Il-Qassis il-Kbir li Kkundanna lil Ġesù
F’NOVEMBRU taʼ l-1990, xi rġiel li kienu qed jaħdmu fi ġnien pubbliku u triq li kienu jinsabu madwar kilometru fin-nofsinhar tal-belt antika taʼ Ġerusalemm għamlu sejba taʼ l-għaġeb. Aċċidentalment, trakter sfronda saqaf t’għar li fil-qedem kien jintuża bħala qabar. L-inħawi taʼ madwar kienu jintużaw bħala nekropoli, jew ċimiterju, kbir mill-ewwel seklu Q.E.K. sa l-ewwel seklu E.K. Dak li sabu l-arkeoloġi f’din il-kamra kien tassew taʼ interess kbir.
L-għar kien fih 12-il ossarju, jew kaxxi bl-għadam, fejn l-għadam tal-mejtin kien tpoġġa wara li dawn kienu ilhom midfunin fl-oqbra għal madwar sena u laħamhom kien therra. Fuq ġenb wieħed mill-ossarji li kien imnaqqax tassew sabiħ—wieħed mill-aqwa li qatt instabu—kien hemm l-isem Yehosef bar Caiapha (Ġużeppi bin Kajfa).
L-evidenza turi li dan setaʼ kien il-qabar tal-qassis il-kbir li ppresieda fuq l-iktar ġuri importanti li qatt inżamm—dak taʼ Ġesù Kristu. Ġużeppi Flavju, studjuż taʼ l-istorja, identifika lil dan il-qassis il-kbir bħala “Ġużeppi, li kien imsejjaħ Kajfa.” Fl-Iskrittura, hu msejjaħ sempliċement Kajfa. Għala għandna nkunu interessati fih? X’qanqlu biex jikkundanna lil Ġesù?
Il-Familja u l-Isfond Tiegħu
Kajfa żżewweġ lit-tifla t’Anna, qassis il-kbir ieħor. (Ġwanni 18:13) Probabbilment, din l-unjoni kienet irranġata ħafna snin qabel iż-żwieġ, ladarba ż-żewġ familji riedu jkunu ċerti li qegħdin jagħżlu sew maʼ min jingħaqdu fiż-żwieġ. Dan kien jitlob li jiġu studjati sew il-ġenealoġiji sabiex tiġi aċċertata l-purità tad-dixxendenza tal-qassisin. Iż-żewġ familji milli jidher kienu sinjuri u taʼ klassi għolja fis-soċjetà, u wisq probabbli dawn kienu jiksbu ġidhom permezz taʼ proprjetajiet kbar fl-inħawi taʼ Ġerusalemm. Anna bla dubju ried ikun ċert li r-raġel li kienet se tiżżewweġ bintu kien se jkun alleat taʼ min joqgħod fuqu fil-politika. Jidher li kemm Anna u kemm Kajfa kienu membri tas-setta tas-Sadduċej li kienet setgħana.—Atti 5:17.
Bħala membru taʼ familja magħrufa taʼ qassisin, wisq probabbli Kajfa kien irċieva edukazzjoni fl-Iskrittura Ebrajka u l-interpretazzjoni tagħha. U wisq probabbli, is-servizz tiegħu fit-tempju beda meta kellu 20 sena, imma l-età taʼ meta sar qassis il-kbir m’hijiex magħrufa.
Il-Qassisin il-Kbar u l-Qassisin Ewlenin
Il-ħatra taʼ qassis il-kbir għall-bidu kienet tintiret u kienet iddum għal ħajtu kollha. Imma fit-tieni seklu Q.E.K., l-Asmonin ħadu s-saċerdozju taħt idejhom.a Erodi l-Kbir kien jaħtar il-qassisin il-kbar u jneħħihom mill-pożizzjoni tagħhom, u dan ovvjament għamilha ċara li hu kellu awtorità fuq dawn l-inkarigi. Il-gvernaturi Rumani fil-Lhudija segwew il-passi tiegħu.
Dawn l-iżviluppi wasslu biex jinħoloq grupp taʼ “qassisin ewlenin,” kif tirreferi għalih l-Iskrittura. (Mattew 26:3, 4) Minbarra Kajfa, dan il-grupp inkluda lil xi wħud li qabel kienu jaqdu bħala qassisin il-kbar, bħal Anna, li kien tneħħa mill-pożizzjoni tiegħu imma li baqaʼ jżomm it-titlu tiegħu. Il-grupp inkluda wkoll il-familji immedjati taʼ dawk li kienu qed jaqdu bħala qassisin il-kbar u dawk li kellhom din il-pożizzjoni qabel.
