Tama Żgura
“Mill-mument tat-twelid hemm il-possibbiltà kontinwa li esseri uman jistaʼ jmut fi kwalunkwe ħin; u b’mod inevitabbli din il-possibbiltà se titwettaq.”—ARNOLD TOYNBEE, STORJOGRAFU BRITANNIKU.
1. L-umanità liema realtà kellha taċċetta, u dan iqajjem liema mistoqsijiet?
MIN jistaʼ jargumenta maʼ din il-verità storika ovvja msemmija hawn fuq? L-umanità minn dejjem kellha taċċetta r-realtà terribbli tal-mewt. U kemm inħossuna abbandunati meta jmut xi ħadd mill-maħbubin tagħna! Dak il-ħin it-telfa tidher irrevokabbli għalkollox. Huwa possibbli li ningħaqdu mill-ġdid mal-maħbubin tagħna li jmutu? Il-Bibbja x’tama testendi għall-mejtin? Ikkunsidra r-rakkont li ġej.
‘Ħabibna Miet’
2-5. (a) Meta miet ħabibu Lazzru, Ġesù kif wera l-volontà u l-abbiltà tiegħu li jirxoxtah? (b) Minbarra li ta lura l-ħajja lil Lazzru, il-miraklu taʼ l-irxoxt x’wettaq?
2 Is-sena kienet 32 E.K. Fil-belt żgħira taʼ Betanja, tliet kilometri ’l barra minn Ġerusalemm, kien jgħix Lazzru maʼ ħutu, Marta u Marija. Huma kienu ħbieb intimi taʼ Ġesù. Darba waħda, Lazzru marad serjament. Malajr, ħutu inkwetati bagħtu javżaw lil Ġesù, li kien fuq in-naħa l-oħra tax-Xmara Ġordan. Ġesù kellu affezzjoni lejn Lazzru u ħutu, u għalhekk f’ħin konvenjenti rħielha lejn Betanja. Fit-triq, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: “Ħabibna Lazzru rieqed; iżda ħa mmur u nqajjmu.” Peress li d-dixxipli ma fehmux mill-ewwel is-sinjifikat taʼ din l-istqarrija, Ġesù qalilhom ċar: “Lazzru miet.”—Ġwann 11:1-15.
3 Meta semgħet li Ġesù kien ġej Betanja, Marta ħarġet bil-ġirja biex tiltaqaʼ miegħu. Imqanqal min-niket tagħha, Ġesù assiguraha: “Ħuk jerġaʼ jqum!” Marta wieġbet: “Jiena naf li jerġaʼ jqum, fil-qawmien mill-imwiet fl-aħħar jum.” Ġesù mbagħad qalilha: “Jien hu l-qawmien u l-ħajja. Kull min jemmen fija, ukoll jekk imut, jgħix.”—Ġwann 11:20-25.
4 Ġesù mbagħad mar lejn il-qabar u ordna li titneħħa l-blata li kienet tagħlaq id-daħla tiegħu. Wara li talab b’leħen għoli, hu kkmanda: “Lazzru, oħroġ!” U waqt li l-għajnejn kollha kienu ffissati fuq il-qabar, Lazzru tabilħaqq ħareġ. Ġesù rxoxta lil Lazzru—billi ta lura l-ħajja lil raġel li kien ilu mejjet erbat ijiem!—Ġwann 11:38-44.
5 Marta diġà kellha fidi fil-wegħda taʼ l-irxoxt. (Ġwann 5:28, 29; 11:23, 24) Il-miraklu tar-restawr taʼ Lazzru għall-ħajja serva biex saħħaħ mill-ġdid il-fidi tagħha u biex nissel fidi f’oħrajn. (Ġwann 11:45) Iżda x’ifisser eżattament it-terminu “rxoxt”?
