Kapitlu 29
Nagħmlu Suċċess Mill-Ħajja Tal-Familja
1. (a) Il-familja kif kellha l-bidu tagħha? (b) X’kien l-iskop t’Alla rigward il-familja?
META Alla Jehovah ħalaq l-ewwel raġel u mara, għaqqadhom flimkien biex jipproduċu familja. (Ġenesi 2:21-24; Mattew 19:4-6) Kien l-iskop t’Alla għal din il-koppja miżżewġa li jiżdiedu billi jkollhom it-tfal. Imbagħad, meta jikbru t-tfal, kellhom jiżżewġu u jifformaw il-familji tagħhom stess. Kien l-iskop t’Alla li, maż-żmien, familji henjin kellhom jgħixu f’kull parti taʼ l-art. Kellhom jagħmlu l-art ġenna sabiħa kullimkien.—Ġenesi 1:28.
2, 3. (a) Alla għala ma jistax jingħata t-tort minħabba l-fallimenti tal-familja? (b) X’inhu neċessarju biex titgawda ħajja tal-familja li jkollha suċċess?
2 Madankollu, illum, il-familji qegħdin jitkissru, u ħafna li għadhom flimkien m’humiex henjin. Mela persuna tistaʼ tistaqsi: ‘Jekk il-familja kienet tassew maħluqa minn Alla, m’għandniex nistennew riżultati aħjar?’ Madankollu, Alla ma jistax jiġi mogħti l-ħtija għall-fallimenti tal-familja. Manifattur jistaʼ jagħmel prodott u jipprovdi l-istruzzjonijiet fuq kif wieħed għandu jużah. Imma hija l-ħtija tal-manifattur jekk il-prodott ifalli għax ix-xerrej ma jsegwix l-istruzzjonijiet? Xejn affattu. Il-prodott, saħansitra jekk ikun taʼ kwalità perfetta, se jfalli għaliex ma jiġix użat kif jixraq. Huwa l-istess fil-każ tal-familja.
3 Alla Jehovah ipprovda struzzjonijiet fil-Bibbja fuq il-mod taʼ ħajja fil-familja. Imma jekk dawn l-istruzzjonijiet jiġu injorati, x’jiġri? Avolja l-arranġament tal-familja huwa perfett, jistaʼ jitkisser. Imbagħad il-membri tal-familja m’humiex se jkunu henjin. Mill-banda l-oħra, jekk jiġu segwiti l-linji taʼ gwida tal-Bibbja, dan iwassal għal familja hienja li tirnexxi. Huwa vitali, għalhekk, li nifhmu sewwa sew kif Alla għamel lill-membri differenti tal-familja, u liema rwoli kellu l-iskop li jwettqu.
KIF ALLA ĦALAQ LIR-RAĠEL U LILL-MARA
4. (a) X’differenzi hemm bejn l-irġiel u n-nisa? (b) Alla għala ħalaq dawn id-differenzi?
4 Kulħadd jistaʼ jara li Jehovah m’għamilx l-irġiel u n-nisa l-istess. Huwa veru li f’ħafna modi huma l-istess. Imma hemm differenzi ovvji fid-dehra fiżika u l-għamla sesswali tagħhom. Ukoll, għandhom kwalitajiet emozzjonali differenti. Għala dawn id-differenzi? Alla għamilhom hekk biex jgħin lil kull wieħed minnhom f’li jwettaq irwol differenti. Wara li Alla ħalaq lir-raġel, Alla qal: “M’huwiex tajjeb għar-raġel li jibqaʼ waħdu. Se nagħmel għajnuna għalih, bħala kompliment tiegħu.”—Ġenesi 2:18.
5. (a) Il-mara kif kienet magħmula “kompliment” għar-raġel? (b) Fejn sar l-ewwel żwieġ? (ċ) Iż-żwieġ għala jistaʼ jkun arranġament tassew hieni?
5 Kompliment huwa xi ħaġa li taqbel jew tmur tajjeb maʼ xi ħaġa oħra biex tagħmilha sħiħa. Alla għamel lill-mara bħala pariġġ sodisfaċenti għar-raġel biex tgħinu f’li jwettaq l-istruzzjonijiet mogħtijin lilu minn Alla biex jippopola u jieħu ħsieb l-art. Mela wara li ħalaq lill-mara minn parti mir-raġel, Alla għamel l-ewwel żwieġ hemmhekk fil-ġnien t’Għeden billi ‘ġabha għand ir-raġel.’ (Ġenesi 2:22; 1 Korintin 11:8, 9) Iż-żwieġ jistaʼ jkun arranġament hieni għaliex ir-raġel u l-mara kienu magħmulin kull wieħed minnhom bi ħtieġa li l-parti l-oħra kapaċi twettaq. Il-kwalitajiet differenti tagħhom jibbilanċjaw lil xulxin. Meta raġel u mara jifhmu u japprezzaw lil xulxin u jikkoperaw fi qbil maʼ l-irwoli mogħtijin lilhom, it-tnejn li huma jikkontribwixxu l-parti tagħhom f’li jibnu dar hienja.
