Kapitlu 91
Meta Lażżru Jiġi Rxoxtat
ĠESÙ, flimkien maʼ dawk li qed jakkumpanjawh, issa jasal ħdejn il-qabar tal-mafkar taʼ Lażżru. Fil-fatt, huwa għar b’ġebla mpoġġija fid-daħla. “Neħħu l-ġebla,” igħid Ġesù.
Marta toġġezzjona, billi għadha ma tifhimx x’bi ħsiebu jagħmel Ġesù. “Mulej,” tgħid hi, “s’issa niten, għax ilu erbat ijiem.”
Imma Ġesù jistaqsi: “Ma għedtlekx illi li kieku temmen kieku tara l-glorja t’Alla?”
Mela l-ġebla titneħħa min-nofs. Imbagħad Ġesù jgħolli għajnejh ’il fuq u jitlob: “Missier, nirringrazzjak li smajtni. Veru, kont naf li int dejjem tismagħni; imma minħabba fil-folla li hawn madwari tkellimt, sabiex huma jistgħu jemmnu li int bgħattni.” Ġesù jitlob pubblikament sabiex in-nies ikunu jafu li dak li se jagħmel issa se jiġi mwettaq bil-qawwa li tah Alla. Imbagħad hu jgħajjat b’leħen għoli: “Lażżru, oħroġ!”
Minnufih, Lażżru joħroġ. Idejh u saqajh għadhom marbutin bit-tkeffin tad-difna, u wiċċu huwa mgħotti b’ċarruta. “Ħolluh u ħalluh imur,” igħid Ġesù.
Malli jaraw il-miraklu, ħafna mil-Lhud li kienu ġew biex ifarrġu lil Marija u lil Marta jpoġġu fidi f’Ġesù. Oħrajn, madankollu, imorru ’l hemm biex igħidu lill-Fariżej x’ġara. Huma u l-qassisin ewlenin immedjatament jirranġaw għal laqgħa tal-qorti għolja tal-Lhud, is-Sinedriju.
Is-Sinedriju jinkludi lill-qassis il-kbir t’issa, Qajfa, kif ukoll lil Fariżej u Sadduċej, qassisin ewlenin, u qassisin il-kbar taʼ qabel. Dawn jilmentaw: “X’se nagħmlu, għaliex dan ir-raġel iwettaq ħafna sinjali? Jekk inħalluh waħdu b’dan il-mod, huma kollha se jpoġġu fidi fih, u r-Rumani se jiġu u jeħdulna kemm lil postna u kemm lil ġensna.”
Għalkemm il-mexxejja reliġjużi jammettu li Ġesù “iwettaq ħafna sinjali,” l-unika ħaġa li huma kkonċernati dwarha hija l-pożizzjoni u l-awtorità tagħhom stess. Il-qawmien taʼ Lażżru huwa daqqa qawwija b’mod speċjali għas-Sadduċej, ladarba huma ma jemmnux fl-irxoxt.
Qajfa, li forsi huwa wieħed mis-Sadduċej, issa jqum jitkellem, billi jgħid: “Intom ma tafu assolutament xejn, u ma tirraġunawx li hu taʼ ġid għalikom li raġel wieħed imut għan-nom tan-nies u mhux li l-ġens kollu jiġi meqrud.”
Alla influwenza lil Qajfa biex igħid dan, għax l-appostlu Ġwanni iktar tard kiteb: “Dan, iżda, [Qajfa] ma qalux minn rajh.” Dak li Qajfa ried fil-fatt ifisser kien li Ġesù għandu jiġi maqtul biex iżommuH milli jkompli jhedded il-pożizzjonijiet tagħhom taʼ awtorità u influwenza. Madankollu, skond Ġwanni, ‘Qajfa pprofetizza li Ġesù kien iddestinat li jmut mhux għall-ġens biss, imma sabiex it-tfal t’Alla jistgħu jiġu miġburin flimkien.’ U, tabilħaqq, huwa l-għan t’Alla li Ibnu jmut bħala rahan għal kulħadd.
Qajfa issa jirnexxilu jinfluwenza lis-Sinedriju biex jagħmlu pjanijiet biex joqtlu lil Ġesù. Imma Ġesù, forsi billi jsir jaf b’dawn il-pjanijiet mingħand Nikodemu, membru tas-Sinedriju li huwa ħabib tiegħu, jitlaq minn hemm. Ġwann 11:38-54.
▪ Ġesù għala jitlob pubblikament qabel ma jirxoxta lil Lażżru?
▪ Dawk li raw dan l-irxoxt kif iwieġbu għalih?
▪ Liema ħaġa tirrivela kemm il-membri tas-Sinedriju huma mill-agħar?
▪ X’kienet l-intenzjoni taʼ Qajfa, imma Alla wżah biex jipprofetizza liema ħaġa?