“Jerġaʼ Jqum”
6. X’ifisser it-terminu “rxoxt”?
6 Il-kelma “rxoxt” hija tradotta mill-kelma Griega a·naʹsta·sis, li litteralment tfisser “li wieħed jerġaʼ jqum bil-wieqfa.” Tradutturi Ebrej tal-Grieg ittraduċew il-kelma a·naʹsta·sis bil-kelmiet Ebrajċi techi·yathʹ ham·me·thimʹ, li jfissru “ħajja mill-ġdid tal-mejtin.”a B’hekk, l-irxoxt jinvolvi li l-persuna tittellaʼ mill-kundizzjoni bla ħajja tal-mewt—billi jiġi attivat mill-ġdid il-mod taʼ ħajja taʼ l-individwu.
7. L-irxoxt taʼ individwi għala ma joħloq l-ebda problema għal Alla Jehovah u għal Ġesù Kristu?
7 Billi għandu għerf infinit u memorja perfetta, Alla Jehovah jistaʼ faċilment jirxoxta persuna. Li jiftakar il-mod taʼ ħajja taʼ wħud mejtin—il-karatteristiċi tal-personalità tagħhom, l-istorja persunali tagħhom, u d-dettalji kollha taʼ l-identità tagħhom—m’huwiex problema għalih. (Ġob 12:13; qabbel Isaija 40:26.) Jehovah hu wkoll l-Oriġinatur tal-ħajja. Għaldaqstant, hu jistaʼ, bla ma jaħsibha darbtejn, iġib lura għall-ħajja lill-istess persuna, billi jagħti lilha jew lilu l-istess personalità f’ġisem ifformat mill-ġdid. Iktar minn hekk, bħalma tindika l-esperjenza taʼ Lazzru, Ġesù Kristu hu kemm dispost, kif ukoll kapaċi jirxoxta lill-mejtin.—Qabbel Luqa 7:11-17; 8:40-56.
8, 9. (a) L-irxoxt u l-idea taʼ l-immortalità tar-ruħ għala huma inkompatibbli? (b) X’inhu r-rimedju għall-mewt?
8 It-tagħlim Skritturali taʼ l-irxoxt, madankollu, m’huwiex kompatibbli mad-duttrina taʼ l-immortalità tar-ruħ. Jekk ruħ immortali tibqaʼ ħajja wara l-mewt, ħadd ma jkollu bżonn jiġi rxoxtat, jew miġjub lura għall-ħajja. Tabilħaqq, Marta ma esprimiet ebda ħsieb dwar ruħ immortali li kienet ħajja xi mkien ieħor wara l-mewt. Hi ma kinitx temmen li Lazzru kien diġà mar f’xi qasam taʼ l-ispirti biex jissokta l-eżistenza tiegħu. Għall-kuntrarju, hi wriet il-fidi tagħha fl-iskop t’Alla li jdawwar lura l-effetti tal-mewt. Qalet: “Jiena naf li jerġaʼ jqum, fil-qawmien mill-imwiet fl-aħħar jum.” (Ġwann 11:23, 24) Bl-istess mod, Lazzru nnifsu ma rrakkonta ebda esperjenzi taʼ xi ħajja wara l-mewt. Ma kien hemm xejn x’jirrapporta.
9 Biċ-ċar, skond il-Bibbja, ir-ruħ tmut u r-rimedju għall-mewt huwa l-irxoxt. Imma biljuni taʼ nies mietu minn mindu l-ewwel raġel, Adam, kien jgħix fuq l-art. Mela min se jiġi rxoxtat, u fejn?
‘Dawk Kollha fl-Oqbra tal-Mafkar’
10. Jehovah liema wegħda għamel rigward dawk fl-oqbra tal-mafkar?
10 Ġesù Kristu qal: “Tiġi siegħa meta dawk kollha li jkunu fl-oqbra [“tal-mafkar,” “NW”] jisimgħu leħnu [taʼ Ġesù] u joħorġu.” (Ġwann 5:28, 29) Iva, Ġesù Kristu wiegħed li dawk kollha fil-memorja taʼ Jehovah se jiġu rxoxtati. Biljuni taʼ nies għexu u mietu. Min hemm fosthom fil-memorja t’Alla, jistenna l-irxoxt?