L-IRWOL TAR-RAĠEL
6. (a) Min ġie magħmul il-kap tal-familja? (b) Dan għala huwa xieraq u prattiku?
6 Żwieġ jew familja għandu bżonn min imexxih. Ir-raġel ġie maħluq b’miżura akbar tal-kwalitajiet u l-qawwiet meħtiġin biex jipprovdi tmexxija bħal din. Għal din ir-raġuni l-Bibbja tgħid: “Raġel hu l-kap taʼ martu bħalma l-Kristu wkoll hu l-kap tal-kongregazzjoni.” (Efesin 5:23) Din hija ħaġa prattika, għax meta m’hemmx tmexxija hemm l-inkwiet u t-taħwid. Li familja tkun mingħajr stat taʼ kap ikun bħal meta wieħed jipprova jsuq karozza mingħajr stêring. Jew, kieku l-mara kellha tikkompeti maʼ stat taʼ kap bħal dan, dan ikun bħal meta jkun hemm żewġ sewwieqa fil-karozza, kull wieħed bi stêring li jikkontrolla rota taʼ quddiem differenti.
7. (a) Xi nisa għala ma togħġobhomx l-idea taʼ l-istat taʼ kap tar-raġel? (b) Kulħadd għandu kap, u għala huwa l-arranġament t’Alla taʼ l-istat taʼ kap wieħed għaqli?
7 Madankollu, ħafna nisa ma togħġobhomx l-idea li raġel għandu jkun il-kap tal-familja. Raġuni waħda prinċipali għal dan hija li ħafna rġiel miżżewġin ma segwewx l-istruzzjonijiet t’Alla fuq kif jeżerċitaw stat taʼ kap xieraq. Minkejja dan, huwa fatt magħruf li biex kwalunkwe organizzazzjoni taħdem sewwa jeħtieġ li xi ħadd jipprovdi direzzjoni u jieħu deċiżjonijiet finali. B’hekk il-Bibbja tgħid b’mod għaqli: “[I]l-kap taʼ kull raġel hu l-Kristu; imbagħad il-kap taʼ mara hu r-raġel; imbagħad il-kap tal-Kristu hu Alla.” (1 Korintin 11:3) Fl-arranġament t’Alla, Alla hu l-uniku wieħed li m’għandux kap. L-oħrajn kollha, inkluż Ġesù Kristu, kif ukoll l-irġiel u n-nisa, jeħtieġu li jaċċettaw direzzjoni u jissottomettu ruħhom għad-deċiżjonijiet t’oħrajn.
8. (a) L-irġiel miżżewġin wara l-eżempju taʼ min suppost li jimxu f’li jeżerċitaw l-istat taʼ kap? (b) Liema lezzjonijiet għandhom l-irġiel jitgħallmu minn dak l-eżempju?
8 Dan ifisser li biex iwettqu l-irwol tagħhom bħala rġiel miżżewġin, l-irġiel iridu jaċċettaw l-istat taʼ kap taʼ Kristu. Ukoll, iridu jimxu wara l-eżempju tiegħu billi jeżerċitaw l-istat taʼ kap fuq in-nisa tagħhom sewwa sew bħalma jagħmel hu fuq il-kongregazzjoni tiegħu taʼ segwaċi. Kristu kif ittratta mas-segwaċi tiegħu fuq l-art? Kien dejjem b’qalb tajba u b’konsiderazzjoni. Qatt ma kien aħrax jew jitlagħlu malajr, saħansitra meta kienu jdumu biex jaċċettaw id-direzzjoni tiegħu. (Mark 9:33-37; 10:35-45; Luqa 22:24-27; Ġwann 13:4-15) Fil-fatt, minn jeddu ta ħajtu għalihom. (1 Ġwann 3:16) Raġel miżżewweġ li hu Kristjan għandu jistudja bir-reqqa l-eżempju taʼ Kristu, u jagħmel mill-aħjar li jistaʼ biex isegwih meta jittratta mal-familja tiegħu. Bħala riżultat, mhux se jkun kap tal-familja dominanti, egoist jew bla konsiderazzjoni.
