LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w05 1/15 pp. 10-15
  • Kristu—Iċ-Ċentru tal-Profezija

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Kristu—Iċ-Ċentru tal-Profezija
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2005
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Ġesù Nnifsu Jagħti l-​Evidenza
  • Imsaħħin b’Viżjoni Profetika
  • Iżjed Tidwil għal-​Leali t’Alla
  • Salvati fi Żmien Mudlam u taʼ Tribulazzjoni
  • Min Hu Ġesù Kristu?
    Il-Bibbja X’Tgħallem Verament?
  • Min hu Ġesù Kristu?
    X’nistgħu nitgħallmu mill-Bibbja?
  • Meta Ġesù Jiġi Fil-Glorja tas-Saltna
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1997
  • Ġesù Kristu—Iċ-Ċavetta għall-Għarfien Dwar Alla
    Għarfien Li Jwassal Għall-Ħajja Taʼ Dejjem
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2005
w05 1/15 pp. 10-15

Kristu​—Iċ-​Ċentru tal-​Profezija

“L-​għoti taʼ xiehda dwar Ġesù hu li jnebbaħ l-​ipprofetizzar.”​—RIVELAZZJONI 19:10.

1, 2. (a) Liema deċiżjoni riedu jieħdu l-​Iżraelin mis-​sena 29 E.K. ’l quddiem? (b) X’se jiġi kunsidrat f’dan l-​artiklu?

HIJA s-​sena 29 E.K. F’Iżrael, kulħadd huwa eċċitat jitkellem dwar il-​Messija mwiegħed. Il-​ministeru taʼ Ġwanni lGħammied kompla żied l-​antiċipazzjoni. (Luqa 3:​15) Ġwanni jiċħad li hu l-​Kristu. Minflok, hu jipponta lejn Ġesù taʼ Nazaret u jgħid: “Jien . . . xhedt li dan hu l-​Iben t’Alla.” (Ġwanni 1:​20, 34) F’qasir żmien, il-​folol jibdew imorru wara Ġesù biex jisimgħuh jgħallem u jiġu mfejqin minnu.

2 Hekk kif jibdew igerbu x-​xhur, Ġeħova jipprovdi evidenza bl-​abbundanza dwar Ibnu. Dawk li studjaw l-​Iskrittura u qed jaraw l-​għemejjel taʼ Ġesù għandhom raġuni soda biex ipoġġu l-​fidi tagħhom fih. Madankollu, il-​biċċa l-​kbira mill-​poplu li kien f’patt m’Alla juri nuqqas taʼ fidi. Ftit biss jagħrfu li Ġesù huwa l-​Kristu, l-​Iben t’Alla. (Ġwanni 6:​60-​69) X’kont tagħmel int kieku kont tgħix f’dak iż-​żmien? Kont titqanqal biex taċċetta lil Ġesù bħala l-​Messija u ssir segwaċi leali tiegħu? Ikkunsidra l-​evidenza li Ġesù nnifsu jagħti dwar l-​identità tiegħu meta jiġi akkużat li kiser is-​Sabat, u innota xi provi li jagħti iktar tard sabiex isaħħaħ il-​fidi tad-​dixxipli leali tiegħu.

Ġesù Nnifsu Jagħti l-​Evidenza

3. Liema ċirkustanzi ġagħlu lil Ġesù jagħti evidenza dwar l-​identità tiegħu?

3 Huwa żmien il-​Qbiż fis-​sena 31 E.K. Ġesù jinsab f’Ġerusalemm u għadu kif fejjaq raġel li kien ilu marid 38 sena. Iżda l-​Lhud jippersegwitaw lil Ġesù minħabba li għamel dan fis-​Sabat. Huma jakkużawh ukoll li qed jidgħi u jfittxu opportunità biex joqtluh talli jgħid li Alla hu Missieru. (Ġwanni 5:​1-9, 16-​18) Sabiex jiddefendi lilu nnifsu, Ġesù jippreżenta tliet raġunijiet qawwijin li kellhom jikkonvinċu lil kwalunkwe Lhudi taʼ qalb onesta mill-​identità vera tiegħu.

4, 5. X’kien l-​iskop tal-​ministeru taʼ Ġwanni, u wettqu hu b’mod effettiv?

