Kapitlu 18
Ġwanni Jnaqqas, Ġesù Jżid
WARA l-Qbiż fir-rebbiegħa tas-sena 30 E.K., Ġesù u d-dixxipli tiegħu jitilqu minn Ġerusalemm. Madankollu, ma jmorrux lura lejn djarhom fil-Galilija imma jmorru fil-kampanja tal-Ġudea, fejn jibdew igħammdu. Ġwanni l-Għammied ilu jagħmel l-istess xogħol għal madwar sena issa, u għad għandu xi dixxipli mseħbin miegħu.
Fil-fatt, Ġesù ma jgħammed lil ħadd hu stess, imma d-dixxipli tiegħu jagħmlu dan taħt id-direzzjoni tiegħu. Il-magħmudija tagħhom għandha l-istess sinjifikat bħal dik imwettqa minn Ġwanni, li turi l-indiema tal-Lhud mid-dnubiet kontra l-patt tal-Liġi t’Alla. Madankollu, wara l-irxoxt tiegħu, Ġesù jgħid lid-dixxipli tiegħu biex jagħmlu magħmudija li għandha sinjifikat differenti. Il-magħmudija Kristjana llum hija simbolu tad-dedikazzjoni li wieħed jagħmel biex jaqdi lil Alla Jehovah.
F’dan il-punt bikri fil-ministeru taʼ Ġesù, madankollu, kemm Ġwanni u kemm Ġesù, għalkemm qed jaħdmu separatament, qegħdin it-tnejn igħallmu u jgħammdu lil dawk li jindmu. Imma d-dixxipli taʼ Ġwanni jibdew igħiru u jilmentaw miegħu rigward Ġesù: “Rabbi, . . . ara, dan qiegħed igħammed u lkoll sejrin għandu.”
Minflok ma jgħir, Ġwanni jifraħ bis-suċċess taʼ Ġesù u jrid ukoll li d-dixxipli tiegħu jifirħu. Hu jfakkarhom: “Intom infuskom tagħtuni xiehda li jien għedt, Jien m’inix il-Kristu, imma, kont mibgħut qabel dak.” Imbagħad juża tixbieha mill-isbaħ: “Dak li għandu l-għarusa hu l-għarus. Madankollu, il-ħabib tal-għarus, meta jieqaf u jisimgħu, ikollu ferħ kbir minħabba leħen il-għarus. Għalhekk dan il-ferħ tiegħi ntgħamel sħiħ.”
Ġwanni, bħala l-ħabib tal-Għarus, kien feraħ xi sitt xhur qabel meta introduċa lid-dixxipli tiegħu maʼ Ġesù. Xi wħud minnhom saru membri prospettivi tal-klassi tal-għarusa taʼ Kristu fis-sema, liema klassi kellha tkun magħmula minn Kristjani midlukin bl-ispirtu. Ġwanni jrid li saħansitra d-dixxipli li għandu issa jsegwu lil Ġesù, ladarba l-għan tiegħu hu li jħejji t-triq biex il-ministeru taʼ Ġesù jkun suċċess. Bħalma jispjega Ġwanni l-Għammied: “Dak irid jibqaʼ jiżdied, imma jien irrid nibqaʼ nonqos.”
Id-dixxiplu ġdid taʼ Ġesù, Ġwanni, li iktar kmieni kien ukoll dixxiplu taʼ Ġwanni l-Għammied, jikteb dwar l-oriġini taʼ Ġesù u r-rwol importanti Tiegħu fis-salvazzjoni tal-bniedem, billi jgħid: “Dak li jiġi mis-sema huwa fuq l-oħrajn kollha. . . . Il-Missier iħobb lill-Iben u ta l-affarijiet kollha f’idu. Dak li jeżerċita fidi fl-Iben għandu l-ħajja taʼ dejjem; dak li ma jobdix lill-Iben mhux se jaraha l-ħajja, imma l-korla t’Alla tibqaʼ fuqu.”
Mhux wisq wara li Ġwanni l-Għammied jiddiskuti t-tnaqqis tal-attività tiegħu stess, hu jiġi arrestat mis-Sultan Erodi. Erodi ħa lil Erodija, mart ħuh Filippu, bħala martu stess, u meta Ġwanni jikxiflu pubblikament l-azzjonijiet tiegħu bħala li m’humiex xierqa, Erodi jixħtu l-ħabs. Meta Ġesù jismaʼ dwar l-arrest taʼ Ġwanni, hu jitlaq mill-Ġudea mad-dixxipli tiegħu lejn il-Galilija. Ġwann 3:22–4:3; Atti 19:4; Mattew 28:19; 2 Korintin 11:2; Mark 1:14; 6:17-20.
▪ X’inhu s-sinjifikat tal-magħmudijiet li saru taħt id-direzzjoni taʼ Ġesù qabel l-irxoxt tiegħu? U wara l-irxoxt tiegħu?
▪ Ġwanni kif juri li l-ilment tad-dixxipli tiegħu mhux f’loku?
▪ Ġwanni għala jinxteħet il-ħabs?