9. (a) Ħafna nisa miżżewġin liema lment jagħmlu taʼ spiss? (b) L-irġiel miżżewġin x’għandhom b’mod għaqli jżommu f’moħħhom waqt li jeżerċitaw l-istat taʼ kap?
9 Mill-banda l-oħra, madankollu, l-irġiel miżżewġin għandhom jikkunsidraw dan: Tilmenta l-mara tiegħek li int tassew ma taġixxix bħala l-kap tal-familja? Tgħid hi li int ma tiħux it-tmexxija fid-dar, billi tippjana attivitajiet tal-familja u teżerċita r-responsabbiltà li tieħu deċiżjonijiet finali? Imma dan huwa dak li Alla jitlob minnek, bħala raġel miżżewweġ, biex tagħmel. M’għandniex xi ngħidu, ikun għaqli għalik li tkun disponibbli għas-suġġerimenti u l-preferenzi taʼ membri oħrajn tal-familja u li tikkunsidra dawn is-suġġerimenti waqt li teżerċita l-istat taʼ kap. Bħala raġel miżżewweġ, int biċ-ċar għandek l-iktar rwol diffiċli fil-familja. Imma jekk tagħmel sforz sinċier biex twettqu, martek x’aktarx li se tħossha inklinata biex tagħtik l-għajnuna u l-appoġġ.—Proverbji 13:10; 15:22.
IT-TWETTIEQ TAʼ L-IRWOL TAL-MARA
10. (a) Il-Bibbja tħeġġeġ lin-nisa miżżewġin biex jieħdu liema korsa? (b) X’jiġri meta n-nisa jonqsu li jagħtu kas il-parir tal-Bibbja?
10 Bħalma tgħid il-Bibbja, il-mara kienet magħmula bħala għajnuna għal żewġha. (Ġenesi 2:18) Fi qbil maʼ dak l-irwol, il-Bibbja tħeġġeġ: “Ħalli n-nisa jkunu sottomessi lejn żwieġhom.” (Efesin 5:22) Illum l-aggressività u l-kompetizzjoni femminili maʼ l-irġiel saru komuni. Imma meta n-nisa miżżewġin jimbottaw ’il quddiem, billi jipprovaw jieħdu l-istat taʼ kap f’idejhom, l-aġir tagħhom x’aktarx li żgur li jikkaġuna l-inkwiet. Ħafna rġiel miżżewġin, fil-fatt, jgħidu: ‘Jekk hi trid tmexxi d-dar, erħilha tgħaffeġ hi.’
11. (a) Kif tistaʼ mara tgħin lil żewġha jieħu t-tmexxija? (b) Jekk mara twettaq l-irwol mogħti lilha minn Alla, x’effett x’aktarx li se jkollu dan fuq żewġha?
11 Madankollu, għandek mnejn tħoss li int imġiegħla li tieħu t-tmexxija, ladarba żewġek ma jagħmilx dan. Imma tistaʼ int tagħmel iżjed biex tgħinu jwettaq ir-responsabbiltajiet tiegħu bħala kap tal-familja? Turi int li trid lilu jmexxi? Tistaqsi int għas-suġġerimenti u għall-gwida? Tevita int li b’xi mod iċċekken dak li jagħmel? Jekk tassew taħdem biex twettaq l-irwol tiegħek fil-familja mogħti minn Alla, żewġek wisq probabbli se jibda jassumi tiegħu.—Kolossin 3:18, 19.
12. Liema ħaġa turi li n-nisa jistgħu b’mod xieraq jesprimu l-opinjonijiet tagħhom, saħansitra jekk dawn ma jaqblux maʼ taʼ żwieġhom?
12 Dan ma jfissirx li l-mara m’għandhiex tesprimi l-opinjonijiet tagħha jekk dawn ma jaqblux maʼ dawk taʼ żewġha. Jistaʼ jkollha opinjoni korretta, u l-familja tibbenefika jekk żewġha jismaʼ minnha. Sara, mart Abraham, hi mogħtija bħala eżempju għan-nisa Kristjani minħabba s-sottomissjoni tagħha lejn żewġha. (1 Pietru 3:1, 5, 6) Madankollu hi rrikmandat soluzzjoni għal problema fid-dar, u meta Abraham ma qabilx magħha Alla qallu: “Agħtiha widen.” (Ġenesi 21:9-12) M’għandniex xi ngħidu, meta r-raġel jieħu deċiżjoni finali fuq xi kwistjoni, il-mara għandha tappoġġjaha jekk li tagħmel hekk ma jġegħilhiex tikser il-liġi t’Alla.—Atti 5:29.