4 L-​ewwel, Ġesù jiġbed l-​attenzjoni lejn ix-​xiehda li ngħatat minn dak li ġie qablu, Ġwanni l-​Għammied, u jgħid: “Intom bgħattu xi rġiel għand Ġwanni, u dan xehed għall-​verità. Dak ir-​raġel kien musbieħ jixgħel u jiddi, u għal żmien qasir kontu lesti li tifirħu bil-​kbir fid-​dawl tiegħu.”​—Ġwanni 5:​33, 35.

5 Ġwanni l-​Għammied kien “musbieħ jixgħel u jiddi” fis-​sens li qabel ma Erodi tefgħu l-​ħabs inġustament, hu kien wettaq l-​inkarigu li tah Alla biex iħejji t-​triq għall-​Messija. Ġwanni qal: “Għalhekk ġejt ngħammed fl-​ilma, sabiex [il-Messija] jintwera lil Iżrael. . . . Jien rajt l-​ispirtu nieżel bħal ħamiema mis-​sema u jibqaʼ fuqu. Lanqas jien ma kont nafu, imma Dak li bagħatni ngħammed fl-​ilma qalli, ‘Fuq min tara l-​ispirtu nieżel u jibqaʼ, dan hu li jgħammed bl-​ispirtu qaddis.’ U jien rajtu dan, u xhedt li dan hu l-​Iben t’Alla.”a (Ġwanni 1:​26-​37) Ġwanni identifika speċifikament lil Ġesù bħala l-​Iben t’Alla​—il-​Messija mwiegħed. Ix-​xiehda taʼ Ġwanni tant kienet ċara li madwar tmien xhur wara li miet, ħafna Lhud taʼ qalb onesta stqarrew: “Kulma qal Ġwanni dwar dan ir-​raġel kollu kien veru.”​—Ġwanni 10:​41, 42.

6. L-​għemejjel taʼ Ġesù għala kellhom jikkonvinċu lin-​nies li hu kellu l-​appoġġ t’Alla?

6 Imbagħad, Ġesù juża rraġunar ieħor biex jikkonferma l-​kredenzjali tiegħu bħala l-​Messija. Hu jiġbed l-​attenzjoni lejn l-​għemejjel tajbin tiegħu bħala evidenza li hu għandu l-​appoġġ t’Alla. Hu jgħid: “Jien għandi x-​xiehda li hi akbar minn dik taʼ Ġwanni, għax l-​għemejjel li tani Missieri biex inwettaq, dawn l-​istess għemejjel li qed nagħmel, jixhdu dwari li kien il-​Missier li bagħatni.” (Ġwanni 5:​36) Lanqas l-​għedewwa taʼ Ġesù ma jistgħu jinjoraw din l-​evidenza li kienet tinkludi għadd taʼ mirakli. “X’se nagħmlu, għax dan ir-​raġel qed iwettaq ħafna sinjali?” jibdew jistaqsu xi wħud iktar tard. (Ġwanni 11:47) Madankollu, ikun hemm min jirreaġixxi b’mod favorevoli u jgħid: “Meta jasal il-​Kristu mhux se jwettaq iktar sinjali milli wettaq dan ir-​raġel, hux hekk?” (Ġwanni 7:​31) Is-​semmiegħa taʼ Ġesù kienu f’sitwazzjoni mill-​aqwa biex jaraw fl-​Iben il-​kwalitajiet tal-​Missier.​—Ġwanni 14:9.

7. L-​Iskrittura Ebrajka kif tixhed dwar Ġesù?

7 Fl-​aħħar, Ġesù jiġbed l-​attenzjoni lejn xiehda li ħadd ma jistaʼ jmeriha. “L-​Iskrittura . . . stess tixhed dwari,” jgħid hu, u mbagħad ikompli: “Kieku emmintu lil Mosè kontu temmnu lili, għax hu kiteb dwari.” (Ġwanni 5:​39, 46) M’għandniex xi ngħidu, Mosè kien biss wieħed mill-​ħafna xhieda taʼ qabel il-​Kristjanità li kitbu dwar il-​Kristu. Il-​kitbiet tagħhom jinkludu mijiet taʼ profeziji u ġenealoġiji dettaljati li lkoll jippontaw lejn il-​Messija. (Luqa 3:​23-​38; 24:​44-​46; Atti 10:43) U xi ngħidu dwar il-​Liġi Mosajka? “Il-​Liġi kienet tmexxina qisna tfal lejn Kristu,” kiteb l-​appostlu Pawlu. (Galatin 3:​24) Iva, “l-​għoti taʼ xiehda dwar Ġesù hu li jnebbaħ [jew, hu l-​intenzjoni, il-​ħsieb, u l-​iskop kollu taʼ] l-​ipprofetizzar.”—Rivelazzjoni 19:10.

