Kapitlu 21
Jum Il-Ġudizzju u Wara
1. Liema hija opinjoni komuni dwar Jum il-Ġudizzju?
LIEMA STAMPA jġiblek f’moħħok Jum il-Ġudizzju? Xi wħud jimmaġinaw tron kbir, u quddiemu ringiela twila taʼ persuni li ġew imqajmin mill-imwiet. Hekk kif kull wieħed minnhom jgħaddi minn quddiem it-tron, jiġi ġġudikat skond l-għemejjel tiegħu taʼ l-imgħoddi, li jkunu kollha miktubin fil-ktieb taʼ l-Imħallef. Skond l-affarijiet li jkun għamel, dak li jkun jintbagħat jew fis-sema jew f’infern tan-nar.
2. (a) Min irranġa għal Jum il-Ġudizzju? (b) Lil min ħatar bħala mħallef?
2 Il-Bibbja, madankollu, tagħti stampa ferm differenti taʼ Jum il-Ġudizzju. M’huwiex xi jum li jkexkxek jew li għandek tibżaʼ minnu. Innota x’tgħid il-Bibbja dwar Alla: “Hu stabbilixxa jum li fih bi ħsiebu jiġġudika lill-art abitata fit-tjieba bi bniedem li hu ħatar.” (Atti 17:31) Dan l-imħallef maħtur minn Alla hu, m’għandniex xi ngħidu, Ġesù Kristu.
3. (a) Għala nistgħu nkunu ċerti li Kristu se jkun ġust fil-ġudizzju tiegħu? (b) In-nies fuq liema bażi se jiġu ġġudikati?
3 Nistgħu nkunu ċerti li Kristu se jkun ġust u rett fil-ġudizzju tiegħu. Profezija dwaru f’Isaija 11:3, 4 tiżgurana minn dan. Mela, kuntrarju għall-opinjoni komuni, hu mhux se jiġġudika lil persuni fuq il-bażi tad-dnubiet tagħhom taʼ qabel, li ħafna minnhom setgħu twettqu fl-injoranza. Il-Bibbja tispjega li mal-mewt wieħed jiġi lliberat jew meħlus mid-dnubiet kollha li jkun għamel. Hija tgħid: “Dak li miet ġie meħlus mid-dnub tiegħu.” (Rumani 6:7) Dan ifisser li meta wieħed jiġi rxoxtat se jiġi ġġudikat fuq il-bażi taʼ dak li jagħmel matul Jum il-Ġudizzju, mhux fuq dak li jkun għamel qabel ma miet.
4. (a) Kemm se jkun twil Jum il-Ġudizzju? (b) Min huma dawk li se jkunu mħallfin maʼ Kristu?
4 Jum il-Ġudizzju, għalhekk, m’huwiex jum litterali t’24 siegħa. Il-Bibbja dan turih ċar meta titkellem dwar dawk li se jieħdu sehem maʼ Ġesù Kristu f’li jagħmlu l-iġġudikar. (1 Korintin 6:1-3) “Rajt tronijiet,” jgħid il-kittieb tal-Bibbja, “u kien hemm dawk li qagħdu bil-qiegħda fuqhom, u l-poter li jiġġudikaw ngħata lilhom.” Dawn l-imħallfin huma s-segwaċi leali u midlukin taʼ Kristu li, bħalma tkompli tgħid il-Bibbja, “ħadu l-ħajja u ħakmu bħala slaten mal-Kristu għal elf sena.” Mela Jum il-Ġudizzju se jkun twil 1,000 sena. Huwa l-istess perijodu taʼ 1,000 sena li matulu Kristu u l-144,000 segwaċi leali u midlukin tiegħu se jaħkmu bħala “smewwiet ġodda” għal fuq l-“art ġdida.”—Rivelazzjoni 20:4, 6; 2 Pietru 3:13.
5, 6. (a) Salmista Bibliku kif iddeskrivieh Jum il-Ġudizzju? (b) Kif se tkun il-ħajja fuq l-art matul Jum il-Ġudizzju?
