassew iħobbu ’l Alla billi jagħmlu r-rieda tiegħu.
16. (a) Min mill-mejtin mhux se jiġi rxoxtat? (b) Għala m’għandniex nipprovaw niġġudikaw aħna? (ċ) X’għandu jkun it-tħassib prinċipali tagħna?
16 Dan ma jfissirx li kulħadd se jiġi rxoxtat. Il-Bibbja turi li Ġuda l-Iskarjota, li ttradixxa lil Ġesù, mhux se jiġi rxoxtat. Minħabba l-ħażen volontarju tiegħu, Ġuda jissejjaħ “bin il-qerda.” (Ġwann 17:12) Hu mar fil-Geħenna simbolika li minnha m’hemmx irxoxt. (Mattew 23:33) Persuni li minn jeddhom jagħmlu dak li huwa ħażin wara li jsiru jafu r-rieda t’Alla jistgħu jkunu qegħdin jidinbu kontra l-ispirtu qaddis. U Alla mhux se jqajjem lil dawk li jidinbu kontra l-ispirtu qaddis tiegħu. (Mattew 12:32; Ebrej 6:4-6; 10:26, 27) Madankollu, ladarba Alla hu l-Imħallef, m’għandniex għalfejn nipprovaw noqogħdu naħsbu jekk xi wħud li kienu mill-agħar fl-imgħoddi jew fil-preżent humiex se jiġu rxoxtati jew le. Alla jaf min hemm f’Ħades u min hemm f’Geħenna. Min-naħa tagħna, għandna nagħmlu kulma nistgħu biex inkunu x-xorta taʼ persuni li Alla jrid fis-sistema ġdida tiegħu.—Luqa 13:24, 29.
17. Min mhux se jkollu bżonn jiġi rxoxtat biex igawdi l-ħajja taʼ dejjem?
17 Il-fatt huwa li mhux kulmin jirċievi l-ħajja taʼ dejjem se jkollu bżonn li jiġi rxoxtat. Ħafna qaddejja t’Alla li qegħdin jgħixu issa f’dawn l-“aħħar jiem” taʼ din is-sistema t’affarijiet se jibqgħu ħajjin matul Armageddon. U mbagħad, bħala parti mill-“art ġdida” taʼ tjieba, qatt ma se jkollhom għalfejn imutu. Dak li Ġesù qal lil Marta jistaʼ litteralment ikun veru dwarhom: “U kulmin qiegħed jgħix u jeżerċita fidi fija ma se jmut qatt assolutament.”—Ġwann 11:26; 2 Timotew 3:1.
18. Min huma t-“twajbin” li se jiġu rxoxtati?
18 Min huma t-“twajbin” li se jiġu rxoxtati? Dawn se jinkludu lill-qaddejja leali t’Alla li għexu qabel Ġesù Kristu ġie fuq l-art. Ħafna minn dawn il-persuni huma msemmijin b’isimhom f’Ebrej kapitlu 11. Huma ma ttamawx li jmorru fis-sema, imma ttamaw li jgħixu mill-ġdid fuq l-art. Ukoll fost it-“twajbin” li se jiġu rxoxtati hemm qaddejja leali t’Alla li mietu fi snin riċenti. Alla se jara li t-tama tagħhom li jgħixu għal dejjem fuq l-art tiġi mwettqa billi jqajjimhom mill-imwiet.
META U FEJN IRXOXTATI
19. (a) Ġesù f’liema sens kien l-ewwel wieħed li ġie rxoxtat? (b) Min jiġi rxoxtat warajh?
19 Ġesù Kristu jissemma bħala “l-ewwel wieħed li ġie rxoxtat mill-imwiet.” (Atti 26:23) Dan ifisser li minn dawk li ma kellhomx jerġgħu jmutu hu kien l-ewwel wieħed li ġie rxoxtat. Ukoll, hu kien l-ewwel wieħed li ġie mqajjem bħala persuna spirtu. (1 Pietru 3:18) Imma l-Bibbja tgħidilna li kellu jkun hemm oħrajn, billi tgħid: “Kull wieħed fil-grad tiegħu: Kristu l-ewwel frott, wara dan dawk li jappartjenu lill-Kristu matul il-preżenza tiegħu.” (1 Korintin 15:20-23) Mela fl-irxoxt xi wħud kellhom jiġu mqajmin qabel xi oħrajn.