13. Mara miżżewġa tajba x’għandha tkun qiegħda tagħmel, u x’se jkun l-effett fuq il-familja tagħha?
13 F’li twettaq kif jixraq l-irwol tagħha, hemm ħafna li mara miżżewġa tistaʼ tagħmel biex tieħu ħsieb il-familja. Per eżempju, tistaʼ tħejji ikliet nutrittivi, iżżomm id-dar nadifa u pulita u tieħu sehem f’li tistruwixxi lit-tfal. Il-Bibbja tħeġġeġ lin-nisa “biex iħobbu lil żwieġhom, biex iħobbu lit-tfal tagħhom, biex ikunu moħħhom f’loku, kasti, ħaddiema fid-dar, tajbin, jissottomettu ruħhom lejn żwieġhom stess, sabiex il-kelma t’Alla ma jitkellmux fuqha b’abbuż.” (Titus 2:4, 5) Il-mara u l-omm li twettaq dawn id-dmirijiet se tirbaħ l-imħabba dejjiema u r-rispett tal-familja tagħha.—Proverbji 31:10, 11, 26-28.
POST IT-TFAL FIL-FAMILJA
14. (a) X’inhi l-pożizzjoni xierqa tat-tfal fil-familja? (b) X’jistgħu jitgħallmu t-tfal mill-eżempju taʼ Ġesù?
14 Jehovah istruwixxa lill-ewwel koppja umana: “Kunu mimlijin frott u siru ħafna.” (Ġenesi 1:28) Iva, Alla qalilhom biex ikollhom it-tfal. It-tfal kellhom ikunu barka għall-familja. (Salm 127:3-5) Ladarba jaqgħu taħt il-liġi u l-kmand tal-ġenituri tagħhom, il-Bibbja tqabbel il-pożizzjoni taʼ tifel jew tifla maʼ dik taʼ rsir. (Proverbji 1:8; 6:20-23; Galatin 4:1) Saħansitra Ġesù baqaʼ sottomess lejn il-ġenituri tiegħu meta kien tifel. (Luqa 2:51) Dan ifisser li hu obdiehom, billi għamel dak li qalulu. Kieku t-tfal kollha jagħmlu l-istess, dan verament jikkontribwixxi lejn l-hena fil-familja.
15. It-tfal għala taʼ spiss ikunu taʼ wġigħ il-qalb għall-ġenituri tagħhom?
15 Madankollu, minflok ma jkunu barka fil-familja, it-tfal illum taʼ spiss huma sors taʼ wġigħ il-qalb għall-ġenituri. Għala? Minħabba li t-tfal, kif ukoll il-ġenituri, ma japplikawx fil-ħajjiet tagħhom l-istruzzjonijiet tal-Bibbja fuq il-ħajja tal-familja. X’inhuma xi ftit minn dawn il-liġijiet u prinċipji t’Alla? Ejjew neżaminaw ftit minnhom fil-paġni li ġejjin. Waqt li nagħmlu dan, ara jekk taqbilx li, billi tapplikahom, int tistaʼ tikkontribwixxi lejn l-hena fil-familja tiegħek.
Ħobb U Onora Lil Martek
16. L-irġiel miżżewġin x’inhuma kkmandati jagħmlu, u dawn il-kmandi kif jitwettqu b’mod xieraq?
16 B’għerf divin, il-Bibbja tgħid: “L-irġiel għandhom iħobbu lin-nisa tagħhom bħal ġisimhom stess.” (Efesin 5:28-30) Darba wara l-oħra, l-esperjenza tat prova li biex in-nisa miżżewġin ikunu henjin iridu jħossuhom li huma maħbubin. Dan ifisser li r-raġel għandu jagħti lil martu attenzjoni speċjali, li tinkludi ħlewwa, fehma u serħan il-moħħ. Jeħtieġ li ‘jagħtiha ġieħ,’ bħalma tgħid il-Bibbja. Dan jagħmlu billi jikkunsidraha f’kulma jagħmel. B’dan il-mod se jirbaħ ir-rispett tagħha.—1 Pietru 3:7.