Ir-Rumani ħallew l-amministrazzjoni taʼ kuljum tal-Lhudija f’idejn l-aristokrazija tal-Lhud, fosthom il-qassisin ewlenin. Dan ippermetta lil Ruma tikkontrolla l-provinċja u taċċerta li tiġbor id-dħul tat-taxxi mil-Lhudija mingħajr ma tibgħat ħafna suldati hemmhekk. Ruma kienet tistenna li l-ġerarkija Lhudija żżomm l-ordni u tiddefendi l-interessi tagħha. Il-gvernaturi Rumani ma tantx kellhom grazzja mal-mexxejja Lhud, minħabba li dawn ma kellhomx pjaċir bil-ħakma Rumana. Imma kien fl-interess tagħhom it-tnejn li jikkooperaw, għax b’hekk kien jinżamm gvern stabbli.
Sa żmien Kajfa, il-qassis il-kbir kien il-mexxej politiku Lhudi. Anna kien maħtur f’din il-pożizzjoni minn Kirinu, gvernatur Ruman tas-Sirja, fis-sitt jew is-sebaʼ sena E.K. It-tradizzjoni Rabbinika turi li r-regħba, in-nepotiżmu, l-oppressjoni, u l-vjolenza kienu karatteristiki tal-familji ewlenin Lhud fl-aristokrazija. Kittieba waħda tissopponi li bħala qassis il-kbir, Anna kien se jaċċerta ruħu li ħatnu “malajr jidħol fil-ġerarkija tat-tempju; wara kollox, iktar kemm ikollu pożizzjoni għolja Kajfa, iktar se jkun utli għal Anna.”
Valerju Gratu, gvernatur tal-Lhudija, neħħa lil Anna mill-kariga tiegħu madwar is-sena 15 E.K. Tlieta oħrajn, fosthom wieħed mill-ulied subien t’Anna, tpoġġew fil-kariga tagħhom taʼ qassisin il-kbar wara xulxin fi żmien qasir. Kajfa sar qassis il-kbir madwar is-sena 18 E.K. Ponzju Pilatu, li ġie maħtur bħala gvernatur tal-Lhudija fis-sena 26 E.K., żammu f’din il-kariga matul il-ħakma tiegħu li damet għaxar snin. Il-kariga taʼ Kajfa kienet mifruxa matul iż-żmien tal-ministeru taʼ Ġesù u l-ippridkar tal-bidu tad-dixxipli tiegħu. Imma Kajfa xejn ma kien favur il-messaġġ Kristjan.
Biżaʼ minn Ġesù, Biżaʼ minn Ruma
Kajfa qies lil Ġesù bħala xi ħadd perikoluż li jqajjem l-inkwiet. Ġesù sfida l-interpretazzjoni tal-ġerarkija dwar il-liġijiet tas-Sabat u keċċa lill-merkanti u lis-sarrafa tal-flus ’il barra mit-tempju, u stqarr li huma kienu għamluh “għar tal-ħallelin.” (Luqa 19:45, 46) Xi studjużi taʼ l-istorja jemmnu li dawk is-swieq fit-tempju kienu jappartjenu lid-dar taʼ Kajfa—forsi din hija raġuni oħra għala Kajfa pprova jsikket lil Ġesù. Meta l-qassisin ewlenin bagħtu lill-uffiċjali biex jarrestaw lil Ġesù, huma tant baqgħu impressjonati bi kliemu li reġgħu lura b’idhom f’idhom.—Ġwanni 2:13-17; 5:1-16; 7:14-49.
Ikkunsidra x’ġara meta l-ġerarkija Lhudija semgħet li Ġesù kien irxoxta lil Lazzru. L-Evanġelju taʼ Ġwanni jirrapporta: “Il-qassisin ewlenin u l-Fariżej laqqgħu s-Sinedriju u bdew jgħidu: ‘X’se nagħmlu, għax dan ir-raġel qed iwettaq ħafna sinjali? Jekk inħalluh sejjer hekk, kulħadd ipoġġi l-fidi fih, u jiġu r-Rumani u jiħdulna postna u ġensna.’” (Ġwanni 11:47, 48) Is-Sinedriju qies lil Ġesù bħala theddida għall-awtorità tar-reliġjon stabbilita u l-ordni pubbliku li Pilatu kien iżommhom responsabbli għalihom. Kwalunkwe ċaqliqa mill-poplu li r-Rumani setgħu jinterpretawha bħala rewwixta setgħet tikkaġuna l-indħil tagħhom fil-kwistjonijiet tal-Lhud—xi ħaġa li s-Sinedriju ried jevita akkost taʼ kollox.
