Kapitlu 29
Jagħmel Xogħlijiet Tajbin f’Jum is-Sibt
NINSABU fir-rebbiegħa tas-sena 31 E.K. Għaddew xi ftit xhur minn meta Ġesù tkellem mal-mara ħdejn il-bir fis-Samarija waqt li kien fi triqtu mill-Ġudea għall-Galilija.
Issa, wara li għallem b’mod estensiv fil-Galilija, Ġesù jerġaʼ jerħilha lejn il-Ġudea, fejn jippriedka fis-sinagogi. Meta tqabblu mal-attenzjoni li l-Bibbja tagħti lill-ministeru Galilew tiegħu, hi ftit titkellem dwar l-attività taʼ Ġesù fil-Ġudea matul din iż-żjara u matul ix-xhur li qattaʼ hawn wara l-Qbiż taʼ qabel. Milli jidher il-ministeru tiegħu ma kellux effett favorevoli fil-Ġudea daqs kemm kellu fil-Galilija.
Ma jdumx Ġesù ma jkun fi triqtu lejn il-belt kapitali tal-Ġudea, Ġerusalemm, għall-Qbiż tas-sena 31 E.K. Hawnhekk, qrib Xatbet in-Ngħaġ tal-belt, hawn menqa msejħa Betzata, fejn jiġu ħafna morda, għomja u zopop. Huma jemmnu li n-nies jistgħu jfiqu billi jidħlu fl-ilma tal-menqa meta dan ikun imqalleb.
Ninsabu f’jum is-Sibt, u Ġesù jilmaħ raġel ħdejn il-menqa li ilu marid għal 38 sena. Billi jaf kemm ilu marid dan ir-raġel, Ġesù jistaqsih: “Trid inti tikseb saħħtek?”
Hu jwieġeb lil Ġesù: “Sinjur, jien m’għandix raġel biex ipoġġini ġewwa l-menqa meta l-ilma jiċċafċaf; imma waqt li jien ġej xi ħaddieħor jinżel qabli.”
Ġesù jgħidlu: “Qum, erfaʼ soddtok u imxi.” Minnufih ir-raġel jikseb saħħtu, jerfaʼ soddtu u jibda jimxi!
Imma meta l-Lhud jaraw lir-raġel, huma jgħidu: “Huwa s-Sibt, u m’huwiex legali għalik li ġġorr is-sodda.”
Ir-raġel iweġibhom: “Dak stess li tani saħħti qalli, ‘Erfaʼ soddtok u imxi.’”
“Min hu r-raġel li qallek, ‘Erfagħha u imxi’?” huma jistaqsu. Ġesù kien dar lil hinn minħabba l-folla, u dak li ġie mfejjaq lanqas kien jaf x’jismu Ġesù. Iktar tard, madankollu, Ġesù u r-raġel jiltaqgħu fit-tempju, u r-raġel isir jaf min kien dak li fejqu.
Mela r-raġel imfejjaq isib lil-Lhud biex igħidilhom li Ġesù kien li tah saħħtu. Hekk kif isiru jafu b’dan, il-Lhud imorru għand Ġesù. Għal liema raġuni? Biex isiru jafu b’liema setgħa hu kapaċi jagħmel dawn l-affarijiet tal-għaġeb? Le. Imma biex isibu xi difett fih talli għamel dawn ix-xogħlijiet tajbin f’jum is-Sibt. U saħansitra jibdew jippersegwitawh! Luqa 4:44; Ġwann 5:1-16.
▪ Xi kemm ilu mindu Ġesù żar il-Ġudea?
▪ Il-menqa bl-isem taʼ Betzata għala hi tant popolari?
▪ Liema miraklu jwettaq Ġesù ħdejn il-menqa, u x’inhi r-reazzjoni tal-Lhud?