Irrispetta Lil Żewġek
17. In-nisa miżżewġin x’inhuma kkmandati jagħmlu, u kif jagħmluh dan?
17 U xi ngħidu għan-nisa miżżewġin? “Il-mara għandha jkollha rispett profond lejn żewġha,” tiddikjara l-Bibbja. (Efesin 5:33) In-nuqqas taʼ li jiġi osservat dan il-parir huwa raġuni ewlenija għala xi rġiel iħossuhom imdejqin bin-nisa tagħhom. Mara turi rispett billi tappoġġja d-deċiżjonijiet taʼ żewġha, u billi tikkopera b’ruħha kollha miegħu biex jintlaħqu l-għanijiet tal-familja. Billi twettaq l-irwol tagħha mogħti lilha mill-Bibbja bħala ‘għajnuna u kompliment’ għal żewġha, hi tagħmilha iktar faċli għal żewġha biex iħobbha.—Ġenesi 2:18.
Kunu Leali Lejn Xulxin
18. L-imseħbin fiż-żwieġ għala għandhom ikunu leali lejn xulxin?
18 Il-Bibbja tgħid: “Irġiel u nisa miżżewġin iridu jkunu leali lejn xulxin.” Lir-raġel tgħidlu: “Kun hieni maʼ martek u sib il-ferħ tiegħek mat-tfajla li żżewwiġt . . . għala għandek tagħti mħabbtek lil mara oħra? Għala għandek tippreferi s-seħer taʼ mart raġel ieħor?” (Ebrej 13:4; Proverbji 5:18-20, Today’s English Version) Iva, l-adulterju huwa kontra l-liġi t’Alla; dan iwassal għal inkwiet fiż-żwieġ. “Ħafna nies jaħsbu li relazzjoni adultera tistaʼ tħawwar żwieġ,” innotat waħda riċerkatriċi dwar iż-żwieġ, imma hi żiedet li relazzjoni adultera dejjem twassal għal “problemi serji.”—Proverbji 6:27-29, 32.
Fittex Il-Pjaċir Tal-Parti L-Oħra
19. L-imseħbin fiż-żwieġ kif jistgħu jakkwistaw l-akbar pjaċir mir-relazzjonijiet sesswali?
19 L-hena ma tiġix meta wieħed ifittex il-pjaċir sesswali primarjament għalih innifsu. Minflok, din tinkiseb billi tfittex ukoll biex togħġob lill-parti l-oħra taʼ dak li jkun. Il-Bibbja tgħid: ‘Ħalli r-raġel jagħti lil martu dak li huwa tagħha; imma ħalli l-mara wkoll tagħmel l-istess lil żewġha.’ (1 Korintin 7:3) L-enfasi qiegħda fuq li trodd, li tagħti. U billi jagħti, id-donatur ukoll jirċievi pjaċir ġenwin. Huwa bħalma qal Ġesù Kristu: “Hemm iktar hena f’li tagħti milli hemm f’li tirċievi.”—Atti 20:35.
Agħti Minnek Innifsek Lit-Tfal Tiegħek
20. Għala huwa daqshekk importanti li tagħmel l-affarijiet mat-tfal tiegħek?
20 Tifel taʼ madwar tmien snin qal: “Id-daddy tiegħi jaħdem il-ħin kollu. Qatt ma jkun id-dar. Jagħtini l-flus u ħafna ġugarelli, imma kważi qatt ma narah. Jien inħobbu u nixtieq li ma jaħdimx il-ħin kollu biex inkun nistaʼ narah iżjed.” Kemm tkun aħjar il-ħajja fid-dar meta l-ġenituri jsegwu l-kmand Bibliku biex jgħallmu lit-tfal tagħhom ‘x’ħin joqogħdu bil-qiegħda f’darhom u x’ħin jimxu fit-triq u x’ħin jimteddu u x’ħin iqumu’! Li tagħti minnek innifsek lit-tfal tiegħek, li tqattaʼ ħin prezzjuż magħhom, ċertament li jikkontribwixxi lejn l-hena tal-familja.—Dewteronomju 11:19; Proverbji 22:6.
Ipprovdi Dixxiplina Meħtieġa
21. X’tgħid il-Bibbja dwar l-għoti taʼ dixxiplina lit-tfal?
21 Missierna tas-sema jagħti lill-ġenituri eżempju xieraq billi lin-nies tiegħu jipprovdilhom struzzjonijiet taʼ korrezzjoni, jew dixxiplina. It-tfal għandhom bżonn id-dixxiplina. (Ebrej 12:6; Proverbji 29:15) Billi tagħraf dan, il-Bibbja tħeġġeġ: “Intom, missirijiet, . . . ibqgħu rabbuhom [lit-tfal tagħkom] fid-dixxiplina u r-regular mentali taʼ Jehovah.” L-għoti taʼ dixxiplina, saħansitra jekk dan jistaʼ jinkludi xi xebgħa jew xi kastig, huwa evidenza li l-ġenituri jħobbu lit-tfal tagħhom. Il-Bibbja tgħid: “[I]l-wieħed li qiegħed iħobbu [lil ibnu] hu dak li tassew ifittxu bid-dixxiplina.”—Efesin 6:4; Proverbji 13:24; 23:13, 14.
