“Sibna lill-Messija”!
“L-ewwel [Indrì] sab lil ħuh stess, Xmun, u qallu:‘Sibna lill-Messija’ (li tfisser, meta tiġi tradotta, Kristu).”−ĠWANN 1:41.
1. Ġwanni l-Għammied liema xiehda ta dwar Ġesù taʼ Nazzaret, u Indrì x’ikkonkluda dwaru?
INDRÌ ta ħarsa twila u profonda lejn ir-raġel Lhudi msejjaħ Ġesù taʼ Nazzaret. Ma kellux id-dehra taʼ xi sultan, jew taʼ xi bniedem għaref, jew taʼ xi rabbi. Ma kellux ilbies irjali, lanqas xagħar griż, lanqas idejn rotob u ġilda bajdanija. Ġesù kien żagħżugħ—kellu madwar 30 sena—bl-idejn mimlijin kallijiet u l-ġilda kulur il-bronż taʼ wieħed li jaħdem b’idejh. Mela Indrì setaʼ ma ssorprendiex ruħu meta sar jaf li kien mastrudaxxa. Madankollu, Ġwanni l-Għammied qal dwar dan ir-raġel: “Ara, il-Ħaruf t’Alla!” Il-jum taʼ qabel, Ġwanni kien qal xi ħaġa saħansitra iktar tal-għaġeb: “Dan il-wieħed hu l-Iben t’Alla.” Setaʼ dan ikun veru? Indrì qattaʼ xi ħin jismaʼ lil Ġesù dak in-nhar. Ma nafux x’qal Ġesù; tassew nafu li l-kelmiet tiegħu biddlu l-ħajja taʼ Indrì. Hu għaġġel biex isib lil ħuh, Xmun, u esklama, “Sibna lill-Messija”!—Ġwann 1:34-41.
2. Għala huwa importanti li nikkunsidraw l-evidenza inkwantu għal jekk Ġesù kienx il-Messija mwiegħed?
2 Indrì u Xmun (li lilu Ġesù ta l-isem ġdid taʼ Pietru) iktar tard saru appostli taʼ Ġesù. Wara iktar minn sentejn bħala dixxiplu tiegħu, Pietru qal lil Ġesù: “Int il-Kristu [Messija], l-Iben t’Alla l-ħaj.” (Mattew 16:16) L-appostli u d-dixxipli leali fl-aħħarnett taw prova li kienu lesti li jissograw il-ħajjiet tagħhom fuq dak it-twemmin. Illum, miljuni taʼ nies sinċieri huma daqstant iddedikati. Imma fuq liema evidenza? L-evidenza, wara kollox, tagħmel id-differenza bejn il-fidi u li tiblaʼ kollox bl-amment. (Ara Ebrej 11:1.) Mela ejjew nikkunsidraw tliet linji ġenerali taʼ evidenza li jagħtu prova li Ġesù kien tabilħaqq il-Messija.
L-Arblu tar-Razza taʼ Ġesù
3. Il-Vanġeli taʼ Mattew u Luqa liema dettal jagħtu dwar l-arblu tar-razza taʼ Ġesù?
3 L-arblu tar-razza taʼ Ġesù huwa l-ewwel evidenza li l-Iskrittura Griega Kristjana tagħti b’appoġġ lejn l-istat tiegħu taʼ Messija. Il-Bibbja bassret li l-Messija kellu jiġi mill-arblu tar-razza tal-familja tas-Sultan David. (Salm 132:11, 12; Isaija 11:1, 10) Il-Vanġelu taʼ Mattew jibda: “Il-ktieb tal-istorja taʼ Ġesù Kristu, bin David, bin Abraham.” Mattew jappoġġja lil din l-istqarrija qalbiena billi jsemmi d-dixxendenza taʼ Ġesù permezz tal-arblu tar-razza tal-missier adottiv tiegħu, Ġużeppi. (Mattew 1:l-16) Il-Vanġelu taʼ Luqa jsemmi l-arblu tar-razza taʼ Ġesù permezz tal-omm naturali tiegħu, Marija, lura permezz taʼ David u Abraham sa Adam. (Luqa 3:23-38)a B’hekk il-kittieba tal-Vanġelu jiddokumentaw bir-reqqa l-istqarrija tagħhom li Ġesù kien werriet taʼ David, kemm f’sens legali u kemm f’sens naturali.
4, 5. (a) In-nies taʼ żmien Ġesù sfidawha d-dixxendenza tiegħu minn David, u dan għala huwa sinjifikanti? (b) Referenzi li m’humiex Bibliċi kif jappoġġjaw lill-arblu tar-razza taʼĠesù?
4 Saħansitra l-iktar opponent xettiku tal-istat taʼ Messija taʼ Ġesù ma jistax jiċħad l-istqarrija taʼ Ġesù li hu bin David. Għala? Hemm żewġ raġunijiet. Waħda, dik l-istqarrija kienet ripetuta maʼ kullimkien f’Ġerusalemm għal għexur taʼ snin qabel ma l-belt ġiet meqruda fis-sena 70 E.K. (Qabbel Mattew 21:9; Atti 4:27; 5:27, 28. ) Kieku l-istqarrija kienet falza, l-opponenti kollha taʼ Ġesù—u kellu ħafna—setgħu taw prova li Ġesù kien frodi sempliċement billi jiċċekkjaw l-arblu tar-razza tiegħu fil-ġenealoġiji fl-arkivji pubbliċi.b Imma l-istorja m’għandha ebda rekord taʼ xi ħadd li sfida d-dixxendenza taʼ Ġesù mis-Sultan David. B’mod evidenti, l-istqarrija felħet għall-attakki kollha. Bla dubju Mattew u Luqa kkopjaw l-ismijiet li jispikkaw għar-rakkonti tagħhom direttament mir-reġistri pubbliċi.
5 It-tieni, sorsi barra mill-Bibbja jikkonfermaw l-aċċettar ġenerali tal-arblu tar-razza taʼ Ġesù. Per eżempju, it-Talmud jirrekordja lil rabbi tar-rabaʼ seklu bħal li qed jagħmel attakk defamatorju fuq Marija, omm Ġesù, talli ‘lagħbet il-parti taʼ mara żienja maʼ mastrudaxxi’; imma l-istess passaġġ jammetti li “hi kienet id-dixxendenta taʼ prinċpijiet u ħakkiema.” Eżempju iktar bikri huwa Hegesippus, kittieb tal-istorja tat-tieni seklu. Hu rrakkonta li meta Ċesri Domizjanu r-Ruman ried jeqred lid-dixxendenti kollha taʼ David, xi għedewwa tal-Kristjani bikrin iddenunzjaw lil ulied l-ulied taʼ Ġuda, Indrì tar-rispett taʼ Ġesù, “bħala li kienu tal-familja taʼ David.” Jekk Ġuda kien dixxendent magħruf taʼ David, ma kienx Ġesù wkoll? Bla dubju!—Galatin 1:19; Ġuda 1.
Profeziji Messjaniċi
6 Il-profeziji Messjaniċi kemm huma abbundanti fl-Iskrittura Ebrajka?
6 Linja oħra taʼ evidenza li Ġesù kien il-Messija hija l-profezija mwettqa. Profeziji li japplikaw għall-Messija huma kotrana fl-Iskrittura Ebrajka. Fix-xogħol tiegħu The Life and Times of Jesus the Messiah, Alfred Edersheim jirrekordja 456 passaġġ fl-Iskrittura Ebrajka li rabbini tal-qedem kienu jqisuhom bħala messjaniċi. Madankollu, ir-rabbini kellhom ħafna ideat żballjati dwar il-Messija; ħafna mill-passaġġi li huma ppuntaw lejhom assolutament m’humiex messjaniċi. Xorta waħda, l-inqas l-inqas hemm għadd kbir taʼ profeziji li jidentifikaw lil Ġesù bħala l-Messija.—Qabbel Rivelazzjoni 19:10.
7. X’inhuma ftit mill-profeziji li Ġesù wettaq waqt li kien fuq l-art?
7 Fosthom hemm: il-belt tat-twelid tiegħu (Mikea 5:2; Luqa 2:4-11); it-traġedja tal-qtil taʼ massa taʼ trabi li seħħ wara t-twelid tiegħu (Ġeremija 31:15; Mattew 2:16-18); kellu jissejjaħ ’il barra mill-Eġittu (Ħosea 11:1; Mattew 2:15); ħakkiema tal-ġnus kellhom jingħaqdu flimkien biex jeqirduh (Salm 2:1, 2; Atti 4:25-28) it-tradiment tiegħu għal 30 biċċa tal-fidda (Żakkarija 11:12; Mattew 26:15); saħansitra l-manjiera tal-mewt tiegħu.—Salm 22:16, nota taʼ taħt; Ġwann 19:18, 23; 20:25, 27.c
Il-Wasla Tiegħu Pprofetizzata
8. (a) Liema profezija turi eżatt meta l-Messija kellu jasal? (b) Liema żewġ fatturi jridu jkunu magħrufin sabiex wieħed jifhem din il-profezija?
8 Ejjew niffokaw fuq sempliċement profezija waħda. F’Danjel 9:25, lil-Lhud intqalilhom meta l-Messija kellu jiġi. Naqraw: “Għandek tkun taf u jkollok id-dehen li mill-ħruġ tal-kelma biex Ġerusalemm tiġi restawrata u mibnija mill-ġdid sal-Messija l-Mexxej, se jkun hemm sebaʼ ġimgħat, ukoll tnejn u sittin ġimgħa.” Mal-ewwel daqqa t’għajn din il-profezija tistaʼ tidher li hi moħbija. Imma f’sens iktar wiesgħa, titlobna biex insibu biss żewġ biċċiet taʼ informazzjoni: punt taʼ tluq u medda taʼ żmien. Biex nagħtu stampa, kieku kellek mappa li ppuntat lejn teżor midfun “50 qasba lejn il-Lvant tal-bir fil-ġnien tal-belt,” tistaʼ ssib li d-direzzjonijiet ifixkluk—speċjalment kieku ma kontx taf fejn kien dan il-bir, jew kemm kienet twila‘qasba.’ Ma kontx tfittixhom dawk iż-żewġ fatti sabiex tkun tistaʼ ssib it-teżor? Sewwa, il-profezija taʼ Danjel hija simili ħafna, ħlief li qegħdin nidentifikaw żmien taʼ bidu u qegħdin inkejlu l-perijodu li jsegwi.
9, 10. (a) X’inhu l-punt taʼ bidu li minnu d-69 ġimgħa jiġu mkejlin? (b) Id-69 ġimgħa kemm kienu twal, u dan kif nafuh?
9 L-ewwel, għandna bżonn inkunu nafu minfejn se nibdew, id-data meta ‘ħarġet il-kelma biex Ġerusalemm tiġi restawrata u mibnija mill-ġdid.’ Imbagħad, għandna bżonn inkunu nafu d-distanza minn dak il-punt, sewwa sew kemm kienu twal dawn id-69 (7 + 62) ġimgħa. Dawn iż-żewġ biċċiet taʼ informazzjoni ma rridux ħafna biex insibuhom. Neħemija jgħidilna b’mod espliċitu mhux ħażin li l-kelma ħarġet biex jinbena mill-ġdid il-ħajt taʼ madwar Ġerusalemm, billi jagħmilha sa fl-aħħar belt restawrata, “fil-għoxrin sena taʼ Artaxerxes is-sultan.” (Neħemija 2:1, 5, 7, 8) Dak ipoġġi l-punt taʼ bidu tagħna fis-sena 455 Q.E.K.d
10 Issa nkwantu għal dawn id-69 ġimgħa, jistgħu jkunu ġimgħat litterali taʼ sebat ijiem? Le, għax il-Messija ma deherx sempliċement naqra iktar minn sena wara s-sena 455 Q.E.K. B’hekk il-biċċa l-kbira tal-istudjużi tal-Bibbja u għadd taʼ traduzzjonijiet (inkluż it-Tanakh Lhudi f’nota taʼ taħt għal dan il-vers) jaqblu li dawn huma ġimgħat “taʼ snin.” Din l-idea taʼ ‘ġimgħa taʼ snin,’ jew ċiklu taʼ sebaʼ snin, kienet familjari għal-Lhud tal-qedem. Sewwa sew bħalma kienu josservaw jum taʼ sabat kull sebaʼ jum, kienu josservaw sena taʼ sabat kull sebaʼ sena. (Eżodu 20:8-11; 23:10, 11) Mela 69 ġimgħa taʼ snin jammontaw għal 7 snin għal 69 darba, jew 483 sena. Kulma baqgħalna nagħmlu hu li ngħoddu. Mis-sena 455 Q.E.K., billi ngħoddu 483 sena naslu sas-sena 29 E.K.—is-sena stess meta Ġesù ġie mgħammed u sar ma·shi’ach, il-Messija!—Ara “Seventy Weeks,” Insight on the Scriptures, it-2 Volum, paġna 899.
11. Kif nistgħu nwieġbu lil dawk li jgħidu li dan hu biss mod modern taʼ interpretazzjoni tal-profezija taʼ Danjel?
11 Xi wħud jistgħu joġġezzjonaw li dan hu sempliċement mod modern taʼ kif wieħed jinterpreta l-profezija biex taqbel mal-istorja. Jekk inhu hekk, in-nies fi żmien Ġesù għala kienu qegħdin jistennew li l-Messija jidher f’dak iż-żmien? Luqa, kittieb Kristjan tal-istorja, Taċitus u Swetonjus, kittieba Rumani tal-istorja, Josefus, kittieb Lhudi tal-istorja, u Filo, filosfu Lhudi, kollha għexu qrib dan iż-żmien u taw xiehda dwar dan l-istat taʼ stennija. (Luqa 3:15) Xi studjużi llum jinsistu li kienet l-oppressjoni Rumana li ġiegħlet lil-Lhud jixxennqu għal u jistennew lill-Messija f’dawk il-jiem. Il-Lhud għala, iżda, stennew lill-Messija f’dak iż-żmien minflok ma stennewh matul il-persekuzzjoni brutali Griega sekli qabel? Taċitus għala qal li kienu l-“profeziji misterjużi” li wasslu lil-Lhud biex jistennew lil ħakkiema potenti biex jiġu mill-Ġudea u “jakkwistaw imperu universali”? Abba Hillel Silver, fil-ktieb tiegħu A History of Messianic Speculation in Israel, jirrikonoxxi li “l-Messija kien mistenni madwar it-tieni kwart tal-ewwel seklu E.K.,” mhux minħabba persekuzzjoni Rumana, imma minħabba “I-kronoloġija popolari taʼ dak iż-żmien,” meħuda f’parti mill-ktieb taʼ Danjel.
Identifikat minn Fuq
12. Jehovah kif identifika lil Ġesù bħala l-Messija?
12 It-tielet tip taʼ evidenza tal-istat taʼ Messija taʼ Ġesù huwa x-xiehda t’Alla nnifsu. Skond Luqa 3:21, 22, wara li Ġesù ġie mgħammed, ġie midluk bl-iktar forza sagra u potenti fl-univers, l-ispirtu qaddis t’Alla Jehovah stess. U b’leħnu stess, Jehovah irrikonoxxa li kien approva lil Ibnu, Ġesù. F’żewġ okkażjonijiet oħrajn, Jehovah tkellem direttament maʼ Ġesù mis-sema, u b’hekk indika l-approvazzjoni Tiegħu: darba, quddiem tlieta mill-appostli taʼ Ġesù, u darb’oħra, quddiem folla taʼ nies li kienu qegħdin iħarsu. (Mattew 17:l-5; Ġwann 12:28, 29) Iktar minn hekk, anġli kienu mibgħutin minn fuq biex jikkonfermaw l-istat taʼ Ġesù bħala Kristu, jew Messija.—Luqa 2:10, 11.
13, 14. Jehovah kif wera l-approvazzjoni tiegħu taʼ Ġesù bħala Messija?
13 Jehovah wera l-approvazzjoni tiegħu dwar il-wieħed midluk tiegħu billi tah il-qawwa biex iwettaq xogħlijiet kbar. Per eżempju, Ġesù lissen profeziji li ddettaljaw l-istorja bil-quddiem—xi wħud jestendu sa żmienna stess.e Hu wettaq ukoll mirakli, bħal meta tamaʼ lill-folol bil-ġuħ u fejjaq lill-morda. Hu saħansitra rxoxta lill-mejtin. Ivvintaw sempliċement is-segwaċi tiegħu stejjer taʼ dawn l-atti setgħana wara li ġraw? Sewwa, Ġesù wettaq ħafna mill-mirakli tiegħu quddiem nies li raw b’għajnejhom, kultant eluf taʼ nies f’daqqa. Saħansitra l-għedewwa taʼ Ġesù ma setgħux jiċħdu li hu attwalment għamel dawn l-affarijiet. (Mark 6:2; Ġwann 11:47) Barra minn hekk, kieku s-segwaċi taʼ Ġesù kienu inklinati biex jivvintaw rakkonti bħal dawn, allura għala kienu huma daqshekk onesti meta rrakkontaw in-nuqqasijiet tagħhom stess? Verament, kienu jkunu lesti huma li jmutu għal fidi bbażata fuq sempliċi ħrejjef li huma personalment ivvintaw? Le. Il-mirakli taʼ Ġesù huma fatti tal-istorja.
14 Ix-xiehda t’Alla dwar Ġesù bħala l-Messija kienet tmur iktar lil hinn. Permezz tal-ispirtu qaddis hu assigura li evidenza dwar l-istat taʼ Messija taʼ Ġesù ġiet miktuba u saret parti mill-ktieb li l-iktar li ġie tradott u mqassam maʼ kullimkien fl-istorja kollha.
Il-Lhud Għala m’Aċċettawhx lil Ġesù?
15. (a) Kemm huma estensivi l-kredenzjali taʼ Ġesù li jidentifikawh bħala Messija? (b) Liema stennijiet tal-Lhud wasslu lil ħafna minnhom biex ma jaċċettawx lil Ġesù bħala l-Messija?
15 B’kollox, allura, dawn it-tliet kategoriji taʼ evidenza jinkludu litteralment mijiet taʼ fatti li jidentifikaw lil Ġesù bħala l-Messija. M’huwiex dak biżżejjed? Immaġina biss li qiegħed tapplika għal-liċenzja tas-sewqan jew għal credit card u jintqallek li tliet biċċiet taʼ identifikażzjoni ma kinux biżżejjed—trid iġġib mijiet. Kemm m’huwiex raġonevoli! Dażgur, allura, Ġesù huwa identifikat bis-sħiħ fil-Bibbja. Għala, iżda, ħafna min-nies taʼ Ġesù stess ċaħdu din l-evidenza kollha li hu kien il-Messija? Għaliex l-evidenza, hi kemm hi importanti għall-fidi ġenwina, ma tiggarantix fidi. B’sogħba, ħafna nies jemmnu dak li jridu jemmnu, saħansitra quddiem evidenza li tegħleb. Fil-każ tal-Messija, il-biċċa l-kbira tal-Lhud kellhom ideat definiti ferm dwar dak li riedu. Riedu messija politiku, wieħed li kellu jtemm l-oppressjoni Rumana u jirrestawra lil Iżrael għal glorja li tixbah b’mod materjalistiku lil dik taʼ żmien Salamun. Kif, allura, setgħu huma jaċċettaw lil dan l-iben umli taʼ mastrudaxxa, dan in-Nazzarenu li ma wera ebda interess fil-politika jew fir-rikkezzi? Kif, speċjalment, setaʼ hu jkun Messija wara li sofra u miet iddiżonorat fuq zokk tat-tortura?
16. Is-segwaċi taʼ Ġesù għala kellhom jirranġaw l-istennijiet tagħhom stess inkwantu għall-Messija?
16 Id dixxipli taʼ Ġesù stess kienu mħawdin bil-mewt tiegħu. Wara l-irxoxt glorjuż tiegħu, huma b’mod evidenti ttamaw li hu kellu ‘jirrestawra s-saltna lil Iżrael’ mill-ewwel. (Atti 1:6) Imma huma ma ċaħdux lil Ġesù bħala Messija sempliċement minħabba li din it-tama persunali ma twettqitx. Huma eżerċitaw fidi fih ibbażata fuq l-evidenza kbira li kellhom, u l-fehma tagħhom kibret bil-mod il-mod; il-misteri ċċaraw. Huma ġew li jaraw li l-Messija ma setax iwettaq il-profeziji kollha dwaru matul iż-żmien qasir tiegħu bħala bniedem fuq din l-art. Per eżempju, profezija waħda tkellmet dwar li hu wasal b’mod umli, riekeb fuq il-felu taʼ ħmar, waqt li oħra tkellmet dwar li hu ġej fi glorja fuq is-sħab! Kif setgħu t-tnejn li huma jkunu veri? Ovvjament kellu jiġi t-tieni darba.—Danjel 7:13; Żakkarija 9:9.
Għala l-Messija Kellu Jmut
17. Il-profezija taʼ Danjel kif għamlitha ċara li l-Messija kellu jmut, u għal liema raġuni kellu jmut?
17 Iktar minn hekk, il-profeziji Messjaniċi għamluha ċara li l-Messija kellu jmut. Per eżempju, l-istess profezija li bassret meta l-Messija kellu jasal bassret fil-vers li jmiss: “Wara t-tnejn u sittin ġimgħa [li segwew lis-sebaʼ ġimgħat] il-Messija se jiġi mqaċċat.” (Danjel 9:26) Il-kelma Ebrajka ka·rath’ użata hawnhekk għal “[i]mqaċċat” hija l-istess kelma wżata għas-sentenza tal-mewt taħt il-Liġi taʼ Mosè. Bla dubju l-Messija kellu jmut. Għala? Vers 24 jagħtina t-tweġiba: “Biex jispiċċa d-dnub, u biex issir tpattija għall-iżball, u biex tinġieb it-tjieba għal żminijiet indefiniti.” II-Lhud kienu jafu sewwa li sagrifiċċju, mewt, biss setaʼ jpatti għall-iżball.—Levitiku 17:11; qabbel Ebrej 9:22.
18. (a) Isaija kapitlu 53 kif juri li l-Messija jrid isofri u jmut? (b) Din il-profezija tqajjem liema paradoss apparenti?
18 Isaija kapitlu 53 jitkellem dwar il-Messija bħala Qaddej speċjali taʼ Jehovah li kellu jsofri u jmut biex igħatti d-dnubiet taʼ ħaddieħor. Vers 5 igħid: “Hu kien qiegħed jiġi minfud għan-nuqqasijiet tagħna; kien qiegħed jiġi mfarrak għall-iżballji tagħna.” Din l-istess profezija, wara li tgħidilna li dan il-Messija jrid imut bħala “offerta taʼ ħtija,” tirrivela li dan l-istess Wieħed “se jtawwal jiemu, u f’idu dak li huwa l-għaxqa taʼ Jehovah se jirnexxi.” (Vers 10) M’huwiex dak paradoss? Kif setaʼ l-Messija jmut, u mbagħad ‘itawwal jiemu’? Kif setaʼ jiġi offrut bħala sagrifiċċju u wara jagħmel ‘dak li huwa l-għaxqa taʼ Jehovah jirnexxi’? Kif, tabilħaqq, setaʼ jmut u jibqaʼ mejjet mingħajr ma jwettaq il-profeziji l-iktar importanti dwaru, jiġifieri li kellu jsaltan għal dejjem bħala Sultan u jġib paċi u hena lid-dinja kollha?—Isaija 9:6, 7.
19. L-irxoxt taʼ Ġesù kif jirrikonċilja l-profeziji li jidhru li huma kontradittorji dwar il-Messija?
19 Dan li donnu jidher li hu paradoss ġie solvut b’miraklu wieħed spettakulari. Ġesù ġie rxoxtat. Mijiet taʼ Lhud taʼ qalb onesta saru xhieda li raw b’għajnejhom din ir-realtà glorjuża. (1 Korintin 15:6) L-appostlu Pawlu iktar tard kiteb: “Dan ir-raġel [Ġesù Kristu] offra sagrifiċċju wieħed għad-dnubiet b’mod perpetwu u qagħad bil-qiegħda fuq il-leminija t’Alla, minn dak iż-żmien ’il quddiem jistenna sakemm l-għedewwa tiegħu jitqiegħdu bħala banketta għal saqajh.” (Ebrej 10:10, 12, 13) Iva, kien wara li Ġesù ġie rxoxtat għall-ħajja fis-sema, u wara perijodu taʼ ‘stennija,’ li kellu fl-aħħarnett jiġi mqiegħed fuq it-tron bħala Sultan u jaġixxi kontra l-għedewwa taʼ Missieru, Jehovah. Fl-irwol tiegħu bħala Sultan tas-sema, Ġesù l-Messija jmiss il-ħajja taʼ kull persuna li qiegħda tgħix issa. B’liema mod? L-artiklu tagħna li jmiss se jikkunsidra dan.
[Noti taʼ taħt]
a Fi profezija waħda bħal din, hu bassar li messijiet foloz kellhom iqumu minn żmienu ’l quddiem. (Mattew 24:23-26) Ara l-artiklu taʼ qabel.
b Meta Luqa 3:23 igħid: “Ġużeppi, bin Għeli,” b’mod evidenti jfisser “iben” fis-sens taʼ “iben tar-rispett,” peress li Għeli kien il-missier naturali taʼ Marija.—Insight on the Scriptures, l-l Volum, paġni 913-17.
c Il-kittieb Lhudi tal-istorja Josefus, waqt li jippreżenta l-arblu tar-razza tiegħu stess, jagħmilha ċara li kitbiet dokumentati bħal dawn kienu jeżistu qabel is-sena 70 E.K. Dawn il-kitbiet dokumentati mid-dehra nqerdu mal-belt ta Ġerusalemm, b’tali mod li jekk xi ħadd kien isostni wara li hu l-Messija ma setax jagħti prova taʼ dan.
d Ara Insight on the Scriptures, it-2 Volum, paġna 387.
e Hemm evidenza solida minn sorsi tal-qedem Griegi, Babilonjani, u Persjani li tindika li l-ewwel sena tar-renju taʼ Artaxerxes kienet is-sena 474 Q.E.K. Ara Insight on the Scriptures, it-2 Volum, paġni 614-16, 900.
Kif Twieġeb Int?
◻ Għala neżaminaw l-evidenza inkwantu għal jekk Ġesù hux il-Messija mwiegħed?
◻ L-arblu tar-razza ta Ġesù kif jappoġġja lill-istat tiegħu bħala Messija?
◻ Profeziji fil-Bibbja kif igħinu biex jagħtu prova li Ġesù kien il-Messija?
◻ Jehovah b’liema modi kkonferma personalment l-identità taʼ Ġesù bħala l-Messija?
◻ Ħafna Lhud għala m’aċċettawx lil Ġesù bħala l-Messija, u dawn ir-raġunijiet għala kienu bla bażi soda?