Kapitlu 9
X’Jiġrilhom il-Maħbubin Mejtin Tagħna?
1. In-nies kif iħossuhom meta l-mewt tolqot lil xi ħadd maħbub?
“WIEĦED isofri meta xi ħadd maħbub imut għaliex il-mewt hija telfa għal ġo baħħ li ħadd ma jistaʼ jifhmu.” Dan huwa dak li qal iben meta mietlu missieru u ftit wara mietet ommu wkoll. L-uġigħ tiegħu u s-sens taʼ telfa profonda ġagħlitu jħossu li kien qiegħed “jegħreq emozzjonalment.” Forsi int sofrejt b’mod simili. Stajt qgħadt tberren dwar fejn huma l-maħbubin tiegħek u jekk għadx xi darba terġaʼ tarahom.
2. Liema mistoqsijiet taʼ taħbil il-moħħ iqumu rigward il-mewt?
2 Xi ġenituri mnikktin intqalilhom, “Alla jaqtaʼ l-isbaħ fjuri biex jeħodhom fis-sema.” Tassew li hekk jiġri? Marru l-maħbubin mejtin tagħna ġo xi qasam taʼ l-ispirti? Huwa dan dak li xi wħud isejħulu Nirvana, deskritt bħala stat ferrieħi taʼ li wieħed ikun ħieles mill-uġigħ u x-xewqat kollha? Għaddew il-maħbubin tagħna minn xi bieb għal ġo ħajja immortali fil-ġenna? Jew bħalma jsostnu oħrajn, hija l-mewt waqgħa għal ġo turment li ma jintemm qatt għal dawk li offendew lil Alla? Jistgħu l-mejtin jeffettwaw lil ħajjietna? Biex niksbu tweġibiet veri għal mistoqsijiet bħal dawn, jeħtieġ li nikkonsultaw il-Kelma t’Alla, il-Bibbja.
X’INHU L-“ISPIRTU” FIL-BNEDMIN?
3. Sokrate u Platone liema opinjoni kellhom rigward il-mejtin, u din kif teffettwa lin-nies illum?
3 Il-filosfi Griegi tal-qedem Sokrate u Platone sostnew li jrid ikun hemm xi ħaġa immortali b’mod inerenti fir-raġel u l-mara—ruħ li tibqaʼ ħajja wara l-mewt u qatt ma tmut tassew. Mad-dinja kollha, miljuni jemmnu dan illum. Dan it-twemmin taʼ spiss inissel daqstant biżaʼ mill-mejtin daqs kemm inissel tħassib dwar il-qagħda tajba tagħhom. Il-Bibbja tgħallimna xi ħaġa differenti ġmielha dwar il-mejtin.
4. (a) Ġenesi x’jgħidilna dwar ir-ruħ? (b) Alla x’poġġa f’Adam biex jagħmlu ħaj?
4 F’li nikkunsidraw il-kundizzjoni tal-mejtin, irridu niftakru li l-missier oriġinali tagħna, Adam, ma kellux ruħ. Hu kien ruħ. F’att taʼ ħolqien li jispira l-biżaʼ, Alla fforma lill-bniedem—ir-ruħ—mill-elementi bażiċi taʼ l-art u mbagħad nefaħ ġo fih “nifs il-ħajja.” Ġenesi 2:7 jgħidilna: “Il-Mulej Alla sawwar il-bniedem mit-trab taʼ l-art u nefaħlu fi mnifsejh nifs il-ħajja, u l-bniedem sar ruħ ħajja.” Il-ħajja t’Adam kienet sostnuta bin-nifs. Madankollu, iktar mill-infiħ t’arja fil-pulmuni tal-bniedem kien involut meta Alla poġġa n-nifs tal-ħajja f’Adam. Il-Bibbja titkellem dwar “[i]l-forza tal-ħajja” li hija attiva fil-ħlejjaq ħajjin taʼ l-art.—Ġenesi 7:22, NW.
5, 6. (a) X’inhi l-“forza tal-ħajja”? (b) X’jiġri meta l-“ispirtu” msemmi f’Salm 146:4 jieqaf milli jagħti l-ħajja lill-ġisem?
5 X’inhi “l-forza tal-ħajja”? Din hija x-xrara vitali tal-ħajja li Alla poġġa fil-ġisem bla ħajja t’Adam. Din il-forza kienet imbagħad sostnuta permezz tal-proċess tan-nifs. Imma x’inhi r-“ruħ [“spirtu,” NW]” li hemm referenza għaliha f’Salm 146:4? Dak il-vers jgħid dwar wieħed li jmut: “Malli toħroġ ruħu [“spirtu,” NW], lejn l-art jerġaʼ jmur; jintemmu dak in-nhar ħsibijietu.” Meta l-kittieba tal-Bibbja użaw il-kelma “ruħ [“spirtu,” NW]” b’dan il-mod, ma kellhomx f’moħħhom ruħ imneżżaʼ mill-ġisem li tkompli tgħix wara li l-ġisem imut.
6 Ir-“ruħ [“spirtu,” NW]” li titlaq mill-bnedmin mal-mewt hija l-forza tal-ħajja li oriġinat mill-Ħallieq tagħna. (Salm 36:10 [36:9, NW]; Atti 17:28) Din il-forza tal-ħajja m’għandha l-ebda karatteristika tal-ħlejqa li lilha tagħti l-ħajja, sewwa sew bħalma l-elettriku ma jiħux il-karatteristiċi tat-tagħmir li lilu jħaddem. Meta xi ħadd imut, l-ispirtu (il-forza tal-ħajja) jieqaf milli jagħti l-ħajja liċ-ċelloli tal-ġisem, bħalma bozza tintefa meta l-elettriku jintefa. Meta l-forza tal-ħajja tieqaf milli ssostni lill-ġisem uman, il-bniedem—ir-ruħ—imut.—Salm 104:29; Koħelet 12:1, 7.
“FIT-TRAB TERĠAʼ TMUR”
7. X’kellu jiġrilu Adam jekk ma jobdix lil Alla?
7 Jehovah spjega b’mod ċar dak li l-mewt kellha tfisser għall-midneb Adam. Alla qal: “Bil-għaraq taʼ ġbinek tiekol ħobżok, sakemm terġaʼ lura lejn l-art, għax minnha int meħud. Għax trab int u fit-trab terġaʼ tmur.” (Ġenesi 3:19) Adam fejn kellu jirritorna? Lejn l-art, lejn it-trab li minnu kien ġie maħluq. Mal-mewt Adam kellu sempliċement jieqaf milli jeżisti!
8. Bħala erwieħ, il-bnedmin b’liema mod m’humiex superjuri għall-annimali?
8 F’dan ir-rigward, il-mewt umana m’hijiex differenti minn dik taʼ l-annimali. Dawn ukoll huma erwieħ, u l-istess spirtu, jew forza tal-ħajja, jagħtihom l-enerġija. (Ġenesi 1:24) F’Koħelet 3:19, 20, ir-raġel għaref Salamun jgħidilna: “Bħalma tmut il-bhima jmut ukoll il-bniedem, għax l-istess hu nifs il-ħajja [“spirtu,” NW] li hemm fihom ilkoll. Xejn m’hu aħjar il-bniedem mill-bhima [fil-mewt] . . . Ilkoll mit-trab saru, u lkoll lejn it-trab jerġgħu jmorru.” Il-bniedem kien superjuri għall-bhejjem f’li hu ġie maħluq fix-xbiha t’Alla, billi jirrifletti l-kwalitajiet taʼ Jehovah. (Ġenesi 1:26, 27) Madankollu, mal-mewt il-bnedmin u l-annimali t-tnejn li huma jirritornaw lejn it-trab.
9. X’inhi l-kundizzjoni tal-mejtin, u fejn imorru?
9 Salamun kompla jispjega x’kienet tfisser il-mewt, billi qal: “Il-ħajjin, għall-inqas, jafu li għad imutu, iżda l-mejtin ma jafu xejn.” Iva, il-mejtin ma jafu assolutament xejn. Għal din ir-raġuni, Salamun ħeġġeġ: “Kull ma ssib x’tagħmel, agħmlu b’ħiltek kollha għax ma jkunx hemm ħidma jew ħsieb, xjenza jew għerf, f’art l-imwiet fejn int sejjer.” (Koħelet 9:5, 10) Il-mejtin fejn imorru? Lejn art l-imwiet (Ebrajk, sheʼohlʹ), il-qabar komuni taʼ l-umanità. Il-maħbubin mejtin tagħna m’huma konxji taʼ xejn. M’humiex qegħdin isofru, u ma jistgħu jeffettwawna bl-ebda mod.
10. Għala nistgħu ngħidu li l-mewt m’għandhiex għalfejn tkun finali?
10 Irridu aħna lkoll u l-maħbubin tagħna bil-fors ngħixu biss ftit snin u mbagħad nieqfu milli neżistu għal dejjem? Mhux skond il-Bibbja. Fi żmien l-irvell t’Adam, Alla Jehovah immedjatament istitwixxa arranġamenti biex ireġġaʼ lura l-konsegwenzi terribbli tad-dnub tal-bniedem. Il-mewt ma kenitx parti mill-iskop t’Alla għall-umanità. (Eżekjel 33:11; 2 Pietru 3:9) Għalhekk, il-mewt m’għandhiex għalfejn tkun finali għalina jew għall-maħbubin tagħna.
“RIEQED”
11. Ġesù kif iddeskriva l-kundizzjoni tal-ħabib mejjet tiegħu Lażżru?
11 Huwa l-iskop taʼ Jehovah li jeħles lilna u lill-maħbubin mejtin tagħna mill-mewt Adamika. Għalhekk, il-Kelma t’Alla tirreferi għall-mejtin bħala li huma reqdin. Per eżempju, malli sar jaf li l-ħabib tiegħu Lażżru kien miet, Ġesù Kristu qal lid-dixxipli Tiegħu: “Ħabibna Lażżru rieqed; iżda ħa mmur u nqajmu.” Ladarba d-dixxipli ma fehmux immedjatament din l-istqarrija, Ġesù qal bla tlaqliq: “Lażżru miet.” (Ġwann 11:11, 14) Ġesù mbagħad mar fil-belt taʼ Betanja, fejn ħut Lażżru Marta u Marija kienu qegħdin jitnikktu minħabba l-mewt taʼ ħuhom. Meta Ġesù qal lil Marta, “Ħuk jerġaʼ jqum,” hi esprimiet il-fidi tagħha fl-iskop t’Alla li jreġġaʼ lura l-effetti tal-mewt taʼ fuq il-familja umana. Hi qalet: “Jiena naf li jerġaʼ jqum fil-qawmien mill-imwiet fl-aħħar jum.”—Ġwann 11:23, 24.
12. Marta li kienet imnikkta liema tama kellha rigward il-mejtin?
12 Marta m’esprimiet ebda ħsieb dwar ruħ immortali li tkompli tgħix x’imkien ieħor wara l-mewt. Ma kenitx temmen li Lażżru kien diġà mar lejn xi qasam taʼ l-ispirti biex ikompli l-eżistenza tiegħu. Marta kellha fidi fit-tama taʼ l-għaġeb taʼ rxoxt mill-mewt. Li fehmet kien, mhux li ruħ immortali kienet telqet mill-ġisem taʼ Lażżru, imma li ħuha l-mejjet kien waqaf milli jeżisti. Ir-rimedju kellu jkun l-irxoxt taʼ ħuha.
13. Liema qawwa mogħtija minn Alla għandu Ġesù, u kif wera din il-qawwa?
13 Ġesù Kristu hu l-wieħed mogħti l-qawwa minn Alla Jehovah biex jifdi lill-umanità. (Ħosea 13:14) Għalhekk, b’risposta għall-istqarrija taʼ Marta, Ġesù qal: “Jien hu l-qawmien u l-ħajja. Kull min jemmen fija, wkoll jekk imut, igħix.” (Ġwann 11:25) Ġesù wera l-qawwa tiegħu mogħtija minn Alla f’dan ir-rigward meta mar lejn il-qabar taʼ Lażżru, li kien ilu mejjet għal erbat ijiem, u ġabu lura għall-ħajja. (Ġwann 11:38-44) Immaġina ftit il-ferħ taʼ dawk li raw dan l-irxoxt jew oħrajn imwettqin minn Ġesù Kristu!—Mark 5:35-42; Luqa 7:12-16.
14. L-irxoxt u l-idea taʼ ruħ immortali għala huma inkompatibbli?
14 Ieqaf għal mument u ikkunsidra dan: Ħadd ma jkollu bżonn jiġi rxoxtat, jew miġjub lura għall-ħajja, li kieku r-ruħ immortali baqgħet ħajja wara l-mewt. Fil-fatt, ma kenitx tkun qalb tajba li jiġi rxoxtat xi ħadd bħal Lażżru lura għall-ħajja imperfetta fuq l-art li kieku hu kien diġà għadda għall-premju taʼ l-għaġeb fis-sema. Attwalment, il-Bibbja qatt ma tuża l-espressjoni “ruħ immortali.” Minflok, l-Iskrittura tgħid li r-ruħ umana li qiegħda tidneb tassew li tmut. (Eżekjel 18:4, 20, KŻ) Mela l-Bibbja tipponta lejn il-provvediment taʼ rxoxt bħala r-rimedju reali għall-mewt.
“DAWK KOLLHA LI JKUNU FL-OQBRA”
15. (a) It-terminu “qawmien mill-imwiet” x’ifisser? (b) L-irxoxt taʼ individwi għala ma se jkun t’ebda problema għal Alla Jehovah?
15 Il-kelma li d-dixxipli taʼ Ġesù wżaw għal “qawmien mill-imwiet” litteralment tfisser “li tqajjem” jew “bil-wieqfa.” Din hija qawma mill-kundizzjoni bla ħajja tal-mewt—bħal li kieku, qawma bil-wieqfa mill-qabar komuni taʼ l-umanità. Alla Jehovah jistaʼ faċilment jirxoxta lil xi persuna. Għala? Għaliex Jehovah hu l-Oriġinatur tal-ħajja. Illum, bnedmin jistgħu jirrekordjaw l-ilħna u l-immaġnijiet taʼ rġiel u nisa fuq vidjotejp u jistgħu jerġgħu jisimgħu u jaraw dak li jkunu rrekordjaw wara li l-individwi jmutu. Żgur, allura, li l-Ħallieq tagħna li jistaʼ kollox jistaʼ jirrekordja d-dettalji taʼ kwalunkwe individwu u jirxoxta l-istess persuna, billi jagħtih jew jagħtiha ġisem ifformat ġdid.
16. (a) Ġesù għamel liema wegħda dwar dawk kollha fl-oqbra tal-mafkar? (b) X’inhu dak li se jiddetermina kif se jirriżulta l-irxoxt taʼ individwu?
16 Ġesù Kristu qal: “Tiġi s-siegħa meta dawk kollha li jkunu fl-oqbra jisimgħu leħnu [taʼ Ġesù] u joħorġu: dawk li jkunu għamlu t-tajjeb iqumu għall-ħajja, imma dawk li jkunu għamlu l-ħażin iqumu għall-kundannna.” (Ġwann 5:28, 29) Dawk kollha fil-memorja taʼ Jehovah se jiġu rxoxtati u istruwiti fil-mogħdijiet tiegħu. Għal dawk li jaġixxu f’armonija maʼ l-għarfien dwar Alla, dan se jkun ifisser irxoxt taʼ ħajja. Madankollu, se jkun ifisser irxoxt taʼ ġudizzju kundannatorju għal dawk li jiċħdu t-tagħlim u l-istat taʼ ħakkiem t’Alla.
17. Min se jiġi rxoxtat?
17 Naturalment, dawk li segwew korsa taʼ tjieba bħala qaddejja taʼ Jehovah se jiġu rxoxtati. Fil-fatt, it-tama taʼ l-irxoxt saħħet lil ħafna biex jiffaċċjaw il-mewt, saħansitra f’każi taʼ persekuzzjoni vjolenti. Kienu jafu li Alla setaʼ jreġġagħhom lura għall-ħajja. (Mattew 10:28) Imma miljuni taʼ nies mietu mingħajr ma wrew jekk kinux se jaġixxu fi qbil mal-livelli taʼ tjieba t’Alla. Huma wkoll se jiġu rxoxtati. Fiduċjuż fl-iskop taʼ Jehovah f’dan ir-rigward, l-appostlu Pawlu qal: “Nittama f’Alla, . . . li kemm it-tajbin u kemm il-ħżiena għad iqumu minn bejn l-imwiet.”—Atti 24:15.
18. (a) L-appostlu Ġwanni rċieva liema viżjoni dwar l-irxoxt? (b) X’jiġi meqrud fl-“għadira tan-nar,” u din l-“għadira” x’tissimbolizza?
18 L-appostlu Ġwanni rċieva viżjoni eċċitanti taʼ wħud irxoxtati qegħdin bil-wieqfa quddiem it-tron t’Alla. Ġwanni mbagħad kiteb: “Il-baħar radd lura l-mejtin li kien hemm ġo fih, u hekk ukoll il-mewt u l-qiegħ taʼ l-art [“Ħades,” NW] raddew lura l-mejtin li kien hemm ġo fihom, u kull wieħed minnhom sar ħaqq minnu fuq l-egħmejjel tiegħu. Imbagħad il-Mewt u Post il-Mejtin [“Ħades,” NW] ġew mixħuta fil-belliegħa tan-nar—din il-għadira tan-nar hija t-tieni mewt.” (Apokalissi 20:12-14) Aħseb ftit dwar dak! Il-mejtin kollha li huma fil-memorja t’Alla għandhom il-prospett taʼ ħelsien minn Ħades (Grieg, haiʹdes), jew Xeol, il-qabar komuni taʼ l-umanità. (Salm 16:10; Atti 2:31) Se jkollhom l-opportunità li juru bil-għemejjel tagħhom jekk humiex se jaqdu lil Alla. Imbagħad “il-Mewt u Post il-Mejtin” se jiġu mitfugħin f’dik li hija msejħa l-“belliegħa tan-nar,” li tissimbolizza qerda kompleta, bħalma jfisser ukoll it-terminu “infern [“Geħenna,” NW].” (Luqa 12:5) Il-qabar komuni nnifsu taʼ l-umanità se jkun ġie mbattal u se jieqaf milli jeżisti meta jitlesta l-irxoxt. Kemm huwa taʼ faraġ li titgħallem mill-Bibbja li Alla ma jittortura lil ħadd!—Ġeremija 7:30, 31.
IRXOXT GĦAL LIEMA POST?
19. Xi wħud mill-bnedmin għala se jiġu rxoxtati għas-sema, u Alla liema xorta taʼ ġisem se jagħtihom?
19 Numru limitat taʼ rġiel u nisa se jiġu rxoxtati għal ħajja fis-sema. Bħala slaten u qassisin maʼ Ġesù, huma se jieħdu sehem f’li jannullaw l-effetti kollha tal-mewt li l-umanità wirtet mingħand l-ewwel bniedem, Adam. (Rumani 5:12; Apokalissi 5:9, 10) Alla kemm se jieħu fis-sema biex jaħkmu maʼ Kristu? Skond il-Bibbja, 144,000 biss. (Apokalissi 7:4; 14:1) Jehovah se jagħti lil kull wieħed minn dawn l-uħud irxoxtati ġisem spirtu sabiex ikunu jistgħu jgħixu fis-sema.—1 Korintin 15:35, 38, 42-45; 1 Pietru 3:18.
20. X’se jiġi mġarrab mill-umanità ubbidjenti, inklużi l-uħud irxoxtati?
20 Il-maġġoranza l-kbira taʼ dawk li mietu se jiġu rxoxtati fuq art magħmula ġenna. (Salm 37:11, 29; Mattew 6:10) Parti mir-raġuni għall-irxoxtar taʼ xi wħud għas-sema hija biex l-iskop t’Alla għall-art isir komplet. Ġesù Kristu u l-144,000 fis-sema se jwasslu b’mod progressiv lill-umanità ubbidjenti lura għall-perfezzjoni li l-ġenituri oriġinali tagħna rmew. Dan se jinkludi lil uħud irxoxtati, bħalma kien indikat minn Ġesù meta qal lir-raġel moribond imdendel fuq zokk ħdejh: “Tkun fil-Ġenna miegħi.”—Luqa 23:42, 43.
21. Skond il-profeta Isaija u l-appostlu Ġwanni, x’se jiġrilha l-mewt?
21 Fuq l-art magħmula Ġenna, il-mewt, li llum tipproduċi futilità bħal din, se tiġi mneħħija. (Rumani 8:19-21) Il-profeta Isaija ddikjara li Alla Jehovah se “jeqred il-mewt għal dejjem.” (Isaija 25:8) L-appostlu Ġwanni ġie mogħti viżjoni dwar iż-żmien meta l-umanità ubbidjenti se tesperjenza libertà mill-uġigħ u l-mewt. Iva, “Alla nnifsu jkun magħhom, Alla tagħhom. Hu jixxottalhom kull demgħa minn għajnejhom: ma jkunx hemm iżjed mewt, anqas biki jew agħjat jew tbatija ma jkun hemm iżjed, għax għabu l-ħwejjeġ taʼ qabel.”—Apokalissi 21:1-4.
22. L-għarfien dwar l-irxoxt kif jeffettwak?
22 It-tagħlim ċar tal-Bibbja jneħħi l-konfużjoni dwar x’jiġri mill-mejtin. L-Iskrittura tistqarr bla tlaqliq li l-mewt hija “l-aħħar għadu” li se jiġi meqrud. (1 Korintin 15:26) X’saħħa u faraġ nistgħu niksbu minn għarfien dwar it-tama taʼ l-irxoxt! U kemm nistgħu nkunu kuntenti li l-maħbubin mejtin tagħna li huma fil-memorja t’Alla se jqumu mir-raqda tal-mewt biex igawdu l-affarijiet tajbin kollha li hu għandu maħżunin għal dawk li jħobbuh! (Salm 145:16) Barkiet bħal dawn se jiġu mwettqin permezz tas-Saltna t’Alla. Imma meta kellha tibda l-ħakma tagħha? Ejjew naraw.
ITTESTJA L-GĦARFIEN TIEGĦEK
X’inhu l-ispirtu fil-bnedmin?
Int kif tiddeskriviha l-kundizzjoni tal-mejtin?
Min se jiġi rxoxtat?
[Stampa f’paġna 85]
Sewwa sew bħalma Ġesù sejjaħ lil Lażżru mill-qabar, hekk ukoll miljuni se jiġu rxoxtati
[Stampa f’paġna 86]
Il-ferħ se jkun prevalenti meta ‘Alla jeqred il-mewt għal dejjem’