Għalkemm ma setax jiċħad il-fatt li Ġesù wettaq xogħlijiet taʼ qawwa, Kajfa ma eżerċitax fidi imma kompla jħabrek biex iżomm il-prestiġju u l-awtorità tiegħu. Kif setaʼ jaċċetta l-irxoxt taʼ Lazzru? Bħala wieħed mis-Sadduċej, Kajfa ma kienx jemmen fl-irxoxt!—Atti 23:8.
Il-ħażen taʼ Kajfa deher meta hu qal lill-ħakkiema sħabu: “Intom ma tafu xejn, u m’intomx tirraġunaw li hu għall-ġid tagħkom li raġel wieħed imut għan-nom tan-nies u ma jinqeridx il-ġens kollu kemm hu.” Ir-rakkont ikompli: “Iżda dan ma qalux minnu nnifsu; imma billi dik is-sena kien il-qassis il-kbir, ipprofetizza li Ġesù kellu jmut għall-ġens, u mhux għall-ġens biss, imma sabiex jiġbor ukoll f’unità lil ulied Alla li huma mxerrdin. Għalhekk, minn dakinhar ’l hemm ftiehmu bejniethom biex joqtlu [lil Ġesù].”—Ġwanni 11:49-53.
Kajfa ma kienx konxju tas-sinifikat sħiħ taʼ kliemu. Minħabba l-kariga tiegħu bħala qassis il-kbir, hu kien lissen profezija.b Il-mewt taʼ Ġesù kienet se tkun taʼ ġid—imma mhux għal-Lhud biss. Is-sagrifiċċju tiegħu bħala fidwa kien se jipprovdi l-mezzi biex l-umanità tinħeles mill-irbit tagħha mad-dnub u l-mewt.
Konfoffa għal Qtil
Il-qassisin ewlenin Lhud u l-irġiel xjuħ iltaqgħu d-dar taʼ Kajfa biex jiddiskutu kif jaħtfu u joqtlu lil Ġesù. Il-qassis il-kbir wisq probabbli kellu sehem biex jiddetermina maʼ Ġuda l-Iskarjota l-prezz għat-tradiment taʼ Ġesù. (Mattew 26:3, 4, 14, 15) Però, qtil wieħed ma kienx biżżejjed biex jintlaħqu l-iskopijiet mill-agħar taʼ Kajfa. “Il-qassisin ewlenin issa ftiehmu bejniethom biex joqtlu lil Lazzru wkoll, għax minħabba fih ħafna mil-Lhud kienu qed . . . ipoġġu l-fidi f’Ġesù.”—Ġwanni 12:10, 11.
Malku, qaddej taʼ Kajfa, kien jinsab mal-marmalja li ntbagħtet biex tarresta lil Ġesù. Il-priġunier Ġesù l-ewwel ittieħed għand Anna għal interrogazzjoni u mbagħad għand Kajfa, li kien diġà laqqaʼ flimkien lill-irġiel xjuħ Lhud għal ġuri illegali bil-lejl.—Mattew 26:57; Ġwanni 18:10, 13, 19-24.
Kajfa ma ħabbilx rasu meta x-xhieda foloz ma qablux meta xehdu kontra Ġesù. Il-qassis il-kbir kien jafhom l-opinjonijiet taʼ sħabu li kienu qed jikkonfoffaw miegħu dwar dawk li jgħidu li huma l-Messija. Għalhekk, hu staqsa biex ikun jaf jekk Ġesù kienx stqarr li għandu dak it-titlu. Ġesù wieġeb billi qal li kulmin akkużah kien se jarah “bil-qiegħda fuq il-lemin tal-qawwa u ġej fuq is-sħab tas-sema.” F’wirja taʼ devozzjoni, “il-qassis il-kbir ċarrat ħwejġu u qal: ‘Qed jidgħi! X’għandna bżonnhom iktar ix-xhieda?’” Is-Sinedriju qabel li Ġesù kien jistħoqqlu jmut.—Mattew 26:64-66.