Żgħażagħ—Irreżistu L-Modi Dinjin
22. Xi dmir għandhom iż-żgħażagħ, u x’inhu involut fit-twettieq tiegħu?
22 Id-dinja tagħmel sforz biex iġġiegħel liż-żgħażagħ jiksru l-liġijiet t’Alla. Ukoll, bħalma tistqarr il-Bibbja, “il-bluha hija marbuta mal-qalb taʼ tifel.” (Proverbji 22:15) Mela hija ġlieda biex tagħmel dak li huwa sewwa. Madankollu l-Bibbja tgħid: “Tfal huwa d-dmir Kristjan tagħkom li tobdu lill-ġenituri tagħkom, għax din hija l-ħaġa sewwa li għandkom tagħmlu.” Dan se jġib premjijiet għonja. Mela, tfal, kunu għaqlin. Agħtu kas tal-parir: “Ftakar fil-Ħallieq tiegħek waqt li għadek żagħżugħ.” Irreżistu t-tentazzjonijiet biex tieħdu d-drogi, tiskru, tikkommettu l-fornikazzjoni u tagħmlu affarijiet oħrajn li huma kontra l-liġijiet t’Alla.—Efesin 6:1-4; Ekkleżjasti 12:1; Proverbji 1:10-19, Today’s English Version.
Studjaw Il-Bibbja Flimkien
23. Liema benefiċċji se jgawdu l-familji billi jistudjaw il-Bibbja flimkien?
23 Jekk membru wieħed tal-familja jistudja u japplika t-tagħlim tal-Bibbja, dan se jikkontribwixxi lejn l-hena tal-familja. Imma kieku kollha jagħmlu hekk—ir-raġel, il-mara u t-tfal—x’familja mbierka se tkun dik! Se jkun hemm relazzjoni kordjali u intima, b’komunikazzjoni miftuħa, hekk kif kull membru tal-familja jipprova jgħin lill-oħrajn f’li jaqdu ’l Alla Jehovah. Mela agħmluha drawwa tal-familja li tistudjaw il-Bibbja flimkien!—Dewteronomju 6:4-9; Ġwann 17:3.
NITTRATTAW B’SUĊĊESS IL-PROBLEMI TAL-FAMILJA
24. L-imseħbin fiż-żwieġ għala għandhom jagħlqu għajnejhom għall-iżbalji ta’ xulxin?
24 Saħansitra ġo familji li normalment huma henjin, minn żmien għal żmien se jqumu l-problemi. Dan huwa għaliex aħna lkoll imperfetti u nagħmlu affarijiet żbaljati. “Aħna lkoll nieħdu gambetta ħafna drabi,” tgħid il-Bibbja. (Ġakbu 3:2) Mela l-imseħbin fiż-żwieġ m’għandhomx jesiġu l-perfezzjoni mingħand xulxin. Minflok, kull wieħed (waħda) għandu jagħlaq għajnejh għall-iżbalji tal-parti l-oħra. Għalhekk, ħadd minnhom m’għandu jistenna żwieġ hieni perfettament, ladarba dan m’huwiex possibbli li jinkiseb min-nies imperfetti.
25. Id-diffikultajiet fiż-żwieġ kif għandhom jiġu solvuti bl-imħabba?
25 M’għandniex xi ngħidu, raġel u mara miżżewġin se jkunu jridu jaħdmu biex jevitaw dak li jirrita lil xulxin. Madankollu jistinkaw kemm jistinkaw, kultant se jagħmlu affarijiet li bihom ibaqbqu lil xulxin. Kif, allura, għandhom jiġu ttrattati d-diffikultajiet? Il-parir tal-Bibbja huwa: “L-imħabba tgħatti kotra ta’ dnubiet.” (1 Pietru 4:8) Dan ifisser li mseħbin li juru mħabba ma jibqgħux ifakkru l-iżbalji ta’ xulxin li jkunu għamlu. L-imħabba tgħid, fil-fatt, ‘Iva, int għamilt żball. Imma kultant jien ukoll niżbalja. Mela jien nagħlaq għajnejja għal tiegħek, u int tista’ tagħmel l-istess għal tiegħi.’—Proverbji 10:12; 19:11.
