Kapitlu 4
Ġesù Kristu—Iċ-Ċavetta għall-Għarfien Dwar Alla
1, 2. Ir-reliġjonijiet tad-dinja kif bagħbsu maċ-ċavetta taʼ l-għarfien dwar Alla?
TINSAB wieqaf quddiem il-bieb, tfittex iċ-ċavetta. Hemm il-kesħa u d-dlam, u int ħerqan biex tidħol ġewwa—imma ċ-ċavetta ma ddawwarx. Tidher tajba, madankollu s-serratura ma tagħmel ebda moviment. X’nervi jaqbduk! Terġaʼ tħares lejn iċ-ċwievet tiegħek. Qiegħed int tuża l-waħda t-tajba? Jaqaw xi ħadd xellef iċ-ċavetta?
2 Dik hija stampa xierqa taʼ dak li l-konfużjoni reliġjuża taʼ din id-dinja għamlet bil-għarfien dwar Alla. Fil-fatt, ħafna bagħbsu maċ-ċavetta li tiftħu għall-fehma tagħna—Ġesù Kristu. Xi reliġjonijiet neħħew iċ-ċavetta, billi jinjoraw lil Ġesù għalkollox. Oħrajn għawġu l-irwol taʼ Ġesù, billi qimuh bħala Alla li Jistaʼ Kollox. Fi kwalunkwe każ, l-għarfien dwar Alla huwa magħluq għalina mingħajr fehma eżatta taʼ dan il-figura prinċipali, Ġesù Kristu.
3. Ġesù għala jistaʼ jissejjaħ iċ-ċavetta għall-għarfien dwar Alla?
3 Int tistaʼ tiftakar li Ġesù qal: “Din hi l-ħajja taʼ dejjem: li jagħarfu lilek, Alla waħdek veru, u lil Ġesù Kristu, li inti bgħatt.” (Ġwann 17:3) Billi qal dan, Ġesù ma kienx qiegħed jiftaħar. L-Iskrittura ripetutament tenfasizza l-ħtieġa għal għarfien eżatt dwar Kristu. (Efesin 4:13; Kolossin 2:2; 2 Pietru 1:8; 2:20) “Il-profeti kollha jixhdu għalih [għal Ġesù Kristu],” innota l-appostlu Pietru. (Atti 10:43) U l-appostlu Pawlu kiteb: “Fih [f’Ġesù] hemm moħbija t-teżori kollha tal-għerf u x-xjenza.” (Kolossin 2:3) Pawlu saħansitra qal li l-wegħdi kollha taʼ Jehovah iseħħu minħabba Ġesù. (2 Korintin 1:20) Mela Ġesù Kristu hu l-istess ċavetta għall-għarfien dwar Alla. L-għarfien tagħna dwar Ġesù jrid ikun ħieles minn kwalunkwe tgħawwiġ inkwantu għan-natura tiegħu u inkwantu għall-irwol tiegħu fl-arranġament t’Alla. Imma s-segwaċi taʼ Ġesù għala jikkunsidrawh li hu ċentrali għall-iskopijiet t’Alla?
IL-MESSIJA MWIEGĦED
4, 5. Liema tamiet iċċentraw fuq il-Messija, u d-dixxipli taʼ Ġesù kif qisuh?
4 Sa minn żmien ir-raġel leali Abel, il-qaddejja t’Alla kienu ħarsu ’l quddiem bil-ħerqa lejn iż-Żerriegħa mbassar minn Alla Jehovah innifsu. (Ġenesi 3:15; 4:1-8; Lhud 11:4) Kien ġie rrivelat li ż-Żerriegħa kellu jaqdi l-iskop t’Alla bħala l-Messija, li jfisser “Wieħed Midluk.” Hu kellu ‘jtemm id-dnub,’ u l-glorji taʼ Saltnatu kienu mbassrin fis-salmi. (Danjel 9:24-26; Salm 72:1-20) Min kellu jagħti prova li se jkun il-Messija?