11. Min se jiġi rxoxtat?
11 Dawk li segwew korsa taʼ tjieba bħala qaddejja taʼ Jehovah se jiġu rxoxtati. Imma miljuni taʼ nies oħrajn mietu mingħajr ma wrew jekk kinux se jgħixu fi qbil mal-livelli taʼ tjieba t’Alla jew le. Huma jew kienu fl-injoranza rigward il-ħtiġijiet taʼ Jehovah jew ma kellhomx biżżejjed żmien biex jagħmlu l-bidliet meħtiġin. Dawn ukoll jinsabu fil-memorja t’Alla, u b’hekk se jiġu rxoxtati, għax il-Bibbja twiegħed: “Kemm it-tajbin u kemm il-ħżiena [“dawk li m’humiex twajbin,” NW] għad iqumu minn bejn l-imwiet.”—Atti 24:15.
12. (a) L-appostlu Ġwanni liema viżjoni rċieva dwar l-irxoxt? (b) Liema ħaġa ‘ġiet mixħuta fl-għadira tan-nar,’ u xi tfisser din l-espressjoni?
12 L-appostlu Ġwanni kellu viżjoni eċċitanti taʼ wħud irxoxtati weqfin quddiem it-tron t’Alla. Waqt li ddeskrivieha, hu kiteb: “Il-baħar radd lura l-mejtin li kien hemm ġo fih, u hekk ukoll il-Mewt u l-qiegħ taʼ l-art [“Ħades,” NW] raddew lura l-mejtin li kien hemm ġo fihom, u kull wieħed minnhom sar ħaqq minnu fuq l-għemejjel tiegħu. Mbagħad il-Mewt u Post il-Mejtin [“Ħades,” NW] ġew mixħuta fil-belliegħa tan-nar—din l-għadira tan-nar hija t-tieni mewt.” (Apokalissi 20:12-14) Aħseb ftit x’ifisser dan! Il-mejtin kollha li jinsabu fil-memorja t’Alla se jinħelsu minn Ħades, jew Xeol, il-qabar komuni taʼ l-umanità. (Salm 16:10; Atti 2:31) Imbagħad “il-mewt u Ħades” se jinxteħtu f’dik li tissejjaħ “l-għadira tan-nar,” li tissimbolizza qerda kompleta. Il-qabar komuni taʼ l-umanità ma jibqax jeżisti.
Irxoxtati fejn?
13. Alla għala ħa ħsieb li xi wħud jiġu rxoxtati għas-sema, u liema xorta taʼ ġisem se jagħtihom Jehovah?
13 Għadd żgħir taʼ rġiel u nisa se jiġu rxoxtati għall-ħajja fis-sema. Dawn se jaħkmu maʼ Kristu bħala slaten u qassisin u se jieħdu sehem f’li jreġġgħu lura l-effetti tal-mewt li l-umanità wirtet mingħand l-ewwel raġel, Adam. (Rumani 5:12; Apokalissi 5:9, 10) Skond il-Bibbja, l-għadd tagħhom huwa biss 144,000 u dawn jintgħażlu minn fost is-segwaċi taʼ Kristu, billi bdew mill-appostli leali. (Luqa 22:28-30; Ġwann 14:2, 3; Apokalissi 7:4; 14:1, 3) Jehovah se jagħti lil kull wieħed minn dawn l-irxoxtati ġisem spirtu sabiex ikunu jistgħu jgħixu fis-sema.—1 Korintin 15:35, 38, 42-45; 1 Pietru 3:18.
14, 15. (a) Il-biċċa l-kbira minn dawk li mietu għal liema xorta taʼ ħajja se jiġu rxoxtati? (b) L-umanità ubbidjenti liema barkiet se tesperjenza?