26. Meta tqum xi diffikultà, liema ħaġa se tgħin biex tittranġa l-kwistjoni?
26 Meta koppji jkunu lesti li jammettu l-iżbalji u jipprovaw jikkorreġuhom, ħafna argumenti u wġigħ il-qalb jistgħu jiġu evitati. Il-mira tagħhom għandha tkun li jsolvu l-problemi, mhux li jirbħu l-argumenti. Saħansitra jekk il-parti l-oħra tkun fl-iżball, agħmilha eħfef biex il-problema tiġi solvuta billi tkun qalbek tajba. Jekk għandek ħtija, itlob maħfra bl-umiltà. Tħallihiex għal darb’oħra; ittratta l-problema bla dewmien. “Ħalli x-xemx ma tinżilx bikom fi stat ipprovokat.”—Efesin 4:26.
27. Li jiġi segwit liema parir tal-Bibbja se jgħin lill-miżżewġin isolvu l-problemi tagħhom?
27 Speċjalment jekk int persuna miżżewġa, teħtieġ li ssegwi r-regola li ‘żżomm għajnek, mhux fl-interess persunali fuq l-affarijiet tiegħek biss, imma wkoll fl-interess persunali fuq dawk ta’ l-oħrajn.’ (Filippin 2:4) Jeħtieġ li tobdi l-kmand tal-Bibbja: “Tlibbsu bl-affezzjonijiet teneri ta’ mogħdrija, qalb tajba, umiltà tal-moħħ, ħlewwa, u sabar fit-tul. Komplu ssaportu lil xulxin u aħfru lil xulxin liberament jekk xi ħadd għandu għalxiex jilmenta kontra ieħor. Saħansitra bħalma Jehovah ħafer lilkom liberament, hekk agħmlu intom ukoll. Imma, barra minn dawn l-affarijiet kollha, tlibbsu bl-imħabba, għax hija rabta perfetta t’unjoni.”—Kolossin 3:12-14.
28. (a) Huwa d-divorzju l-mod li bih jiġu solvuti l-problemi fiż-żwieġ? (b) Il-Bibbja liema tgħid li hija l-unika raġuni għal divorzju li jeħles lil dak li jkun biex jerġa’ jiżżewweġ?
28 Illum ħafna koppji ma jħallux il-parir mill-Kelma t’Alla jgħinhom isolvu l-problemi tagħhom, u jfittxu d-divorzju. Japprova Alla d-divorzju bħala mod li bih jiġu solvuti l-problemi? Le, ma japprovax. (Malakija 2:15, 16) Hu ried li ż-żwieġ ikun arranġament sal-mewt. (Rumani 7:2) Il-Bibbja tippermetti raġuni waħda biss għal divorzju li jeħles lil persuna biex terġa’ tiżżewweġ, u dik hija l-fornikazzjoni (Grieg, porneia, immoralità sesswali vulgari). Jekk tiġi mwettqa l-fornikazzjoni, allura l-parti innoċenti tista’ tiddeċiedi jekk tiħux divorzju jew le.—Mattew 5:32.
29. (a) Jekk is-sieħeb jew sieħba tiegħek ma jingħaqadx miegħek fil-qima Kristjana, x’għandek tagħmel? (b) X’riżultat jista’ jkun hemm?
29 Xi ngħidu jekk il-parti l-oħra fiż-żwieġ tiegħek irrifjutat li tistudja l-Kelma t’Alla miegħek, jew saħansitra topponi l-attività Kristjana tiegħek? Il-Bibbja xorta waħda tinkuraġġik biex tibqa’ mal-parti l-oħra u ma tħarisx lejn is-separazzjoni bħala l-mod faċli biex teħles mill-problemi tiegħek. Agħmel dak li personalment tista’ biex ittejjeb is-sitwazzjoni f’darek billi tapplika dak li tgħid il-Bibbja rigward il-kondotta tiegħek stess. Maż-żmien, minħabba l-kondotta Kristjana tiegħek, tista’ tirbaħ is-sieħeb jew sieħba tiegħek. (1 Korintin 7:10-16; 1 Pietru 3:1, 2) U x’barka jkollok jekk il-paċenzja b’imħabba tiegħek tiġi ppremjata b’dan il-mod!
30. Għala huwa daqshekk importanti li l-ġenituri jagħtu eżempju tajjeb lit-tfal tagħhom?
30 Ħafna problemi tal-familja llum jinvolvu t-tfal. X’jista’ jsir jekk dan huwa l-każ fil-familja tiegħek? L-ewwelnett, bħala ġenituri intom tridu tagħtu eżempju tajjeb. Dan huwa għaliex it-tfal huma iktar inklinati lejn li jsegwu dak li tagħmlu intom milli dak li tgħidu. U meta l-azzjonijiet tagħkom ikunu differenti minn kliemkom, iż-żgħar mill-ewwel jindunaw. Mela, jekk trid li t-tfal tiegħek jgħixu ħajjiet Kristjani mill-aħjar, int innifsek trid tagħti l-eżempju.—Rumani 2:21, 22.