5 Immaġina l-eċċitament li ħass żagħżugħ Lhudi jismu Indrì meta samaʼ l-kliem taʼ Ġesù taʼ Nazzaret. Indrì telaq bil-ħeffa lejn ħuh Xmun Pietru u qallu: “Sibna l-Messija.” (Ġwann 1:41) Id-dixxipli taʼ Ġesù kienu konvinti li hu kien il-Messija mwiegħed. (Mattew 16:16) U l-veri Kristjani kienu u għadhom lesti li jissograw ħajjiethom minħabba t-twemmin li Ġesù kien tabilħaqq il-Messija, jew Kristu, imbassar. Xi prova kellhom? Ejjew nikkunsidraw tliet linji t’evidenza.
EVIDENZA LI ĠESÙ KIEN IL-MESSIJA
6. (a)Liema linja taʼ dixxendenza kellha tipproduċi ż-Żerriegħa mwiegħed, u kif nafu li Ġesù ġie minn dik il-linja tal-familja? (b) Għala kellu jkun impossibbli għal xi ħadd li għex wara s-sena 70 E.K. li jagħti prova taʼ stqarrija li hu kien il-Messija?
6 L-arblu tar-razza taʼ Ġesù jistabbilixxi l-ewwel bażi biex hu jiġi identifikat bħala l-Messija mwiegħed. Jehovah kien qal lill-qaddej Tiegħu Abraham li ż-Żerriegħa mwiegħed kellu jiġi mill-familja tiegħu. Iżakk bin Abraham, Ġakobb bin Iżakk, u Ġuda bin Ġakobb ilkoll kemm huma rċevew wegħda simili. (Ġenesi 22:18; 26:2-5; 28:12-15; 49:10) Il-linja taʼ dixxendenza tal-Messija ġiet imnaqqsa sekli wara meta lis-Sultan David intqallu li l-linja tal-familja tiegħu kellha tipproduċi lil dan il-Wieħed. (Salm 132:11; Isaija 11:1, 10) Ir-rakkonti tal-Vanġelu taʼ Mattew u Luqa jikkonfermaw li Ġesù ġie minn dik il-linja tal-familja. (Mattew 1:1-16; Luqa 3:23-38) Għalkemm Ġesù kellu ħafna għedewwa ħorox, ħadd minnhom ma sfida l-linja taʼ dixxendenza tiegħu li kienet magħrufa sew. (Mattew 21:9, 15) B’mod ċar, allura, l-arblu tar-razza tiegħu ħadd ma jistaʼ jmerih. Madankollu, id-dokumentazzjoni tal-familji Lhud ġiet meqruda meta r-Rumani ġarrew kulma sabu f’Ġerusalemm fis-sena 70 E.K. Fiż-żminijiet taʼ wara, ħadd qatt ma setaʼ jagħti prova li ssostni li hu kien il-Messija mwiegħed.
7. (a) X’inhi t-tieni linja t’evidenza li Ġesù kien il-Messija? (b) Mikea 5:1 [5:2, NW] kif twettaq f’konnessjoni maʼ Ġesù?
7 Il-profezija mwettqa hija t-tieni linja t’evidenza. Għexieren taʼ profeziji fl-Iskrittura Ebrajka jiddeskrivu diversi aspetti tal-korsa tal-ħajja tal-Messija. Fit-tmien seklu Q.E.K., il-profeta Mikea bassar li dan il-ħakkiem kbir kellu jitwieled fil-belt insinjifikanti taʼ Betlehem. Żewġt ibliet f’Iżrael kien jisimhom Betlehem, imma din il-profezija speċifikat liema waħda: Betlehem Efrata, fejn kien twieled is-Sultan David. (Mikea 5:1 [5:2, NW]) Il-ġenituri taʼ Ġesù, Ġużeppi u Marija, għexu f’Nazzaret, xi 90 mil lejn it-Tramuntana taʼ Betlehem. Waqt li Marija kienet tqila, madankollu, il-ħakkiem Ruman Ċesri Awgustu ordna lin-nies kollha biex jirreġistraw fl-ibliet tat-tribù tagħhom.a Għalhekk Ġużeppi kellu jieħu lil martu tqila lejn Betlehem, fejn twieled Ġesù.—Luqa 2:1-7.