8. Ħafna Lhud għala ma poġġewx il-​fidi tagħhom fil-​Messija?

8 Ma kinitx din l-​evidenza kollha​—ix-​xiehda ċara taʼ Ġwanni, l-​għemejjel setgħana u l-​kwalitajiet divini taʼ Ġesù nnifsu, u t-​testimonjanza vasta taʼ l-​Iskrittura​—tikkonvinċik li Ġesù kien il-​Messija? Kulmin kellu mħabba ġenwina għal Alla u l-​Kelma tiegħu setaʼ jifhem dan mill-​ewwel u jeżerċita l-​fidi tiegħu f’Ġesù bħala l-​Messija mwiegħed. Iżda f’Iżrael kien hemm nuqqas kbir taʼ mħabba bħal din. Ġesù qal lill-​opponenti tiegħu: “Naf tajjeb li m’għandkomx l-​imħabba t’Alla fikom.” (Ġwanni 5:​42) Minflok ‘ma jfittxu l-​glorja mingħand l-​uniku Alla,’ huma kienu qed ‘jaċċettaw glorja mingħand xulxin.’ Mhux taʼ b’xejn li ma kinux jistgħu jaqblu maʼ Ġesù li, bħal Missieru, jistmerr ħsibijiet bħal dawn!​—Ġwanni 5:​43, 44; Atti 12:​21-​23.

Imsaħħin b’Viżjoni Profetika

9, 10. (a) Għala kien f’waqtu ż-​żmien meta ddixxipli taʼ Ġesù ngħataw sinjal? (b) Ġesù liema wegħda straordinarja għamel lid-​dixxipli tiegħu?

9 Għaddiet iktar minn sena mindu Ġesù ta l-​prova li għadna kemm semmejna li hu l-​Messija. Il-​Qbiż tas-​sena 32 E.K. ġie u għadda. Ħafna li kienu emmnu m’għadhomx jimxu warajh, forsi minħabba l-​persekuzzjoni, il-​materjaliżmu, jew l-​ansjetajiet tal-​ħajja. Oħrajn għandhom mnejn huma mħawdin jew diżappuntati għax Ġesù ma laqax l-​isforzi tan-​nies biex jagħmluh sultan. Meta ġie sfidat mill-​mexxejja reliġjużi Lhud, hu rrifjuta li jwettaq xi sinjal mis-​sema li bih kien jigglorifika lilu nnifsu. (Mattew 12:​38, 39) Xi wħud setgħu tħawdu minħabba li rrifjuta li jagħmel dan. Iżjed minn hekk, Ġesù beda jirrivela lid-​dixxipli tiegħu xi ħaġa li kienu qed isibu diffiċli ħafna biex jifhmuha​—“kellu jmur Ġerusalemm u jsofri ħafna mix-​xjuħ u l-​qassisin ewlenin u l-​iskribi, u . . . kellu jiġi maqtul.”​—Mattew 16:​21-​23.

10 Fi żmien disaʼ jew għaxar xhur, kien se jasal iż-​żmien għal Ġesù “biex imur minn din id-​dinja għal għand Missieru.” (Ġwanni 13:1) Billi huwa konċernat ferm dwar id-​dixxipli leali tiegħu, Ġesù jwiegħed lil xi wħud minnhom eżattament dak li rrifjuta li jagħti lil-​Lhud bla fidi​—sinjal mis-​sema. “Tassew ngħidilkom,” jgħid Ġesù, “li xi wħud minn dawk li qegħdin hawnhekk żgur ma jduqux il-​mewt qabel ma jaraw lil Bin il-​bniedem ġej fis-​saltna tiegħu.” (Mattew 16:28) Ovvjament, Ġesù mhux qed jgħid li ċerti wħud mid-​dixxipli tiegħu kienu se jibqgħu ħajjin sakemm tiġi stabbilita s-​Saltna Messjanika fl-​1914. Ġesù għandu f’moħħu li jagħti lil tlieta mid-​dixxipli li huma l-​iktar qrib tiegħu dehra spettakolari bil-​quddiem tal-​glorja li se jkollu meta jkun is-​Sultan tas-​Saltna. Din il-​viżjoni tissejjaħ it-​trasfigurazzjoni.