20. (a) Min huma “dawk li jappartjenu lill-Kristu”? (b) Liema rxoxt għandhom?
20 “Dawk li jappartjenu lill-Kristu” huma l-144,000 dixxipli leali magħżulin biex jaħkmu miegħu fis-Saltna. Dwar l-irxoxt tagħhom għas-sema, il-Bibbja tgħid: “Hieni u qaddis hu kulmin għandu parti fl-ewwel irxoxt; fuq dawn it-tieni mewt m’għandha ebda awtorità, imma se . . . jaħkmu bħala slaten miegħu għall-elf sena.”—Rivelazzjoni 20:6; 14:1, 3.
21. (a) Meta jibda “l-ewwel irxoxt”? (b) Min huma dawk li bla dubju diġà ġew imqajmin għall-ħajja fis-sema?
21 Mela wara l-irxoxt taʼ Kristu, ikun imiss lill-144,000 biex jiġu mqajmin. Huma għandhom sehem fl-“ewwel irxoxt,” jew “l-irxoxt iktar bikri.” (Filippin 3:11) Dan meta jseħħ? “Matul il-preżenza tiegħu,” tgħid il-Bibbja. Bħalma tgħallimna f’kapitli taʼ qabel, il-preżenza taʼ Kristu bdiet fis-sena 1914. Mela l-“jum” għall-“ewwel irxoxt” taʼ Kristjani leali għas-sema diġà ġie. Bla dubju l-appostli u Kristjani bikrin oħrajn diġà ġew imqajmin għall-ħajja fis-sema.—2 Timotew 4:8.
22. (a) Min iktar se jkollu sehem fl-“ewwel irxoxt”? (b) Meta jiġu rxoxtati?
22 Imma hawn Kristjani ħajjin issa matul il-preżenza inviżibbli taʼ Kristu li għandhom din l-istess tama li jaħkmu fis-sema maʼ Kristu. Huma dawk li baqaʼ, fdal mill-144,000. Meta jiġu rxoxtati? M’għandhomx bżonn jorqdu fil-mewt, imma jiġu mqajmin immedjatament malli jmutu. Il-Bibbja tispjega: “Aħna mhux kollha se norqdu fil-mewt, imma kollha se nitbiddlu, f’mument wieħed, f’tebqa t’għajn, matul l-aħħar trumbetta. Għax tinstemaʼ t-trumbetta, u l-mejtin se jiġu mqajmin.”—1 Korintin 15:51, 52; 1 Tessalonkin 4:15-17.
23. Il-Bibbja kif tiddeskrivi l-bidla għall-ħajja taʼ l-ispirti?
23 M’għandniex xi ngħidu, dan l-“ewwel irxoxt” għall-ħajja fis-sema ma jidhirx għall-għajnejn tal-bnedmin. Huwa rxoxt għall-ħajja bħala ħlejjaq spirti. Il-Bibbja tiddeskrivi l-bidla għall-ħajja taʼ l-ispirti b’dan il-mod: “Jinżeraʼ fit-taħsir, jitqajjem fin-nuqqas taʼ taħsir. Jinżeraʼ fid-diżunur, jitqajjem fil-glorja. . . . Jinżeraʼ ġisem fiżiku, jitqajjem ġisem spiritwali.”—1 Korintin 15:42-44.
24. (a) Liema rxoxt isegwi lill-“ewwel irxoxt”? (b) Għala jissejjaħ “irxoxt aħjar”?
24 Madankollu, l-istess espressjoni l-“ewwel irxoxt” turi li wieħed ieħor se jsegwi. Dan huwa l-irxoxt għal ħajja fuq l-art magħmula ġenna taʼ persuni kemm twajbin u kemm m’humiex twajbin. Dan se jseħħ wara Armageddon. Se jkun “irxoxt aħjar” minn dak tas-subjien li ġew irxoxtati minn Elija u minn Eliżew u t’oħrajn li darba ġew irxoxtati fuq l-art. Għala? Għaliex jekk dawk li jiġu rxoxtati wara Armageddon jagħżlu li jaqdu ’l Alla qatt ma se jkollhom għalfejn imutu mill-ġdid.—Ebrej 11:35.