8. (a) Meta u b’liema ġrajja bdew id-69 “ġimgħa”? (b) Kemm kienu twal id-69 “ġimgħa,” u x’ġara meta ntemmu?
8 Fis-sitt seklu Q.E.K., il-profeta Danjel bassar li l-“wieħed ikkonsagrat bħala prinċep” kellu jidher 69 “ġimgħa” wara li ġie maħruġ l-ordni biex jirrestawraw u jibnu mill-ġdid lil Ġerusalemm. (Danjel 9:24, 25) Kull waħda minn dawn il-‘ġimgħat’ kienet twila sebaʼ snin.b Skond il-Bibbja u l-istorja sekulari, l-ordni biex Ġerusalemm tinbena mill-ġdid ġie maħruġ fis-sena 455 Q.E.K. (Neħemija 2:1-8) Mela l-Messija kellu jidher 483 sena (69 għal 7 darbiet) wara s-sena 455 Q.E.K. Dak iwassalna sas-sena 29 E.K., l-istess sena li fiha Jehovah dilek lil Ġesù bl-ispirtu qaddis. Ġesù b’hekk sar “il-Kristu” (li jfisser “Wieħed Midluk”), jew Messija.—Luqa 3:15, 16, 21, 22.
9. (a) Salm 2:2 kif ġie mwettaq? (b)Liema huma xi profeziji oħrajn li ġew imwettqin f’Ġesù? (Ara t-tabella.)
9 M’għandniex xi ngħidu, mhux kulħadd aċċetta lil Ġesù bħala l-Messija mwiegħed, u l-Iskrittura kienet bassritu dan. Bħalma huwa ddokumentat f’Salm 2:2, is-Sultan David kien imnebbaħ b’mod divin biex ibassar: “Is-slaten taʼ l-art iqumu, u l-kbarat jiftiehmu bejniethom kontra l-Mulej u l-Midluk tiegħu.” Din il-profezija ssuġġeriet li mexxejja minn iktar minn pajjiż wieħed kellhom jingħaqdu sabiex jattakkaw lill-Wieħed Midluk, jew Messija, taʼ Jehovah. U hekk ġara. Il-mexxejja reliġjużi Lhud, is-Sultan Erodi, u l-gvernatur Ruman Ponzju Pilatu kollha taw sehemhom f’li jagħtu l-mewt lil Ġesù. Erodi u Pilatu li qabel kienu għedewwa malajr saru ħbieb minn dak in-nhar ’il quddiem. (Mattew 27:1, 2; Luqa 23:10-12; Atti 4:25-28) Għal iktar provi li Ġesù kien il-Messija, jekk jogħġbok ara t-tabella li qiegħda maʼ dan il-kapitlu intitolata “Xi Profeziji Messjaniċi Li Jispikkaw.”
10. Jehovah b’liema modi ta xiehda li Ġesù kien il-Wieħed Midluk imwiegħed?
10 It-testimonjanza t’Alla Jehovah hija t-tielet linja t’evidenza li tappoġġja lill-istat taʼ Messija taʼ Ġesù. Jehovah bagħat lill-anġli biex jgħarraf lin-nies li Ġesù kien il-Messija mwiegħed. (Luqa 2:10-14) Fil-fatt, matul il-ħajja taʼ Ġesù fuq l-art, Jehovah innifsu tkellem mis-sema, billi esprima l-approvazzjoni tiegħu għal Ġesù. (Mattew 3:16, 17; 17:1-5) Alla Jehovah ta l-qawwa lil Ġesù biex iwettaq il-mirakli. Kull wieħed minn dawn kien prova divina oħra li Ġesù kien il-Messija, għax Alla qatt ma kien se jagħti lil xi impostur il-qawwa biex iwettaq il-mirakli. Jehovah uża wkoll l-ispirtu qaddis tiegħu biex inebbaħ ir-rakkonti tal-Vanġelu, sabiex l-evidenza taʼ l-istat taʼ Messija taʼ Ġesù saret parti mill-Bibbja, l-iktar ktieb li ġie tradott u mqassam fl-istorja.—Ġwann 4:25, 26.
