“Mur Inħasel fil-Menqa taʼ Silwam”
WARA li kkura raġel agħma b’tajn artab, Ġesù qallu: “Mur inħasel fil-menqa taʼ Silwam.” Ir-raġel għamel hekk u “ġie lura jara.” (Ġwanni 9:6, 7) Fejn kienet il-Menqa taʼ Silwam? Skoperta arkeoloġika li saret dan l-aħħar titfaʼ dawl ġdid dwar fejn kienet tinsab.
Ħafna turisti żaru post f’Ġerusalemm magħruf bħala l-Menqa taʼ Silwam għax emmnu li kienet proprju l-menqa msemmija fi Ġwanni 9:7. Il-post jinsab f’tarf il-mina taʼ Ħeżekija—mina taʼ l-ilma twila xi 530 metru li nbniet fit-tmien seklu Q.E.K. Però, din il-menqa saret fir-rabaʼ seklu E.K. Inbniet minn “Kristjani” Biżantini li b’mod żbaljat assumew li l-menqa msemmija fl-Evanġelju taʼ Ġwanni kienet tinsab f’tarf din il-mina.
Madankollu, fl-2004, xi arkeoloġi sabu dik li huma kkonkludew li kienet il-Menqa taʼ Silwam kif kienet teżisti meta Ġesù kien fuq l-art. Din tinsab madwar 100 metru mix-xlokk tal-post fejn b’mod żbaljat kienu ħasbu li kienet il-Menqa taʼ Silwam. Kif sabuha? L-awtoritajiet tal-belt kellhom bżonn isewwu katusa tad-dranaġġ f’dawn l-inħawi, għalhekk, bagħtu xi ħaddiema b’tagħmir kbir. Arkeologu li kien qed jaħdem fil-viċin rahom iħaffru u ra żewġ tarġiet ifiġġu. Ix-xogħol twaqqaf, u l-Israeli Antiquities Authority (Awtorità taʼ l-Antikitajiet Iżraeljani) tat permess biex jiġi skavat il-post. Naħa waħda tal-menqa, li hi twila madwar 70 metru, u żewġ irkejjen diġà ġew skavati.
Xi muniti li nstabu waqt it-tħaffir kienu jintużaw fit-tieni, it-tielet, u r-rabaʼ sena taʼ l-irvell Lhudi kontra Ruma. Dan l-irvell seħħ bejn is-sena 66 u s-sena 70 E.K. Il-muniti jagħtu evidenza li l-menqa baqgħet tintuża sas-sena 70 E.K. meta Ġerusalemm inqerdet mir-Rumani. Il-ġurnal Biblical Archaeology Review jikkonkludi: “Għalhekk, il-menqa baqgħet tintuża sa tmiem l-irvell, u mbagħad ġiet abbandunata. Dawn l-inħawi, li jinsabu fl-iktar post baxx f’Ġerusalemm kollu, ma reġgħux ġew abitati sal-perijodu Biżantin. Kull sena x-xita tax-xitwa li kienet tinżel mill-wied kienet titfaʼ saff ieħor taʼ tajn fil-menqa. U wara li r-Rumani qerdu l-belt, il-menqa ma tnaddfitx iktar. Tul is-sekli, inġemaʼ saff oħxon taʼ tajn u bil-mod il-mod il-menqa għabet. L-arkeoloġi sabuha taħt kważi 3 metri tajn f’ċerti postijiet.”
L-istudenti sinċieri tal-Bibbja għala huma interessati fil-post fejn kien hemm il-Menqa taʼ Silwam? Għaliex dan jgħinhom jiksbu fehma aħjar tal-ġeografija taʼ Ġerusalemm taʼ l-ewwel seklu, spiss imsemmija fir-rakkonti taʼ l-Evanġelji dwar il-ħajja u l-ministeru taʼ Ġesù.
[Stampa f’paġna 7]
Il-Menqa taʼ Silwam li għadha kif instabet
[Sors]
© 2003 BiblePlaces.com