L-esekuzzjonijiet riedu jiġu approvati mir-Rumani. Bħala intermedju bejniethom u l-Lhud, Kajfa kien probabbilment il-wieħed li ppreżenta l-każ lil Pilatu. Meta Pilatu pprova jeħles lil Ġesù, Kajfa wisq probabbli kien fost il-qassisin ewlenin li għajjat: “Sammru maʼ zokk! Sammru maʼ zokk!” (Ġwanni 19:4-6) Kajfa wisq probabbli ħeġġeġ lill-folol biex jgħajtu għall-ħelsien taʼ qattiel minflok taʼ Ġesù u kien fost dawk il-qassisin ewlenin li b’ipokrisija qalu: “M’għandna l-ebda sultan ħlief lil Ċesari.”—Ġwanni 19:15; Marku 15:7-11.
Kajfa m’aċċettax l-evidenza dwar l-irxoxt taʼ Ġesù. Hu oppona lil Pietru u Ġwanni u mbagħad lil Stiefnu. Kajfa wkoll awtorizza lil Sawlu biex jarresta lil kwalunkwe Kristjan li setaʼ jinstab f’Damasku. (Mattew 28:11-13; Atti 4:1-17; 6:8–7:60; 9:1, 2) Madankollu, madwar is-sena 36 E.K., Kajfa tneħħa mill-kariga tiegħu minn Vitellju, il-gvernatur Ruman tas-Sirja.
Il-kittieba Lhud jippreżentaw lill-familja taʼ Kajfa minn lenti negattiva. Per eżempju, it-Talmud Babiloniż jilmenta: “Kemm jien imnikket minħabba dar Ħanin [Anna], kemm jien imnikket minħabba l-qlajjiet (jew ‘il-kalunnji’) tagħhom.” Huwa maħsub li dan in-niket qed jirreferi għal “konklavi [jew laqgħat] sigrieti sabiex ifasslu miżuri oppressivi.”
Lezzjoni li Jgħallimna Kajfa
Wieħed li jistudja l-istorja tkellem dwar il-qassisin il-kbar bħala rġiel “taʼ sodizza, moħħhom jilħqilhom u kompetenti—u wisq probabbli arroganti ħafna wkoll.” L-arroganza żammet lura lil Kajfa milli jaċċetta l-Messija. Għalhekk, ma nissorprendux ruħna meta xi nies illum ma jaċċettawx il-messaġġ tal-Bibbja. Xi wħud m’humiex interessati biżżejjed fil-verità Skritturali biex jitilqu twemmin li jkun għal qalbhom. Oħrajn jistgħu jħossu li jkunu qed ibaxxu d-dinjità tagħhom jekk isiru xandara umli taʼ l-aħbar tajba. U l-livelli Kristjani jimbottaw lil dawk li m’humiex onesti u li huma rgħiba.
Bħala qassis il-kbir, Kajfa setaʼ jgħin lil-Lhud jaċċettaw lill-Messija, imma l-kilba għall-poter ġagħlitu jikkundanna lil Ġesù. Din l-oppożizzjoni wisq probabbli kompliet sakemm Kajfa tqiegħed ġo qabru. Dak li nafu dwar l-imġiba tiegħu jurina li wara li xi ħadd imut, mhux l-għadam biss jibqaʼ warajh. B’dak li nagħmlu, aħna nistabbilixxu reputazzjoni dejjiema m’Alla, jew għall-ħażin jew għat-tajjeb.
[Noti taʼ taħt]
a Għall-istorja taʼ l-Asmonin, jekk jogħġbok ara t-Torri taʼ l-Għassa tal-15 taʼ Ġunju, 2001, paġni 27-30.
b Qabel dan, Ġeħova kien uża lil Balgħam, li kien mill-agħar, biex ibassar profeziji veri rigward l-Iżraelin.—Numri 23:1–24:24.
[Stampa f’paġna 10]
Ġużeppi bin Kajfa
[Stampa f’paġna 10]
L-ossarju li nstab dan l-aħħar
[Sorsi tal-Istampi f’paġna 10]
Ossarju, skrizzjoni, u għar fl-isfond: Courtesy of Israel Antiquities Authority