11. Kemm hemm evidenza li Ġesù kien il-Messija?
11 Flimkien, dawn il-kategoriji kollha t’evidenza jinkludu mijiet taʼ fatti li jidentifikaw lil Ġesù bħala l-Messija mwiegħed. B’mod ċar, allura, il-veri Kristjani kif jixraq qisuh bħala ‘l-wieħed li l-profeti kollha jixhdu għalih’ u ċ-ċavetta għall-għarfien dwar Alla. (Atti 10:43) Imma hemm iktar x’wieħed jitgħallem dwar Ġesù Kristu milli l-fatt li hu kien il-Messija. Fejn oriġina? X’tip taʼ persuna kien?
L-EŻISTENZA TAʼ ĠESÙ QABEL MA SAR BNIEDEM
12, 13. (a) Kif nafu li Ġesù eżista fis-sema qabel ma ġie fuq l-art? (b) Min hu “l-Verb,” u x’għamel qabel ma sar bniedem?
12 Il-korsa tal-ħajja taʼ Ġesù tistaʼ tiġi maqsuma fi tliet stadji. L-ewwel wieħed beda ħafna qabel ma hu twieled fuq l-art. Mikea 5:1 [5:2, NW] qal li l-oriġini tal-Messija kien “mill-qedem, sa minn dejjem taʼ dejjem.” U Ġesù qal ċar u tond li hu kien ġie minn “hemm fuq,” jiġifieri, mis-sema. (Ġwann 8:23; 16:28) Kemm kien ilu jeżisti fis-sema qabel ġie fuq l-art?
13 Ġesù ġie msejjaħ ‘l-Iben waħdieni’ t’Alla għaliex Jehovah ħalqu direttament. (Ġwann 3:16) Bħala “l-kbir fost il-ħlejjaq kollha,” Ġesù kien imbagħad użat minn Alla biex joħloq l-affarijiet l-oħrajn kollha. (Kolossin 1:15; Apokalissi 3:14) Ġwann 1:1 jgħid li “l-Verb” (Ġesù fl-eżistenza tiegħu qabel ma sar bniedem) kien m’Alla “fil-bidu.” Mela l-Verb kien maʼ Jehovah meta s-“sema u l-art” ġew maħluqin. Alla kien qiegħed jindirizza lill-Verb meta qal: “Ħa nagħmlu l-bniedem fuq is-sura u x-xbieha tagħna.” (Ġenesi 1:1, 26) Bl-istess mod, il-Verb bil-fors li kien l-“[i]mgħallem” maħbub t’Alla, deskritt fi Proverbji 8:22-31 bħala l-għerf ippersonifikat, li qiegħed jaħdem biswit Jehovah f’li jagħmel l-affarijiet kollha. Wara li Jehovah ġabu fl-eżistenza, il-Verb qattaʼ annati m’Alla fis-sema qabel ma sar bniedem fuq l-art.
14. Ġesù għala hu msejjaħ “[i]x-xbiha taʼ Alla li ma jidhirx”?