11. Iddeskrivi l-​viżjoni tat-​trasfigurazzjoni.

11 Sitt ijiem wara, Ġesù jieħu lil Pietru, lil Ġakbu, u lil Ġwanni fuq muntanja għolja​—x’aktarx fuq waħda mill-​qċaċet tal-​Muntanja Ħermon. Hemmhekk, Ġesù “tbiddel quddiemhom, u wiċċu idda bħax-​xemx, u ħwejġu bdew jixegħlu bħad-​dawl.” Jidhru wkoll il-​profeti Mosè u Elija jitkellmu maʼ Ġesù. Din il-​ġrajja taʼ l-​għaġeb x’aktarx li sseħħ bil-​lejl, u dan jagħmilha iktar ħajja u qawwija. Fil-​fatt, tant kienet reali li Pietru joffri li jtellaʼ tliet tined​—waħda għal Ġesù, waħda għal Mosè, u waħda għal Elija. Waqt li Pietru għadu jitkellem, tgħattihom sħaba tiddi u leħen minn ġos-​sħaba jgħid: “Dan hu Ibni, il-​maħbub, li lilu jien approvajt; isimgħu minnu.”​—Mattew 17:​1-6.

12, 13. Liema effett kellha l-​viżjoni tat-​trasfigurazzjoni fuq id-​dixxipli taʼ Ġesù, u għala?

12 Veru, Pietru dan l-​aħħar kien xehed li Ġesù hu “l-​Kristu, Bin Alla l-​ħaj.” (Mattew 16:16) Imma immaġinak tismaʼ x-​xiehda t’Alla nnifsu li tikkonferma l-​identità u l-​irwol taʼ Ibnu l-​midluk! Kemm saħħitilhom il-​fidi din il-​viżjoni tat-​trasfigurazzjoni lil Pietru, ’il Ġakbu, u ’l Ġwanni! Issa li l-​fidi tagħhom kienet tqawwiet hekk bil-​kbir, huma jinsabu mħejjijin aħjar għal dak li hemm jistenniehom u għas-​sehem importanti li se jkollhom fil-​kongregazzjoni futura.

13 It-​trasfigurazzjoni tħalli impressjoni fit-​tul fuq id-​dixxipli. Iktar minn 30 sena wara, Pietru kiteb: “[Ġesù] rċieva mingħand Alla l-​Missier unur u glorja meta, permezz tal-​glorja maestuża, intqallu dan il-​kliem: ‘Dan hu ibni, il-​maħbub, li lilu jien approvajt.’ Iva, dan il-​kliem smajnieh ġej mis-​sema waqt li konna miegħu fuq il-​muntanja qaddisa.” (2 Pietru 1:​17, 18) Ġwanni hu mqanqal mill-​ġrajja bl-​istess mod. Iktar minn 60 sena wara li seħħet, hu milli jidher jirreferi għaliha bil-​kliem: “Aħna rajna l-​glorja tiegħu, glorja bħal dik taʼ iben uniġenitu mingħand missieru.” (Ġwanni 1:​14) Madankollu, it-​trasfigurazzjoni ma kinitx se tkun l-​aħħar viżjoni li tingħata lis-​segwaċi taʼ Ġesù.

Iżjed Tidwil għal-​Leali t’Alla

14, 15. L-​appostlu Ġwanni b’liema mod kellu jibqaʼ sakemm jiġi Ġesù?

14 Wara l-​irxoxt tiegħu, Ġesù jidher lid-​dixxipli tiegħu ħdejn il-​Baħar tal-​Galilija. Hemmhekk jgħid lil Pietru: “Jekk irridu [lil Ġwanni] jibqaʼ sakemm niġi jien, int x’jinteressak?” (Ġwanni 21:​1, 20-​22, 24) Jindika dan il-​kliem li l-​appostlu Ġwanni kien se jgħix iktar mill-​appostli l-​oħra? Mid-​dehra iva, għax hu jibqaʼ jaqdi lil Ġeħova fedelment għal kważi 70 sena oħra. Madankollu, l-​istqarrija taʼ Ġesù kienet tfisser ferm iktar minn hekk.