5 Ħares lejn dawn il-paġni. Dawn jagħtu xi idea taʼ kemm se jkun meraviljuż Jum il-Ġudizzju għall-bnedmin. Is-salmista Bibliku kiteb dwar dak iż-żmien glorjuż: “Ħalli teżalta l-kampanja u dak kollu li hemm fiha. Fl-istess ħin ħalli s-siġar kollha tal-foresta jgħajtu mimlijin ferħ quddiem Jehovah. Għax hu ġie; għax hu ġie biex jiġġudika lill-art. Hu se jiġġudika lill-art produttiva bit-tjieba u lill-popli bil-fedeltà tiegħu.”—Salm 96:12, 13.
6 Matul Jum il-Ġudizzju dawk li jgħaddu ħajjin minn Armageddon se jaħdmu biex l-art jagħmluha ġenna. F’din il-ġenna jiġu milqugħin lura l-mejtin. (Luqa 23:43) X’hena se jkun hemm meta familji li jkunu ilhom mifrudin żmien twil minħabba l-mewt jingħaqdu flimkien mill-ġdid! Iva, xi pjaċir li tgħix fil-paċi, li tgawdi s-saħħa u li tirċievi struzzjonijiet rigward l-iskopijiet t’Alla! Il-Bibbja tgħid: “Meta jkun hemm ġudizzji mingħandek għall-art, it-tjieba hija dak li l-abitanti taʼ l-art produttiva ċertament li se jitgħallmu.” (Isaija 26:9) Matul Jum il-Ġudizzju n-nies kollha se jitgħallmu dwar Jehovah, u se jingħataw kull opportunità biex jobduh u jaqduh.
7. Matul Jum il-Ġudizzju, x’se jsir minn dawk li jagħżlu li jaqdu ’l Alla u minn dawk li jirrifjutaw li jagħmlu dan?
7 Huwa taħt kundizzjonijiet taʼ ġenna bħal dawn li Ġesù Kristu u l-144,000 slaten sħabu se jiġġudikaw lill-bnedmin. In-nies li jagħżlu li jaqdu lil Jehovah se jkunu f’qagħda li jirċievu l-ħajja taʼ dejjem. Imma, saħansitra taħt dawn iċ-ċirkostanzi mill-aqwa, xi wħud se jirrifjutaw li jaqdu ’l Alla. Bħalma tgħid l-Iskrittura: “Għalkemm il-wieħed mill-agħar għandu jiġi muri favur, hu sempliċement mhux se jitgħallem it-tjieba. Fl-art fejn kollox huwa rett hu se jaġixxi bla ġustizzja.” (Isaija 26:10) Mela wara li jingħataw kull opportunità biex ibiddlu t-triqat tagħhom u jitgħallmu t-tjieba, uħud mill-agħar bħal dawn se jiġu meqrudin. Xi wħud jingħataw il-mewt saħansitra qabel jispiċċa Jum il-Ġudizzju. (Isaija 65:20) Ma jitħallewx jibqgħu hemmhekk biex jikkorrompu jew iħassru l-art magħmula ġenna.
8. X’kienet il-kundizzjoni morali taʼ l-irġiel taʼ Sodom?
8 Se jkun verament privileġġ grandjuż li tkun irxoxtat fuq l-art matul Jum il-Ġudizzju l-kbir taʼ Jehovah. Madankollu, il-Bibbja tindika li dan se jkun privileġġ li mhux kulħadd se jgawdih. Ikkunsidra, per eżempju, in-nies taʼ Sodom tal-qedem. Il-Bibbja tgħid li l-irġiel taʼ Sodom fittxew li jkollhom relazzjonijiet sesswali maʼ “l-irġiel” li kienu qegħdin iżuru lil Lot. L-imġieba mmorali tagħhom kienet tant estrema li saħansitra meta kienu milqutin b’mod mirakoluż bil-għama, “kienu qegħdin jaħlu saħħithom jipprovaw isibu d-daħla” tad-dar biex jidħlu ġewwa ħalli jkollhom x’jaqsmu mal-viżitaturi taʼ Lot.—Ġenesi 19:4-11.
9, 10. L-Iskrittura x’tindika dwar il-prospett taʼ rxoxt għall-persuni mill-agħar taʼ Sodom?