14 Mhux taʼ b’xejn li Kolossin 1:15 isejjaħ lil Ġesù “x-xbieha taʼ Alla li ma jidhirx”! Matul snin bla għadd taʼ sħubija mill-qrib, l-Iben ubbidjenti ġie li jkun preċiż bħal Missieru, Jehovah. Din hija raġuni oħra għala Ġesù hu ċ-ċavetta għall-għarfien dwar Alla li jagħti l-ħajja. Kulma għamel Ġesù waqt li kien fuq l-art huwa eżattament dak li Jehovah kieku kien jagħmel. Għalhekk, li nsiru nafu lil Ġesù jfisser ukoll li nżidu l-għarfien tagħna dwar Jehovah. (Ġwann 8:28; 14:8-10) B’mod ċar, allura, huwa vitali li nitgħallmu iżjed dwar Ġesù Kristu.
IL-KORSA TAL-ĦAJJA TAʼ ĠESÙ FUQ L-ART
15. Ġesù kif ġie li twieled bħala tarbija perfetta?
15 It-tieni stadju tal-korsa tal-ħajja taʼ Ġesù kien hawnhekk fuq l-art. Hu minn jeddu ssottometta ruħu hekk kif Alla ttrasferixxa l-ħajja tiegħu mis-sema għal ġol-ġuf taʼ verġni leali Lhudija jisimha Marija. L-ispirtu qaddis, jew forza attiva, potenti taʼ Jehovah ‘xeħet id-dell’ fuq Marija, billi ġegħilha ssir tqila u eventwalment twelled tarbija perfetta. (Luqa 1:34, 35) Ġesù ma wiret ebda imperfezzjoni, ladarba ħajtu ġiet minn Sors perfett. Hu ġie mrobbi f’dar umli bħala l-iben adottat taʼ Ġużeppi l-mastrudaxxa u kien l-ewwel minn diversi wlied fil-familja.—Isaija 7:14; Mattew 1:22, 23; Mark 6:3.
16, 17. (a) Ġesù minn fejn ġab il-qawwa biex iwettaq il-mirakli, u liema kienu xi wħud minnhom? (b) Liema huma xi kwalitajiet li Ġesù wera?
16 Id-devozzjoni profonda taʼ Ġesù lejn Alla Jehovah kienet diġà evidenti meta kellu 12-il sena. (Luqa 2:41-49) Wara li kiber u beda l-ministeru tiegħu fl-età taʼ 30 sena, Ġesù wera wkoll l-imħabba profonda tiegħu lejn sħabu l-bnedmin. Meta l-ispirtu qaddis t’Alla tah il-qawwa biex iwettaq il-mirakli, hu b’mogħdrija fejjaq il-morda, iz-zopop, l-immankati, l-għomja, it-torox, l-imġiddmin. (Mattew 8:2-4; 15:30) Ġesù tema lil eluf taʼ mġewħin. (Mattew 15:35-38) Ikkalma maltempata li heddet is-sigurtà taʼ ħbiebu. (Mark 4:37-39) Fil-fatt, hu saħansitra rxoxta l-mejtin. (Ġwann 11:43, 44) Dawn il-mirakli huma fatti stabbiliti sew taʼ l-istorja. Saħansitra l-għedewwa taʼ Ġesù rrikonoxxew li hu ‘għamel ħafna sinjali.’—Ġwann 11:47, 48.
17 Ġesù vvjaġġa tul art twelidu kollha, jgħallem lin-nies dwar is-Saltna t’Alla. (Mattew 4:17) Hu wkoll ta eżempju mill-aqwa taʼ paċenzja u raġonevolezza. Saħansitra meta d-dixxipli tiegħu naqsuh, hu b’simpatija kbira rrimarka: “L-ispirtu, iva, irid; imma l-ġisem dgħajjef.” (Mark 14:37, 38) Madankollu, Ġesù kien kuraġġuż u dirett maʼ dawk li kienu jistmerru l-verità u jgħakksu lill-uħud li ma setgħu jagħmlu xejn. (Mattew 23:27-33) Fuq kollox, hu imita perfettament l-eżempju taʼ Missieru fl-imħabba. Ġesù kien saħansitra lest li jmut sabiex il-bnedmin imperfetti setgħu jkollhom tama għall-futur. Mhux taʼ b’xejn, allura, li nistgħu nirreferu għal Ġesù bħala ċ-ċavetta għall-għarfien dwar Alla! Iva, hu ċ-ċavetta ħajja! Imma għala ngħidu ċ-ċavetta ħajja? Dan iwassalna għat-tielet stadju tal-korsa tal-ħajja tiegħu.
ĠESÙ LLUM
18. Kif għandna nimmaġinaw lil Ġesù Kristu llum?
18 Għalkemm il-Bibbja tirrapporta dwar il-mewt taʼ Ġesù, hu issa jinsab ħaj! Fil-fatt, mijiet taʼ nies li għexu fl-ewwel seklu E.K. kienu xhieda li raw b’għajnejhom tal-fatt li hu kien ġie rxoxtat. (1 Korintin 15:3-8) Bħalma kien ipprofetizzat, hu minn dak in-nhar ’l hawn qagħad bil-qiegħda fil-leminija taʼ Missieru u stenna biex jirċievi poter taʼ sultan fis-sema. (Salm 110:1; Lhud 10:12, 13) Mela kif għandna nimmaġinaw lil Ġesù llum? Għandna aħna naħsbu dwaru bħala tarbija bla ħila f’maxtura? Jew bħala raġel li qiegħed isofri waqt li qiegħed jingħata l-mewt? Le. Hu Sultan setgħan, li qiegħed jirrenja! U dalwaqt ferm issa, se juri l-istat taʼ ħakkiem tiegħu għal fuq l-art kollha inkwiet tagħna.
19. Liema azzjoni se jieħu Ġesù fil-futur qarib?
19 F’Apokalissi 19:11-15, is-Sultan Ġesù Kristu hu deskritt b’mod ħaj bħala li ġej b’qawwa kbira biex jeqred lill-uħud mill-agħar. Min jaf kemm hu ħerqan dan il-Ħakkiem tas-sema kollu mħabba biex itemm is-sofferenza li qiegħda tgħakkes lil miljuni llum! U hu daqshekk ieħor ħerqan biex jgħin lil dawk li qegħdin jistinkaw biex jimitaw l-eżempju perfett li stabbilixxa waqt li kien fuq l-art. (1 Pietru 2:21) Hu jrid jippreservahom mill-“gwerra taʼ nhar il-jum il-kbir taʼ Alla li jistaʼ kollox” li qiegħda toqrob bil-ħeffa, taʼ spiss imsejħa Armageddon, sabiex ikunu jistgħu jgħixu għal dejjem bħala sudditi fuq l-art tas-Saltna tas-sema t’Alla.—Apokalissi 7:9, 14; 16:14, 16.
20. Ġesù x’se jagħmel għall-umanità matul ir-Renju t’Elf Sena tiegħu?
20 Matul ir-Renju t’Elf Sena taʼ paċi mbassar taʼ Ġesù, hu se jwettaq mirakli għan-nom taʼ l-umanità kollha. (Isaija 9:5, 6 [9:6, 7, NW]; 11:1-10; Apokalissi 20:6) Ġesù se jfejjaq il-mard kollu u se jġib tmiem għall-mewt. Se jirxoxta lil biljuni sabiex huma wkoll jistgħu jkollhom opportunità li jgħixu għal dejjem fuq l-art. (Ġwann 5:28, 29) Int se tkun imqanqal biex issir taf iktar dwar is-Saltna Messjanika f’kapitlu iktar ’il quddiem. Kun żgur dwar dan: Ma nistgħux saħansitra nimmaġinaw kemm ħajjietna se jkunu taʼ l-għaġeb taħt il-ħakma tas-Saltna. Kemm huwa importanti li ssir midħla iktar taʼ Ġesù Kristu! Iva, huwa essenzjali li qatt ma nneħħu minn quddiem għajnejna lil Ġesù, iċ-ċavetta ħajja għall-għarfien dwar Alla li jwassal għall-ħajja taʼ dejjem.
[Noti taʼ taħt]
a Din ir-reġistrazzjoni għenet aħjar lill-Imperu Ruman biex jesiġi t-taxxi. Għalhekk, Awgustu bla ma kien jaf għen biex titwettaq profezija dwar ħakkiem li kellu “jibgħat uffiċċjal tat-taxxi fil-post glorjuż tas-saltna.” L-istess profezija bassret li “l-prinċep tal-patt,” jew Messija, kellu ‘jitfarrak’ fi żmien is-suċċessur taʼ dan il-ħakkiem. Ġesù ġie maqtul matul ir-renju tas-suċċessur t’Awgustu, Tiberju.—Danjel 11:20-22.
b Kien komuni għal-Lhud tal-qedem li jaħsbu f’termini taʼ ġimgħat taʼ snin. Per eżempju, sewwa sew bħalma kull sebaʼ jum kien jum is-Sabat, kull sebaʼ sena kienet is-sena tas-Sabat.—Eżodu 20:8-11; 23:10, 11.
ITTESTJA L-GĦARFIEN TIEGĦEK
L-arblu tar-razza taʼ Ġesù kif appoġġja l-istqarrija tiegħu li hu kien il-Messija?
Liema huma xi profeziji Messjaniċi mwettqin f’Ġesù?
Alla kif wera direttament li Ġesù kien il-Wieħed Midluk tiegħu?
Ġesù għala huwa ċ-ċavetta ħajja għall-għarfien dwar Alla?
[Tabella f’paġna 37]
XI PROFEZIJI MESSJANIĊI LI JISPIKKAW
PROFEZIJA ĠRAJJA TWETTIEQ
IL-ĦAJJA BIKRIJA TIEGĦU
Isaija 7:14 Imwieled minn verġni Mattew 1:18-23
Ġeremija 31:15 Trabi maqtulin wara Mattew 2:16-18
t-twelid tiegħu
IL-MINISTERU TIEGĦU
Isaija 61:1, 2 L-inkarigu tiegħu minn Alla Luqa 4:18-21
Isaija 9:1, 2 Il-ministeru ġiegħel Mattew 4:13-16
lin-nies jaraw dawl kbir
Salm 69:10 Żeluż għad-dar taʼ Jehovah Ġwann 2:13-17
[69:9, NW]
Isaija 53:1 M’emmnux fih Ġwann 12:37, 38
Żakkarija 9:9; Dħul f’Ġerusalemm fuq felu Mattew 21:1-9
Salm 118:26 taʼ ħmara; mogħti merħba
bħala sultan u bħala
l-wieħed li ġej f’isem
Jehovah
IT-TRADIMENT U L-MEWT TIEGĦU
Salm 41:10 Appostlu wieħed mhux leali; Atti 1:15-20
[41:9, NW]; jittradixxi lil Ġesù u jiġi
Sa 109:8 sostitwit iktar tard
Żakkarija 11:12 Tradut għal 30 biċċa tal-fidda Mattew 26:14, 15
Salm 27:12 Xhieda foloz użati kontra Mattew 26:59-61
tiegħu
Salm 22:19 Mitfugħa x-xorti għal ħwejġu Ġwann 19:23, 24
[22:18, NW]
Isaija 53:12 Magħdud mal-midinbin Mattew 27:38
Salm 22:8, 9 Mgħajjar waqt li kien Mark 15:29-32
qiegħed imut
[22:7, 8, NW]
Salm 69:22 Mogħti l-ħall Mark 15:23, 36
[69:21, NW]
Isaija 53:5; Minfud Ġwann 19:34, 37
Isaija 53:9 Midfun maʼ l-għonja Mattew 27:57-60
Salm 16:8-11 Imqajjem qabel Atti 2:25-32;
il-korruzzjoni At 13:34-37
[Stampa f’paġna 35]
Alla ta l-qawwa lil Ġesù biex ifejjaq lill-morda