14 Il-biċċa l-kbira minn dawk li mietu, madankollu, se jiġu rxoxtati għall-ħajja fuq l-art. (Salm 37:29; Mattew 6:10) Liema xorta taʼ art? L-art illum hija mimlija bi ġlied, tixrid taʼ demm, tniġġis, u vjolenza. Li kieku l-mejtin kellhom jiġu lura għall-ħajja fuq art bħal din, żgur li kwalunkwe kuntentizza li se jkollhom tkun għomorha qasir. Imma l-Ħallieq wiegħed li dalwaqt se jtemm lis-soċjetà dinjija preżenti li qiegħda taħt il-kontroll taʼ Satana. (Proverbji 2:21, 22; Danjel 2:44) Soċjetà umana ġdida taʼ tjieba—“art ġdida”—imbagħad se tkun realtà. (2 Pietru 3:13) F’dak iż-żmien “ħadd minn min jgħammar hemm ma jgħid: ‘Jien marid.’” (Isaija 33:24) Saħansitra n-niket tal-mewt se jiġi eliminat, għax Alla “jixxuttalhom kull demgħa minn għajnejhom: ma jkunx hemm iżjed mewt, anqas biki jew għajat jew tbatija ma jkun hemm iżjed, għax għabu l-ħwejjeġ taʼ qabel.”—Apokalissi 21:4.
15 Fid-dinja ġdida mwiegħda minn Alla, il-ġwejdin se “jirtu l-art, u bi sliem kotran jitgħaxxqu.” (Salm 37:11) Il-gvern tas-sema taʼ Kristu Ġesù u l-144,000 imsieħeb tiegħu, se jreġġaʼ lura b’mod progressiv lill-umanità ubbidjenti lejn il-perfezzjoni li tilfu l-ġenituri oriġinali tagħna, Adam u Eva. L-irxoxtati se jkunu inklużi fost l-abitanti taʼ l-art.—Luqa 23:42, 43.
16-18. L-irxoxt liema ferħ se jġib lill-familji?
16 Il-Bibbja tagħti dehra ħafifa tal-ferħ li l-irxoxt se jġib lill-familji. Immaġina l-kuntentizza li ħasset l-armla taʼ Najn meta Ġesù waqqaf il-purċissjoni tal-funeral u rxoxta lill-uniku iben tagħha! (Luqa 7:11-17) Iktar tard, ħdejn il-Baħar tal-Galilija, meta Ġesù ta lura l-ħajja lil tifla taʼ 12-il sena, il-ġenituri tagħha “baqgħu miblugħin bil-għaġeb.”—Mark 5:21-24, 35-42; ara wkoll l-1 Slaten 17:17-24; it-2 Slaten 4:32-37.
17 Għal miljuni li issa jinsabu reqdin fil-mewt, l-irxoxt se jkun ifisser ħajja f’dinja ġdida taʼ paċi. Aħseb ftit dwar il-prospett eċċitanti li dan jiftaħ għal Tommy u għan-negozjant, li ssemmew fis-sezzjoni tal-bidu taʼ dan il-browxer! Meta Tommy jqum għall-ħajja fil-Ġenna fuq l-art, hu se jkun l-istess Tommy li kienet taf ommu—imma mingħajr mard kroniku. Hi se tkun tistaʼ tmissu, iżżommu f’dirgħajha, u tħobbu. Bl-istess mod, minflok ma jinqabad f’katina kważi bla tmiem taʼ twelid mill-ġdid, in-negozjant mill-Indja għandu l-prospett meraviljuż li jiftaħ għajnejh fid-dinja ġdida t’Alla u jara lil uliedu.
18 Li jkunu jafu l-verità dwar ir-ruħ, dwar x’jiġrilna meta mmutu, u dwar it-tama taʼ l-irxoxt jistaʼ jkollu wkoll effett profond fuq dawk li qed jgħixu issa. Ejjew naraw kif.
[Nota taʼ taħt]
a Fil-waqt li l-kelma “rxoxt” ma tidhirx fl-Iskrittura Ebrajka, it-tama taʼ l-irxoxt hija espressa b’mod ċar f’Ġob 14:13, f’Danjel 12:13, u f’Ħosegħa 13:14.
[Stampa f’paġna 26]
L-irxoxt se jġib ferħ dejjiemi