Kapitlu 30
Iwieġeb lil Dawk li Akkużawh
META l-mexxejja reliġjużi Lhud jakkużaw lil Ġesù li kiser is-Sibt, hu jwieġeb: “Missieri baqaʼ jaħdem s’issa, u jien nibqaʼ naħdem.”
Għalkemm il-Fariżej sostnew hekk, ix-xogħol taʼ Ġesù ma kienx minn dak it-tip ipprojbit bil-liġi tas-Sibt. Ix-xogħol tiegħu taʼ li jippriedka u jfejjaq kien ħatra mogħtija minn Alla, u biex jimita l-eżempju t’Alla, hu jibqaʼ jagħmel dan kuljum. Madankollu, it-tweġiba tiegħu ġġiegħel lil-Lhud jirrabjaw ferm iktar minn qabel, u jibdew ifittxu biex joqtluh. Għala?
Huwa għaliex issa mhux biss jemmnu li Ġesù qed jikser is-Sibt imma huma jqisu l-istqarrija tiegħu taʼ li hu l-Iben persunali t’Alla bħala dawgħa. Madankollu, Ġesù mhux beżgħan u jkompli jweġibhom rigward ir-relazzjoni ffavorita tiegħu maʼ Alla. “Il-Missier għandu ġibda lejn l-Iben,” huwa jgħid, “u jurih l-affarijiet kollha li hu nnifsu jagħmel.”
“Sewwa sew bħalma l-Missier iqajjem lill-mejtin,” jissokta Ġesù, “hekk ukoll l-Iben jagħmel ħajjin lil dawk li jrid.” Tabilħaqq, l-Iben diġà qed iqajjem lill-mejtin b’mod spiritwali! “Min jismaʼ kelmti u jemmen fih li bagħatni,” jgħid Ġesù, “għadda mill-mewt għall-ħajja.” Iva, hu jkompli: “Ġejja s-siegħa, u hija issa, meta l-mejtin se jisimgħu leħen l-Iben t’Alla u dawk li taw kas se jgħixu.”
Għalkemm m’hemm ebda rakkont li Ġesù s’issa qajjem lil xi ħadd litteralment mill-mewt, huwa jgħid lil dawk li akkużawh li rxoxt litterali bħal dan tal-mejtin se jseħħ. “Tistagħġbux b’dan,” huwa jgħid, “għaliex ġejja s-siegħa li fiha dawk kollha fl-oqbra tal-mafkar se jisimgħu leħnu u joħorġu.”
Sa dan iż-żmien, Ġesù għadu qatt milli jidher ma ddeskriva pubblikament is-sehem vitali tiegħu fil-għan t’Alla b’mod daqshekk distint u definit. Imma dawk li akkuażaw lil Ġesù għandhom iktar mix-xiehda tiegħu stess dwar dawn l-affarijiet. “Intom bgħattu xi rġiel għand Ġwanni,” jfakkarhom Ġesù, “u hu ta xiehda għall-verità.”
Sentejn biss qabel, Ġwanni l-Għammied qal lil dawk il-mexxejja reliġjużi Lhud dwar Dak li kien ġej warajh. Billi jfakkarhom fl-istima kbira li darba kellhom lejn Ġwanni li issa kien il-ħabs, Ġesù jgħid: “Intom għal żmien qasir kontu lesti li tifirħu bil-kbir fid-dawl tiegħu.” Ġesù jfakkarhom f’dan bit-tama li jgħinhom, iva, li jsalvahom. Iżda hu ma jiddependix fuq ix-xiehda taʼ Ġwanni.
“Ix-xogħlijiet infushom li qiegħed nagħmel [inkluż il-miraklu li għadu kif għamel] jagħtu xiehda dwari li l-Missier bagħatni.” Imma minn barra dan, Ġesù jkompli: “Il-Missier li bagħatni hu nnifsu ta xiehda dwari.” Alla ta xiehda dwar Ġesù, per eżempju, fil-magħmudija tiegħu, billi qal: “Dan hu Ibni, l-maħbub.”
Tabilħaqq, dawk li jakkużaw lil Ġesù ma għandhom l-ebda skuża biex jiċħduh. L-istess Kotba Mqaddsa li huma jgħidu li qed ifittxu fihom jixhdu dwaru! “Kieku emmintu lil Mosè kontu temmnu lili,” ikkonkluda Ġesù, “għax dak kiteb dwari. Imma jekk ma temmnux il-kitbiet taʼ dak, kif se temmnu l-qwiel tiegħi?” Ġwann 5:17-47; 1:19-27; Mattew 3:17.
▪ Ix-xogħol taʼ Ġesù għala mhux ksur tas-Sibt?
▪ Ġesù kif jiddeskrivi s-sehem vitali tiegħu fil-għan t’Alla?
▪ Biex jagħti prova li hu l-Iben t’Alla, lejn ix-xiehda taʼ min jipponta Ġesù?