MIRAKLU T’ALLA
25. (a) Għala m’huwiex il-ġisem li miet li jiġi rxoxtat? (b) X’jiġi rxoxtat, u x’jingħatalhom lil dawk li jiġu rxoxtati?
25 Wara li persuna tmut, x’jiġi rxoxtat? M’huwiex l-istess ġisem li miet. Il-Bibbja turi dan meta tiddeskrivi l-irxoxt għall-ħajja fis-sema. (1 Korintin 15:35-44) Saħansitra dawk li jiġu rxoxtati għall-ħajja fuq l-art ma jirċevux l-istess ġisem li kellhom meta kienu jgħixu qabel. Dak il-ġisem probabbli tħassar u reġaʼ lura lejn l-art. Maż-żmien l-elementi tal-ġisem mejjet setgħu saru parti minn affarijiet ħajjin oħrajn. Mela Alla jirxoxta mhux l-istess ġisem imma l-istess persuna li mietet. Lil persuni li jmorru fis-sema, jagħtihom ġisem spiritwali ġdid. Lil dawk li jiġu mqajmin biex jgħixu fuq l-art, jagħtihom ġisem fiżiku ġdid. Dan il-ġisem fiżiku ġdid bla dubju jkun jixbah lil dak li wieħed kellu qabel ma miet biex jintgħaraf minn dawk li kienu jafuh.
26. (a) L-irxoxt għala huwa miraklu daqshekk taʼ l-għaġeb? (b) Liema invenzjonijiet tal-bniedem jistgħu jgħinuna nifhmu l-ħila kbira t’Alla li jiftakar lil nies li mietu?
26 L-irxoxt huwa tassew miraklu taʼ l-għaġeb. Dak li jkun miet jistaʼ jkun akkumula ammont kbir t’esperjenza u t’għarfien u ħafna memorji matul ħajtu. Hu żviluppa personalità li kienet tagħmlu differenti minn kwalunkwe persuna oħra li qatt għexet. Madankollu Alla Jehovah jiftakar kull dettall, u jerġaʼ jirrestawra lil din il-persuna kompleta meta Hu jirxoxtaha. Bħalma tgħid il-Bibbja dwar il-mejtin li se jiġu rxoxtati: “Huma lkoll ħajjin għalih.” (Luqa 20:38) Il-bnedmin jistgħu jirrekordjaw vuċijiet u ritratti taʼ xi nies, u jisimgħuhom u jarawhom ħafna snin wara li n-nies ikunu mietu. Imma Jehovah jistaʼ jagħti lura l-ħajja lil dawk kollha li huma ħajjin fil-memorja tiegħu, u fil-fatt hekk se jagħmel!
27. Liema mistoqsijiet dwar l-irxoxt jiġu mwieġba iktar tard għalina?
27 Il-Bibbja tgħidilna ħafna iktar dwar il-ħajja fil-Ġenna wara li l-mejtin jiġu rxoxtati. Per eżempju, Ġesù tkellem dwar persuni li joħorġu, xi wħud għal “irxoxt taʼ ħajja” u oħrajn għal “irxoxt taʼ ġudizzju.” (Ġwann 5:29) X’ried ifisser? U se tkun differenti s-sitwazzjoni għat-“twajbin” li jiġu rxoxtati milli se tkun għal dawk li “m’humiex twajbin”? Jekk nikkunsidraw is-suġġett taʼ Jum il-Ġudizzju se jkollna r-risposta għal dawn il-mistoqsijiet.
[Stampi f’paġna 167]
“Naf li se jqum fl-irxoxt”
Elija rxoxta lil bin armla
Eliżew irxoxta lil tifel
Raġel li mess maʼ l-għadam t’Eliżew ħa l-ħajja
[Stampi f’paġna 168]
Persuni rxoxtati minn Ġesù:
Iben l-armla taʼ Najin
Lażżru
Bint Ġajru
[Stampi f’paġna 169]
Oħrajn li ġew irxoxtati:
Dorkas
Ġesù nnifsu
Ewtikus
[Stampa f’paġna 170]
Fejn qiegħda l-Ġenna li Ġesù wiegħed lill-kriminal?