9 Se jkunu persuni mill-agħar b’mod terribbli bħal dawn irxoxtati matul Jum il-Ġudizzju? L-Iskrittura tindika li mid-dehra m’humiex se jkunu. Per eżempju, Ġuda, wieħed mid-dixxipli mnebbħin taʼ Ġesù, kiteb l-ewwel dwar l-anġli li abbandunaw il-post tagħhom fis-sema biex ikollhom relazzjonijiet mal-bniet tal-bnedmin. Imbagħad żied: “Hekk ukoll Sodom u Gomorra u l-ibliet taʼ madwarhom, wara li huma bl-istess manjiera bħal dawn taʼ qabel kienu żnew b’mod eċċessiv u telqu wara l-laħam għal użu m’huwiex naturali, huma mqegħdin quddiemna bħala eżempju taʼ twissija billi għaddew mill-kastig ġudizzjarju taʼ nar taʼ dejjem.” (Ġuda 6, 7; Ġenesi 6:1, 2) Iva, għall-immoralità eċċessiva tagħhom in-nies taʼ Sodom u taʼ l-ibliet taʼ madwarhom sofrew qerda li minnha milli jidher qatt ma se jiġu rxoxtati.—2 Pietru 2:4-6, 9, 10a.
10 Ġesù wkoll indika li s-Sodomiti jistgħu ma jiġux irxoxtati. Meta tkellem dwar Kapernahum, waħda mill-ibliet li fiha wettaq il-mirakli, hu qal: “Kieku x-xogħlijiet setgħanin li seħħew fik [Kapernahum] kienu seħħew f’Sodom, din kienet tibqaʼ sal-ġurnata tal-lum. Għaldaqstant ngħidilkom, Se jkun iktar li tissaportih għall-art taʼ Sodom f’Jum il-Ġudizzju milli għalik.” (Mattew 11:22-24) Ġesù hawnhekk kien qiegħed jenfasizza kemm kienu ħatjin in-nies taʼ Kapernahum billi qal li kellu jkun iktar li tissaportih għas-Sodomiti tal-qedem li, fl-imħuħ taʼ l-udjenza Iżraelita tiegħu, kienu totalment ma jistħoqqilhomx irxoxt nhar Jum il-Ġudizzju.
11. Għala se jkun eħfef f’Jum il-Ġudizzju għat-“twajbin” milli għal kwalunkwe wieħed minn dawk li “m’humiex twajbin”?
11 Żgur, allura, li għandna nagħmlu kulma nistgħu biex ngħixu l-ħajjiet tagħna sabiex nimmeritaw irxoxt. Imma xorta waħda tistaʼ ssir il-mistoqsija: Se jkun iktar diffiċli għal xi wħud mill-mejtin irxoxtati biex jitgħallmu u jipprattikaw it-tjieba milli se jkun għal oħrajn? Sewwa, ikkunsidra: Qabel ma persuni “twajbin” bħal Abraham, Iżakk, Ġob, Debora, Rut u Danjel mietu, huma kollha ħarsu ’l quddiem lejn il-miġja tal-Messija. Kemm se jkunu henjin matul Jum il-Ġudizzju biex jitgħallmu dwaru, u li qiegħed jaħkem fis-sema! Mela se jkun ferm iktar faċli għal dawn il-persuni “twajbin” biex jipprattikaw it-tjieba f’dak iż-żmien milli għal dawk kollha li “m’humiex twajbin” li jiġu rxoxtati biex jagħmlu hekk.—Atti 24:15.
IRXOXTIJIET TAʼ “ĦAJJA” U TAʼ “ĠUDIZZJU”
12. Skond Ġwann 5:28-30, min jirċievi “rxoxt taʼ ħajja,” u min jirċievi “rxoxt taʼ ġudizzju”?
12 Meta ddeskriva s-sitwazzjoni f’Jum il-Ġudizzju, Ġesù qal: “Dawk . . . fl-oqbra tal-mafkar se jisimgħu leħnu u joħorġu, dawk li għamlu affarijiet tajbin għal irxoxt taʼ ħajja, dawk li pprattikaw affarijiet vili għal irxoxt taʼ ġudizzju. . . . sewwa sew bħalma nismaʼ, niġġudika; u l-ġudizzju li jien nagħti huwa taʼ tjieba, għaliex jien infittex, mhux ir-rieda tiegħi stess, imma r-rieda tiegħu li bagħatni.” (Ġwann 5:28-30) X’inhu dan l-“irxoxt taʼ ħajja,” u x’inhu l-“irxoxt taʼ ġudizzju”? U min jirċevihom?