31. (a) Liema raġuni iktar importanti għandhom bżonn it-tfal biex jobdu l-parir tal-ġenituri tagħhom? (b) Kif tista’ turi lil ibnek kemm huwa għaqli li wieħed jobdi l-liġi t’Alla li tipprojbixxi l-fornikazzjoni?
31 Ukoll, għandek bżonn tirraġuna mat-tfal. M’huwiex biżżejjed li sempliċement tgħid lit-tfal: ‘Ma rridkomx tikkommettu fornikazzjoni, għax hija żbaljata.’ Iridu jiġu murijin li hu l-Ħallieq tagħhom, Alla Jehovah, li jgħid li affarijiet bħall-fornikazzjoni huma żbaljati. (Efesin 5:3-5; 1 Tessalonkin 4:3-7) Imma saħansitra dan m’huwiex biżżejjed. It-tfal ukoll għandhom bżonn jiġu mgħejjunin jaraw għala għandhom jobdu l-liġijiet t’Alla, u kif dan se jibbenefikahom. Per eżempju, int tista’ tiġbed l-attenzjoni tat-tifel tiegħek lejn il-mod ta’ l-għaġeb li bih tarbija tifforma permezz ta’ l-unjoni ta’ l-isperma ta’ raġel mal-bajda ta’ mara, u tistaqsi: ‘Ma taħsibx int li l-Wieħed li għamel dan il-miraklu tat-twelid possibbli jaf kif l-aħjar il-bnedmin għandhom jużaw il-qawwiet ta’ tnissil tagħhom mogħtijin minn Alla?’ (Salm 139:13-17) Jew tista’ tistaqsi: ‘Taħseb int li l-Ħallieq Grandjuż tagħna se jagħmel liġi biex jisirqilna t-tgawdija fil-ħajja? Minflok, m’għandniex aħna nkunu iżjed henjin jekk nobdu l-liġijiet tiegħu?’
32. (a) X’għandha tkun l-attitudni tiegħek jekk l-opinjonijiet ta’ ibnek ma jkunux jaqblu ma’ dawk t’Alla? (b) It-tifel tiegħek kif jista’ jiġi mgħejjun jara l-għerf ta’ dak li tgħid il-Bibbja?
32 Mistoqsijiet bħal dawn jistgħu jġiegħlu lil ibnek jirraġuna fuq il-liġi t’Alla li tiddetermina l-użu ta’ l-organi riproduttivi. Ilqa’ l-opinjonijiet tiegħu. Jekk ma jkunux kif tixtieqhom int, tirrabjax. Ipprova ifhem li l-ġenerazzjoni tat-tifel tiegħek tbiegħdet ġmielu mit-tagħlim ta’ tjieba tal-Bibbja, u mbagħad ipprova urih għala l-prattiċi mmorali tal-ġenerazzjoni tiegħu m’humiex għaqlin. Forsi tista’ tiġbed l-attenzjoni tiegħu lejn xi eżempji speċifiċi fejn l-immoralità sesswali wasslet għal twelid illeġittimu, mard venerju jew inkwiet ieħor. B’dan il-mod jiġi mgħejjun jara r-raġonevolezza u l-korrettezza ta’ dak li tgħid il-Bibbja.
33. It-tama bbażata fuq il-Bibbja ta’ ħajja ta’ dejjem fil-Ġenna fuq l-art għala tista’ tgħinna nagħmlu suċċess mill-ħajja tal-familja?
33 Speċjalment it-tama bbażata fuq il-Bibbja ta’ ħajja ta’ dejjem fil-Ġenna fuq l-art tista’ tgħinna nagħmlu suċċess mill-ħajja tal-familja. Dan għala? Għaliex jekk aħna verament irridu ngħixu fis-sistema ġdida t’Alla, se nagħmlu l-almu tagħna biex ngħixu issa bħalma nittamaw li ngħixu f’dak iż-żmien. Dan ifisser li nsegwu bir-reqqa l-istruzzjonijiet u l-gwida t’Alla Jehovah. Bħala riżultat, Alla se jsaħħaħ l-hena preżenti tagħna bit-tgawdija ta’ ħajja ta’ dejjem u hena abbundanti matul l-eternità li hemm quddiemna.—Proverbji 3:11-18.