15 L-​espressjoni “sakemm niġi jien” tfakkarna meta Ġesù qal “Bin il-​bniedem ġej fis-​saltna tiegħu.” (Mattew 16:28) Ġwanni jibqaʼ sakemm jiġi Ġesù fis-​sens li iktar tard Ġwanni jingħata viżjoni profetika tal-​miġja taʼ Ġesù bil-​qawwa tas-​Saltna. Lejn it-​tmiem taʼ ħajtu, waqt li kien eżiljat fuq il-​gżira taʼ Patmos, Ġwanni jirċievi r-​Rivelazzjoni bis-​sinjali profetiċi taʼ l-​għaġeb kollha tal-​ġrajjiet li għandhom iseħħu “f’jum il-​Mulej.” Dawn il-​viżjonijiet spettakolari tant iqanqluh lil Ġwanni li meta Ġesù jgħid: “Iva; jien ġej malajr,” Ġwanni jesklama: “Amen! Ejja, Mulej Ġesù.”​—Rivelazzjoni 1:​1, 10; 22:20.

16. Għala hu importanti li nkomplu nsaħħu l-​fidi tagħna?

16 In-​nies taʼ qalb onesta fl-​ewwel seklu jaċċettaw lil Ġesù bħala l-​Messija u jpoġġu l-​fidi tagħhom fih. Minħabba n-​nuqqas taʼ fidi tal-​maġġuranza tan-​nies, ix-​xogħol li jridu jagħmlu, u l-​provi li għandhom quddiemhom, dawk li jsiru jemmnu jeħtieġ li jiġu msaħħin. Ġesù ta biżżejjed provi li hu kien il-​Messija u pprovda wkoll viżjonijiet profetiċi istruttivi biex jinkuraġġixxi lis-​segwaċi leali tiegħu. Illum, aħna dħalna sew “f’jum il-​Mulej.” Fi żmien qasir, Kristu se jeqred is-​sistema mill-​agħar kollha taʼ Satana u jeħles lin-​nies t’Alla. Aħna wkoll irridu nsaħħu l-​fidi tagħna billi nieħdu vantaġġ sħiħ mill-​provvedimenti kollha li Ġeħova jagħtina għall-​ġid spiritwali tagħna.

Salvati fi Żmien Mudlam u taʼ Tribulazzjoni

17, 18. Liema kuntrast qawwi eżista fl-​ewwel seklu bejn is-​segwaċi taʼ Ġesù u dawk li opponew l-​iskop t’Alla, u xi ġralu kull grupp?

17 Wara l-​mewt taʼ Ġesù, id-​dixxipli b’kuraġġ jobdu l-​kmand tiegħu biex jixhdu dwaru “f’Ġerusalemm u fil-​Lhudija kollha u fis-​Samarija u sa l-​iktar parti mbiegħda taʼ l-​art.” (Atti 1:8) Minkejja d-​diversi perijodi taʼ persekuzzjoni qalila, Ġeħova jbierek ’il-kongregazzjoni Kristjana li għadha kemm ifformat b’tidwil spiritwali u b’ħafna dixxipli ġodda.​—Atti 2:​47; 4:​1-​31; 8:​1-8.

18 Mill-​banda l-​oħra, il-​prospetti taʼ dawk li jopponu l-​aħbar tajba jkomplu sejrin għall-​agħar. “Triq il-​ħżiena bħal dalma kbira,” jistqarr Proverbji 4:​19. “Lanqas biss jilmħu dak li jġegħelhom jaqgħu.” Id-​“dalma kbira” tkompli tiżdied fis-​sena 66 E.K. meta l-​armati Rumani jassedjaw lil Ġerusalemm. Wara li jirtiraw għal perijodu qasir mingħajr ebda raġuni ovvja, ir-​Rumani jerġgħu lura fis-​sena 70 E.K. u din id-​darba jħarbtu l-​belt. Skond il-​kittieb Lhudi taʼ l-​istorja Ġużeppi Flavju, imutu iktar minn miljun Lhudi. Iżda l-​Kristjani leali jirnexxilhom jeħilsuha. Għala? Għax meta r-​Rumani jirtiraw wara l-​ewwel assedju, huma jobdu l-​kmand taʼ Ġesù biex jaħarbu.​—Luqa 21:​20-​22.

19, 20. (a) In-nies t’Alla għala m’għandhomx għalfejn jibżgħu hekk kif din is-​sistema toqrob lejn tmiemha? (b) Ġeħova liema dehen straordinarju tahom lin-​nies tiegħu għexur taʼ snin qabel l-​1914?