13. X’ifisser li persuna tirċievi “rxoxt taʼ ħajja”?
13 Rajna b’mod ċar li meta l-mejtin joħorġu mill-qabar, ma jiġux iġġudikati fuq l-għemejjel tagħhom taʼ l-imgħoddi. Minflok, jiġu ġġudikati fuq il-bażi taʼ dak li jagħmlu matul Jum il-Ġudizzju. Mela meta Ġesù semma lil “dawk li għamlu affarijiet tajbin” u “dawk li pprattikaw affarijiet vili,” kien qiegħed jirreferi għall-affarijiet tajbin u l-affarijiet ħżiena li kellhom jagħmlu matul Jum il-Ġudizzju. Minħabba l-affarijiet tajbin li jagħmlu, ħafna minn dawk irxoxtati se jimxu ’l quddiem għall-perfezzjoni umana sat-tmiem taʼ Jum il-Ġudizzju t’1,000 sena. B’hekk il-miġja lura tagħhom mill-imwiet se tagħti prova li tkun “irxoxt taʼ ħajja,” għax huma jaslu għall-ħajja perfetta bla dnub.
14. X’ifisser li persuna tirċievi “rxoxt taʼ ġudizzju”?
14 Min-naħa l-oħra, xi ngħidu dwar “dawk li pprattikaw affarijiet vili” jew ħżiena matul Jum il-Ġudizzju? Il-miġja lura tagħhom mill-imwiet se tagħti prova li tkun “irxoxt taʼ ġudizzju.” X’ifisser dan? Ifisser ġudizzju jew kundanna għall-mewt. Mela dawn il-persuni se jiġu meqrudin matul jew fl-għeluq taʼ Jum il-Ġudizzju. Ir-raġuni hija li huma jagħmlu affarijiet ħżiena; b’mod stinat jirrifjutaw li jitgħallmu u li jipprattikaw it-tjieba.
META JIBDA JUM IL-ĠUDIZZJU
15. X’jiġri eżatt qabel jibda Jum il-Ġudizzju?
15 L-appostlu Ġwanni ra ġo viżjoni dak li jseħħ eżatt qabel Jum il-Ġudizzju. Hu kiteb: “Rajt tron kbir abjad u lil dak bil-qiegħda fuqu. Minn quddiemu l-art u s-sema ħarbu lil hinn, . . . U rajt il-mejtin, il-kbar u ż-żgħar, bil-wieqfa quddiem it-tron . . . U l-mejtin ġew iġġudikati.” (Rivelazzjoni 20:11, 12) Mela qabel ma jibda Jum il-Ġudizzju, is-sistema t’affarijiet preżenti magħmula mill-“art u s-sema” se tgħaddi. Dawk biss li jaqdu ’l Alla se jibqgħu ħajjin, waqt li dawk mill-agħar kollha jinqerdu f’Armageddon.—1 Ġwann 2:17.
16. (a) Min minbarra l-mejtin se jiġi ġġudikat matul Jum il-Ġudizzju? (b) Minn liema ħaġa se jiġu ġġudikati?
16 B’hekk, m’humiex biss il-“mejtin” irxoxtati li se jiġu ġġudikati matul Jum il-Ġudizzju. Il-“ħajjin” li jsalvaw f’Armageddon, kif ukoll xi tfal li jistaʼ jkollhom, ukoll se jiġu ġġudikati. (2 Timotew 4:1) Fil-viżjoni tiegħu Ġwanni ra kif isirilhom ġudizzju. “U rombli ġew miftuħin,” hu kiteb. “U l-mejtin ġew iġġudikati minn dawk l-affarijiet miktubin fir-rombli skond l-għemejjel tagħhom. U l-baħar radd lil dawk mejtin fih, u l-mewt u Ħades raddew lil dawk mejtin fihom, u ġew iġġudikati individwalment skond l-għemejjel tagħhom.”—Rivelazzjoni 20:12, 13.
17. X’inhuma r-“rombli” li minnhom se jiġu ġġudikati l-“ħajjin” u l-“mejtin”?
17 X’inhuma r-“rombli” li jiġu miftuħin u li minnhom “[i]l-mejtin” kif ukoll il-“ħajjin” jiġu ġġudikati? B’mod evidenti se jkunu xi ħaġa oħra miżjuda mal-Bibbja Mqaddsa preżenti tagħna. Huma kitbiet jew kotba mnebbħin li fihom il-liġijiet u l-istruzzjonijiet taʼ Jehovah. Billi jaqraw dawn, in-nies kollha fuq l-art se jkunu jistgħu jsiru jafu r-rieda t’Alla. Imbagħad, fuq il-bażi tal-liġijiet u l-istruzzjonijiet f’dawn ir-“rombli,” kulħadd fuq l-art se jiġi ġġudikat. Dawk li jobdu l-affarijiet miktubin fihom se jirċievu l-benefiċċji tas-sagrifiċċju taʼ rahan taʼ Kristu, u gradwalment se javanzaw għall-perfezzjoni umana.
18. (a) X’se tkun is-sitwazzjoni fi tmiem Jum il-Ġudizzju? (b) Il-“mejtin” b’liema mod jieħdu l-ħajja fit-tmiem taʼ l-1,000 sena?
18 Mat-tmiem taʼ Jum il-Ġudizzju t’1,000 sena ħadd fuq l-art ma se jkun f’kundizzjoni li jmut minħabba d-dnub t’Adam. Verament, fis-sens l-iktar sħiħ kulħadd se jkun ħa l-ħajja. Dan huwa dak li tirreferi għalih il-Bibbja meta tgħid: “Il-bqija tal-mejtin [dawk barra l-144,000 li jmorru fis-sema] ma ħadux il-ħajja sa ma ntemmu l-elf sena.” (Rivelazzjoni 20:5) Ir-referenza hawnhekk għall-“bqija tal-mejtin” ma tfissirx li oħrajn jiġu rxoxtati fit-tmiem taʼ Jum il-Ġudizzju t’1,000 sena. Minflok, tfisser li l-persuni kollha jieħdu l-ħajja billi fl-aħħar jaslu għall-perfezzjoni umana. Huma se jkunu fl-istess qagħda perfetta bħalma kienu Adam u Eva fil-ġnien t’Għeden. Imbagħad x’se jiġri?
WARA JUM IL-ĠUDIZZJU
19. Kristu x’jagħmel fit-tmiem taʼ Jum il-Ġudizzju?
19 Wara li jkun għamel dak kollu li Alla tah biex jagħmel, Ġesù Kristu “jgħaddi s-Saltna ’l Alla u Missier tiegħu.” Dan ikun fit-tmiem taʼ Jum il-Ġudizzju t’1,000 sena. Sa dak iż-żmien l-għedewwa kollha se jkunu tneħħew min-nofs. L-aħħar fost dawn hija l-mewt li ntirtet minn Adam. Din se tinqered! Imbagħad is-saltna ssir il-propjetà t’Alla Jehovah. Hu jaħkimha direttament bħala Sultan.—1 Korintin 15:24-28.
20. (a) Jehovah x’se jagħmel biex jiddetermina l-ismijiet taʼ min għandhom jinkitbu fil-“ktieb tal-ħajja”? (b) Għala hija xierqa prova finali fuq il-bnedmin?
20 Jehovah kif se jiddetermina l-ismijiet taʼ min għandhom jiġu miktubin fir-“romblu tal-ħajja,” jew il-“ktieb tal-ħajja”? (Rivelazzjoni 20:12, 15) Dan se jkun permezz taʼ prova fuq il-bnedmin. Ftakar kif Adam u Eva naqsu taħt prova bħal din, u kif Ġob, meta ttestjat, żamm l-integrità. Imma l-biċċa l-kbira tal-bnedmin li jgħixu sat-tmiem taʼ l-1,000 sena qatt ma se tkun ġiet ittestjata l-fidi tagħhom. Qabel ma ġew irxoxtati huma ma kinux jafu dwar l-iskopijiet taʼ Jehovah. Kienu parti mis-sistema t’affarijiet mill-agħar taʼ Satana; kienu ‘m’humiex twajbin.’ Imbagħad, wara l-irxoxt tagħhom, kien faċli għalihom li jaqdu lil Jehovah minħabba li kienu jgħixu fil-Ġenna mingħajr oppożizzjoni mix-Xitan. Imma se jaqdu lil Jehovah dawn il-biljuni taʼ bnedmin, li mbagħad ikunu perfetti, jekk Satana jiġi mogħti l-opportunità biex jipprova jwaqqafhom milli jkomplu jagħmlu dan? Jistaʼ Satana jagħmlilhom dak li għamel lil Adam u Eva li kienu perfetti?
21. (a) Jehovah kif se jpoġġi lill-bnedmin taħt prova? (b) Meta l-prova titlesta, x’se jiġrilhom dawk kollha involuti?
21 Biex iwieġeb dawn il-mistoqsijiet, Jehovah iħoll lil Satana u lid-demonji tiegħu minn ġo l-abbiss fejn kienu matul l-1,000 sena. X’inhu r-riżultat? Il-Bibbja turi li Satana jirnexxilu jdawwar lil xi nies milli jaqdu lil Jehovah. Dawn ikunu bħar-“ramel tal-baħar,” li jfisser li l-għadd tagħhom m’huwiex determinat. Wara li ssir din il-prova, Satana u d-demonji tiegħu, u dawk ukoll li ma jgħaddux mill-prova, jintefgħu fl-“għadira tan-nar” simbolika, li hija t-tieni mewt (eterna). (Rivelazzjoni 20:7-10, 15) Imma dawk li ismijiethom jinstabu miktubin fil-“ktieb tal-ħajja” se jibqgħu fil-ġenna taʼ l-art glorjuża. Li jkollhom ismijiethom miktubin fil-“ktieb tal-ħajja” jfisser li Jehovah jiġġudikahom li huma twajbin perfettament fil-qalb, fil-moħħ u fil-ġisem u b’hekk denji li jgħixu għal dejjem fil-ġenna fuq l-art.
JUM IL-ĠUDIZZJU PREŻENTI
22. Biex ngħixu ħalli naraw Jum il-Ġudizzju u l-prova finali fuq l-umanità, minn liema ħaġa rridu issa ngħaddu ħajjin?
22 Mela l-Bibbja tagħti tagħrif dwar ġrajjiet li se jseħħu ’l fuq minn 1,000 sena fil-futur. U turi li m’hemmx raġuni għalfejn nibżgħu minn dak li ġej. Imma l-mistoqsija hija: Se tkun hemmhekk int biex tgawdi l-affarijiet tajbin li Alla Jehovah għandu maħżunin? Dan se jiddependi minn jekk int tgħaddix minn jum taʼ ġudizzju li jsir qabel, jiġifieri, il-‘jum preżenti taʼ ġudizzju u taʼ qerda tan-nies taʼ mingħajr Alla.’—2 Pietru 3:7.
23. (a) F’liema żewġ klassijiet qegħdin jiġu mifrudin in-nies illum? (b) X’se jiġrilha kull klassi, u għala?
23 Iva, minn mindu Kristu ġie lura u qagħad fuq it-tron tiegħu tas-sema, il-bnedmin kollha kienu u għadhom taħt ġudizzju. Dan “jum il-ġudizzju” preżenti jiġi qabel jibda Jum il-Ġudizzju t’1,000 sena. Matul il-ġudizzju preżenti n-nies qegħdin jiġu mifrudin bħala “mogħoż” fuq in-naħa tax-xellug taʼ Kristu jew bħala “ngħaġ” fuq il-lemin tiegħu. Il-“mogħoż” se jinqerdu għaliex jonqsu li jgħinu lill-“aħwa” midlukin taʼ Kristu fis-servizz tagħhom lejn Alla. Maż-żmien, dawn il-“mogħoż” juru lilhom infushom li huma midinbin bla ndiema, mill-agħar, imwebbsin f’li jipprattikaw in-nuqqas taʼ tjieba. In-“ngħaġ,” mill-banda l-oħra, se jiġu mberkin bil-ħajja taħt il-ħakma tas-Saltna għaliex jappoġġjaw lill-“aħwa” taʼ Kristu b’kull mod.—Mattew 25:31-46.
[Stampi f’paġna 178]
Ġesù għala qal li se jkun iktar taʼ min jissaportih f’Jum il-Ġudizzju għal dawk f’Sodom?