19 Is-​sitwazzjoni tagħna hija simili. It-​tribulazzjoni kbira li ġejja dalwaqt se tkun tfisser it-​tmiem tas-​sistema mill-​agħar kollha taʼ Satana. Imma n-​nies t’Alla m’għandhomx għalfejn jibżgħu, għax Ġesù wiegħed: “Ara, jien magħkom il-​jiem kollha sa tmiem is-​sistema.” (Mattew 28:20) Sabiex jibni l-​fidi tad-​dixxipli tiegħu tal-​bidu u jippreparahom għal dak li kien ġej għalihom, Ġesù tahom dehra bil-​quddiem tal-​glorja tiegħu tas-​sema bħala s-​Sultan Messjaniku. Xi ngħidu għal-​lum? Fl-​1914 dik id-​dehra saret realtà. U kemm uriet li hi realtà li ssaħħaħ il-​fidi għan-​nies t’Alla! Din toffri wegħda taʼ futur meraviljuż, u l-​qaddejja taʼ Ġeħova ngħataw dehen progressiv rigward din is-​Saltna Messjanika. F’din id-​dinja taʼ llum, li tkompli sejra mill-​ħażin għall-​agħar, “triq it-​tajbin bħal dawl iż-​żerniq, li jżid jitqawwa sal-​milja tal-​jum.”​—Proverbji 4:​18.

20 Saħansitra qabel l-​1914, grupp żgħir taʼ Kristjani midlukin bdew jifhmu veritajiet importanti dwar ir-​ritorn tal-​Mulej. Per eżempju, huma għarfu li din kienet se tkun inviżibbli, bħalma taw x’jifhmu ż-​żewġ anġli li dehru lid-​dixxipli fis-​sena 33 E.K. waqt li Ġesù kien tielaʼ s-​sema. Wara li ġiet sħaba u ħadet lil Ġesù minn quddiem għajnejn id-​dixxipli, l-​anġli qalu: “Dan Ġesù li ttieħed mingħandkom fis-​sema hekk għad jiġi, bl-​istess mod bħalma rajtuh sejjer fis-​sema.”​—Atti 1:​9-​11.

21. X’se jiġi diskuss fl-​artiklu li jmiss?

21 Kienu biss is-​segwaċi leali taʼ Ġesù li raw it-​tluq tiegħu. Bħal fil-​każ tat-​trasfigurazzjoni, ma kien hemm ebda spettaklu pubbliku; id-​dinja in ġenerali lanqas biss kienet taf x’ġara. L-​istess kellu jiġri meta Kristu jirritorna bil-​qawwa tas-​Saltna. (Ġwanni 14:19) Id-​dixxipli midlukin u leali biss kellhom jagħrfu li hu kien preżenti bħala Sultan. Fl-​artiklu li jmiss se naraw kif dak id-​dehen kien se jkollu effett profond fuqhom, bir-​riżultat li jinġabru miljuni li kellhom ikunu s-​sudditi taʼ Ġesù fuq l-​art.​—Rivelazzjoni 7:​9, 14.

[Nota taʼ taħt]

a Milli jidher, waqt il-​magħmudija taʼ Ġesù, Ġwanni biss semaʼ l-​leħen t’Alla. Il-​Lhud li kien qed ikellem Ġesù ‘la qatt semgħu leħen [Alla] u lanqas raw is-​sura tiegħu.’​—Ġwanni 5:​37.

Tiftakar Int?

• Meta Ġesù ġie akkużat li kiser is-​Sabat u li dagħa, liema evidenza ta biex juri li hu kien il-​Messija?

• L-ewwel dixxipli taʼ Ġesù kif ibbenefikaw mit-​trasfigurazzjoni?

• X’ried ifisser Ġesù meta qal li Ġwanni kellu jibqaʼ sakemm jiġi hu?

• Fl-1914, liema dehra bil-​quddiem saret realtà?

[Stampi f’paġna 10]

Ġesù ġibed l-​attenzjoni lejn il-​kredenzjali tiegħu bħala l-​Messija

[Stampa f’paġna 12]

Il-​viżjoni tat-​trasfigurazzjoni saħħet il-​fidi

[Stampa f’paġna 13]

Ġwanni kellu jibqaʼ sakemm ‘jiġi’ Ġesù

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja