Kapitlu Ħamsa
Ħarreġ lit-Tfal Tiegħek mill-Infanzja
1, 2. Il-ġenituri lil min għandhom ifittxu għall-għajnuna f’li jrabbu lit-tfal tagħhom?
“WIRT il-Mulej huma l-ulied,” esklama ġenitur li japprezza madwar 3,000 sena ilu. (Salm 127:3) Tabilħaqq, il-ferħ taʼ l-istat taʼ ġenitur huwa premju prezzjuż mingħand Alla, wieħed li huwa disponibbli għall-biċċa l-kbira min-nies miżżewġin. Madankollu, dawk li għandhom it-tfal malajr jirrealizzaw li flimkien mal-ferħ, l-istat taʼ ġenitur iġib ir-responsabbiltajiet.
2 Speċjalment illum, li trabbi t-tfal hija biċċa xogħol formidabbli. Minkejja dan, ħafna għamlu dan b’suċċess, u s-salmista mnebbaħ jindika t-triq, billi jgħid: “Jekk il-Mulej ma jibnix id-dar, għalxejn jitħabtu l-bennejja.” (Salm 127:1) Iktar ma ssegwi mill-qrib l-istruzzjonijiet taʼ Jehovah, iktar se ssir ġenitur aħjar. Il-Bibbja tgħid: “Ittama fil-Mulej b’qalbek kollha, u tafdax fil-għaqal tiegħek.” (Proverbji 3:5) Lest int li tagħti widen għall-parir taʼ Jehovah hekk kif timbarka fuq il-proġett tiegħek t’20 sena taʼ trobbija tat-tfal?
NAĊĊETTAW IL-ĦARSA TAL-BIBBJA
3. Il-missirijiet liema responsabbiltà għandhom fit-trobbija tat-tfal?
3 F’ħafna djar madwar id-dinja, l-irġiel iħarsu lejn it-taħriġ tat-tfal prinċipalment bħala xogħol il-mara. Veru, il-Kelma t’Alla tipponta lejn l-irwol tal-missier bħala l-wieħed prinċipali li jaqlaʼ l-ħobża taʼ kuljum. Madankollu, din tgħid ukoll li hu għandu responsabbiltajiet fid-dar. Il-Bibbja tgħid: “Qis li x-xogħol tiegħek ikun f’postu, u li jkollok kollox lest għal xogħol ir-rabaʼ; u mbagħad ibni d-dar tiegħek.” (Proverbji 24:27) Fil-ħarsa t’Alla, missirijiet u ommijiet huma sħab fit-taħriġ tat-tfal.—Proverbji 1:8, 9.
4. Għala m’għandniex inqisu lit-tfal maskili bħala superjuri għal dawk femminili?
4 Kif tħares int lejn it-tfal tiegħek? Rapporti jgħidu li fl-Asja “trabi bniet spiss ma jiġux milqugħin tajjeb.” Huwa rrapportat li preġudizzju kontra l-bniet għadu jeżisti fl-Amerka Latina, saħansitra fost “familji iktar moħħhom miftuħ.” Il-verità hija, iżda, li l-bniet m’humiex tfal tat-tieni klassi. Ġakobb, missier magħruf sewwa taʼ żmien il-qedem, iddeskriva n-nisel kollu tiegħu, inklużi l-bniet kollha mwelldin sa dak iż-żmien, bħala “l-ulied li Alla l-ħanin ta [lili].” (Ġenesi 33:1-5; 37:35) Bl-istess mod, Ġesù bierek it-“tfal żgħar” kollha (subjien u bniet) li nġiebu għandu. (Mattew 19:13-15) Aħna nistgħu nkunu żguri li hu rrifletta l-ħarsa taʼ Jehovah.—Dewteronomju 16:14.
5. Liema konsiderazzjonijiet għandhom jikkontrollaw id-deċiżjoni taʼ koppja inkwantu għal kemm se jkollhom tfal fil-familja tagħhom?
5 Tistenna l-komunità tiegħek li mara twelled tfal kemm tiflaħ? Bi dritt, kemm koppja miżżewġa jkollhom tfal hija d-deċiżjoni persunali tagħhom. X’jiġri jekk xi ġenituri m’għandhomx il-mezzi biex jitimgħu, ilibbsu, u jedukaw lil numru kbir taʼ tfal? Ċertament, il-koppja għandhom jikkunsidraw dan meta jiddeċiedu kemm se jkollhom tfal fil-familja tagħhom. Xi koppji li ma jistgħux imantnu lit-tfal kollha tagħhom jafdaw lil xi qraba bir-responsabbiltà li jrabbu xi wħud minnhom. Hija din id-drawwa mixtieqa? Lanqas xejn. U din ma tilliberax lill-ġenituri mill-obbligu tagħhom lejn uliedhom. Il-Bibbja tgħid: “Jekk xi ħadd ma jiħux ħsieb niesu, l-aktar dawk tal-familja tiegħu, dan ċaħad il-fidi.” (1 Timotju 5:8) Koppji responsabbli jipprovaw jippjanaw kemm se jkollhom tfal fil-“familja” tagħhom sabiex ikunu jistgħu ‘jieħdu ħsieb nieshom.’ Jistgħu huma jipprattikaw il-kontroll tat-twelid sabiex jagħmlu dan? Dik ukoll hija deċiżjoni persunali, u jekk koppji miżżewġin fil-fatt jiddeċiedu favur din il-korsa, l-għażla tal-kontraċettivi hija wkoll kwistjoni persunali. “Kull wieħed għandu t-tagħbija tiegħu x’jerfaʼ.” (Galatin 6:5) Madankollu, kontroll tat-twelid li jinvolvi kwalunkwe forma t’abort imur kontra l-prinċipji tal-Bibbja. Alla Jehovah hu “l-għajn tal-ħajja.” (Salm 36:10 [36:9, NW]) Għalhekk, li wieħed jeqred ħajja wara li tkun tnisslet juri diżrispett serju lejn Jehovah u jammonta għal qtil.—Eżodu 21:22, 23; Salm 139:15 [139:16, NW]; Ġeremija 1:5.
TISSODISFA L-ĦTIĠIJIET TAT-TFAL TIEGĦEK
6. It-taħriġ taʼ tifel meta għandu jibda?
6 Proverbji 22:6 jgħid: “Ħarreġ tifel jimxi fit-triq it-tajba.” It-taħriġ tat-tfal huwa dmir serju ieħor tal-ġenituri. Meta, iżda, għandu jibda dak it-taħriġ? Kmieni ferm. L-appostlu Pawlu nnota li Timotju kien ġie mħarreġ ‘minn żgħoritu.’ (2 Timotju 3:15) Il-kelma Griega wżata hawnhekk tistaʼ tirreferi għal tarbija żgħira jew saħansitra tifel mhux imwieled. (Luqa 1:41, 44; Atti 7:18-20) Għalhekk, Timotju rċieva taħriġ minn meta kien żgħir ħafna—u bix-xieraq. L-infanzja hija ż-żmien ideali biex tibda tħarreġ lil tifel. Saħansitra tarbija żgħira għandha l-ġuħ għall-għarfien.
7. (a) Għala huwa importanti li ż-żewġ ġenituri jiżviluppaw relazzjoni mill-qrib maʼ tarbija? (b) Liema relazzjoni eżistiet bejn Jehovah u l-Iben uniġenitu tiegħu?
7 “Meta rajt it-tarbija tiegħi għall-ewwel darba,” tgħid waħda omm, “sirt inħobbha.” Hekk jagħmlu l-biċċa l-kbira taʼ l-ommijiet. Dik ir-rabta sabiħa bejn l-omm u t-tarbija tikber hekk kif huma jqattgħu ħin flimkien wara t-twelid. It-treddigħ iżid maʼ dik l-intimità. (Qabbel 1 Tessalonkin 2:7.) Biex jiġu ssodisfati l-ħtiġijiet emozzjonali tat-tarbija huwa kruċjali li omm tmelles it-tarbija tagħha u titkellem magħha. (Qabbel Isaija 66:12.) Imma xi ngħidu għall-missier? Hu wkoll għandu jifforma rabta mill-qrib mal-wild il-ġdid tiegħu. Jehovah innifsu hu eżempju taʼ dan. Fil-ktieb taʼ Proverbji, insiru nafu dwar ir-relazzjoni taʼ Jehovah maʼ l-Iben uniġenitu tiegħu, li hu rrappreżentat bħala li qiegħed jgħid: “Il-Mulej kellu lili sa mill-bidu taʼ egħmilu, . . . jien kont . . . il-għaxqa tiegħu, jum wara ieħor.” (Proverbji 8:22, 30; Ġwann 1:14) Bl-istess mod, missier tajjeb jikkultiva relazzjoni kordjali taʼ mħabba mat-tifel tiegħu dritt mill-bidu tal-ħajja tat-tifel. “Uri affezzjoni kemm tiflaħ,” jgħid ġenitur wieħed. “Qatt ma miet xi tifel bit-tħaddin u l-bews.”
8. Il-ġenituri għandhom jagħtu liema stimulu mentali lit-trabi mill-iktar fis possibbli?
8 Imma t-trabi jeħtieġu iktar. Minn dak il-mument li jitwieldu, imħuħhom huma lesti biex jirċievu u jaħżnu informazzjoni, u l-ġenituri huma sors primarju tagħha. Ħu l-lingwa bħala eżempju. Riċerkaturi jgħidu li kemm tifel jitgħallem sewwa biex jitkellem u biex jaqra huwa “maħsub li huwa relatat mill-qrib man-natura taʼ l-azzjoni reċiproka bikrija bejn it-tifel u l-ġenituri tiegħu.” Kellmu u aqralu lit-tifel tiegħek minn mindu jkun tarbija. Malajr hu se jkun irid jikkopjak, u fi żmien qasir se tkun qiegħed tgħallmu jaqra. X’aktarx li se jkollu l-ħila jaqra qabel ma jidħol l-iskola. Dan se jkun speċjalment t’għajnuna jekk int tgħix f’pajjiż fejn l-għalliema huma ftit u l-klassijiet huma ffollati.
9. Liema hija l-mira l-iktar importanti li l-ġenituri jeħtieġ li jiftakru?
9 It-tħassib ewlieni taʼ ġenituri Kristjani huwa li jissodisfaw il-ħtiġijiet spiritwali tat-tifel tagħhom. (Ara Dewteronomju 8:3.) B’liema mira? Biex jgħinu lit-tifel tagħhom jiżviluppa personalità bħal taʼ Kristu, fil-fatt, biex jilbes il-“bniedem il-ġdid.” (Efesin 4:24) Għal dan huma jeħtieġu li jikkunsidraw materjal tal-bini xieraq u metodi tal-bini xierqa.
ONQOX IL-VERITÀ FIT-TFAL TIEGĦEK
10. It-tfal liema kwalitajiet għandhom bżonn jiżviluppaw?
10 Il-kwalità taʼ bini tiddependi fil-parti l-kbira mix-xorta taʼ materjal użat fl-istruttura. L-appostlu Pawlu qal li l-aħjar materjal tal-kostruzzjoni għal personalitajiet Kristjani huma “deheb, fidda, ħaġar prezzjuż.” (1 Korintin 3:10-12) Dawn jirrappreżentaw kwalitajiet bħalma huma l-fidi, l-għerf, id-dixxerniment, il-lealtà, ir-rispett, u l-apprezzament b’imħabba lejn Jehovah u l-liġijiet tiegħu. (Salm 19:8-12 [19:7-11, NW]; Proverbji 2:1-6; 3:13, 14) Il-ġenituri kif jistgħu jgħinu lit-tfal tagħhom minn ċkunithom biex jiżviluppaw dawn il-kwalitajiet? Billi jsegwu proċedura mfassla żmien twil ilu.
11. Il-ġenituri Israeliti kif għenu lit-tfal tagħhom biex jiżviluppaw personalitajiet devoti?
11 Ftit qabel ma l-ġens taʼ Israel daħal fl-Art Imwiegħda, Jehovah qal lill-ġenituri Israeliti: “Żomm f’qalbek dan il-kliem u dawn il-kmandamenti li qiegħed nagħtik illum. Tennihom lil uliedek, u tkellem fuqhom meta tkun f’darek, u meta tkun miexi fit-triq, u meta timtedd, u meta tqum.” (Dewteronomju 6:6, 7) Iva, il-ġenituri jeħtieġ li jkunu eżempji, kumpanni, komunikaturi, u għalliema.
12. Għala huwa vitali li l-ġenituri jkunu t’eżempju tajjeb?
12 Kun eżempju. L-ewwel, Jehovah qal: “Żomm f’qalbek dan il-kliem.” Imbagħad, żied: “Tennihom lil uliedek.” Mela l-kwalitajiet divini jridu jkunu l-ewwel fil-qalb tal-ġenitur. Il-ġenitur irid iħobb il-verità u jgħixha. Imbagħad biss jistaʼ jilħaq qalb it-tifel. (Proverbji 20:7) Għala? Għaliex it-tfal jiġu influwenzati iktar b’dak li jaraw milli b’dak li jisimgħu.—Luqa 6:40; 1 Korintin 11:1.
13. F’li jagħtu attenzjoni lit-tfal tagħhom, ġenituri Kristjani kif jistgħu jikkopjaw l-eżempju taʼ Ġesù?
13 Kun kumpann. Jehovah qal lill-ġenituri f’Israel: ‘Tkellmu mat-tfal tagħkom meta tkunu f’darkom u meta timxu fit-triq.’ Dan jitlob li għandhom kemm għandhom x’jagħmlu l-ġenituri jridu jqattgħu ħin mat-tfal. Ġesù evidentement ħass li t-tfal kien jistħoqqilhom il-ħin tiegħu. Matul il-jiem finali tal-ministeru tiegħu, in-nies “ġibulu quddiemu xi tfal ċkejknin biex imisshom.” X’kienet ir-reazzjoni taʼ Ġesù? “Ħaddanhom miegħu u qiegħed idejh fuqhom u berikhom.” (Mark 10:13, 16) Immaġina, is-sigħat finali tal-ħajja taʼ Ġesù kienu resqin lejn tmiemhom. Xorta waħda, hu ta lil dawn it-tfal il-ħin u l-attenzjoni tiegħu. X’lezzjoni mill-aħjar!
14. Għala huwa taʼ benefiċċju għall-ġenituri li jqattgħu ħin mat-tifel tagħhom?
14 Kun komunikatur. Li tqattaʼ l-ħin mat-tifel tiegħek se jgħinek biex tikkomunika miegħu. Iktar ma tikkomunika, iktar se tagħraf kif il-personalità tiegħu qiegħda tiżviluppa. Ftakar, iżda, illi li tikkomunika huwa iktar milli titkellem. “Kelli niżviluppa l-arti taʼ li nagħti widen,” qalet omm fil-Brażil, “nagħti widen b’qalbi.” Il-paċenzja tagħha tat il-frott meta binha beda jaqsam magħha s-sentimenti tiegħu.
15. X’hemm bżonn li wieħed iżomm f’moħħu f’dik li hija rikreazzjoni?
15 It-tfal jeħtieġu ‘żmien biex jidħku u żmien biex jiżfnu,’ żmien għar-rikreazzjoni. (Koħelet 3:1, 4; Żakkarija 8:5) Ir-rikreazzjoni hija produttiva ferm meta l-ġenituri u t-tfal igawduha flimkien. Huwa fatt taʼ swied il-qalb li f’ħafna djar ir-rikreazzjoni tfisser li jaraw it-televixin. Waqt li xi programmi fuq it-televixin jistgħu jkunu divertenti, ħafna minnhom jeqirdu valuri tajbin, u li wieħed jara t-televixin għandu t-tendenza li joħnoq il-komunikazzjoni ġo familja. Għalhekk, għala ma tagħmilx xi ħaġa kreattiva mat-tfal tiegħek? Kanta magħhom, ilgħab magħhom, assoċja mal-ħbieb, żur postijiet pjaċevoli. Attivitajiet bħal dawn jinkuraġġixxu l-komunikazzjoni.
16. Il-ġenituri x’għandhom jgħallmuhom lit-tfal tagħhom dwar Jehovah, u dan kif għandhom jagħmluh?
16 Kun għalliem. “Tennihom [dawn il-kelmiet] lil uliedek,” qal Jehovah. Il-kuntest jgħidlek x’għandek tgħallem u kif. L-ewwel, “ħobb, mela, lill-Mulej, Alla tiegħek, b’qalbek kollha, b’ruħek kollha u b’saħħtek kollha.” (Dewteronomju 6:5) Imbagħad, ‘dawn il-kelmiet tennihom.’ Agħti istruzzjoni mmirata lejn li wieħed jiżviluppa mħabba b’ruħu kollha kemm hi lejn Jehovah u l-liġijiet tiegħu. (Qabbel Lhud 8:10.) Il-kelma “tennihom” tfisser li tgħallem permezz tar-ripetizzjoni. Mela Jehovah, fil-fatt, jgħidlek li l-mod primarju biex tgħin lit-tfal tiegħek jiżviluppaw personalità devota huwa li titkellem dwaru fuq bażi konsistenti. Dan jinkludi li jkollok studju tal-Bibbja regulari magħhom.
17. Il-ġenituri x’għandhom mnejn ikollhom bżonn jiżviluppaw fit-tifel tagħhom? Għala?
17 Il-biċċa l-kbira tal-ġenituri jafu li m’huwiex faċli li ddaħħal l-informazzjoni fil-qalb taʼ tifel. L-appostlu Pietru ħeġġeġ lil Kristjani sħabu: “Bħal trabi għadhom jitwieldu, ifformaw xenqa għall-ħalib mhux imħallat li jappartjeni lill-kelma.” (1 Pietru 2:2, NW) L-espressjoni “ifformaw xenqa” tissuġġerixxi li ħafna m’għandhomx ġuħ b’mod naturali għal ikel spiritwali. Il-ġenituri għandhom mnejn ikollhom bżonn isibu modi biex jiżviluppaw dik ix-xenqa fit-tifel tagħhom.
18. X’inhuma xi metodi taʼ tagħlim taʼ Ġesù li l-ġenituri huma inkuraġġiti biex jimitaw?
18 Ġesù laħaq il-qlub billi uża t-tixbihat. (Mark 13:34; Luqa 10:29-37) Dan il-metodu taʼ tagħlim huwa speċjalment effettiv mat-tfal. Għallem prinċipji tal-Bibbja billi tuża stejjer imżewqin, interessanti, forsi dawk misjubin fil-publikazzjoni Il-Ktieb Tiegħi taʼ Stejjer mill-Bibbja.a Involvi lit-tfal. Ħallihom jużaw il-kreattività tagħhom f’li jpinġu u jirreċtaw ġrajjiet Bibliċi. Ġesù uża wkoll il-mistoqsijiet. (Mattew 17:24-27) Imita l-metodu tiegħu matul l-istudju tal-familja tiegħek. Minflok ma sempliċement tistqarr xi liġi t’Alla, staqsi mistoqsijiet bħal, Jehovah għala tana din il-liġi? X’se jiġri jekk inħarsuha? X’se jiġri jekk ma nħarsuhiex? Mistoqsijiet bħal dawn jgħinu lil tifel biex jirraġuna u biex jara li l-liġijiet t’Alla huma prattiċi u tajbin.—Dewteronomju 10:13.
19. Jekk il-ġenituri jsegwu l-prinċipji tal-Bibbja f’li jittrattaw mat-tfal tagħhom, x’vantaġġi kbar se jgawdu t-tfal?
19 Billi tkun eżempju, kumpann, komunikatur, u għalliem, int tistaʼ tgħin lit-tifel tiegħek minn ċkunitu biex jifforma relazzjoni persunali mill-qrib m’Alla Jehovah. Din ir-relazzjoni se tinkuraġġixxi lit-tifel tiegħek biex ikun hieni bħala Kristjan. Hu se jistinka biex jgħix fi qbil mal-fidi tiegħu saħansitra meta jkun iffaċċjat bi pressjoni minn taʼ mparu u b’tentazzjonijiet. Dejjem għinu biex japprezza din ir-relazzjoni prezzjuża.—Proverbji 27:11.
IL-ĦTIEĠA VITALI TAD-DIXXIPLINA
20. X’inhi d-dixxiplina, u kif għandha tiġi applikata?
20 Id-dixxiplina hija taħriġ li jikkorreġi l-moħħ u l-qalb. It-tfal jeħtiġuha l-ħin kollu. Pawlu jagħti parir lill-missirijiet biex ‘irabbu [lit-tfal tagħhom] fid-dixxiplina u t-twiddib tal-Mulej.’ (Efesin 6:4) Il-ġenituri għandhom jiddixxiplinaw bl-imħabba, sewwa sew bħalma jagħmel Jehovah. (Lhud 12:4-11) Dixxiplina bbażata fuq l-imħabba tistaʼ tiġi trasmessa permezz tar-raġunar. Għalhekk, jintqalilna biex ‘nagħtu widen għad-dixxiplina.’ (Proverbji 8:33, NW) Kif għandha tingħata d-dixxiplina?
21. Il-ġenituri liema prinċipji għandhom iżommu f’moħħhom meta jiddixxiplinaw lit-tfal tagħhom?
21 Xi ġenituri jaħsbu li l-iddixxiplinar tat-tfal tagħhom jinvolvi sempliċement li jkellmuhom b’ton taʼ theddid, iċanfruhom, jew saħansitra jinsulentawhom. Madankollu, fuq l-istess suġġett, Pawlu jwissi: “Intom il-missirijiet, iġġarrbuhomx iżżejjed lil uliedkom.” (Efesin 6:4) Il-Kristjani kollha huma mħeġġin biex ikunu ‘ħelwin maʼ kulħadd . . . iwiddbu bil-ħlewwa lil dawk li ma jaqblux magħhom.’ (2 Timotju 2:24, 25) Ġenituri Kristjani, waqt li jirrikonoxxu l-bżonn li jkunu sodi, jipprovaw iżommu dan il-kliem f’moħħhom meta jiddixxiplinaw lit-tfal tagħhom. Kultant, iżda, ir-raġunar mhux biżżejjed, u xi tip taʼ kastig jistaʼ jkun meħtieġ.—Proverbji 22:15.
22. Jekk tifel għandu bżonn jiġi kkastigat, x’irid jiġi mgħejjun biex jifhem?
22 Tfal differenti jeħtieġu tipi differenti taʼ dixxiplina. Xi wħud ‘bil-kliem biss ma jitwiddbux.’ Għalihom, il-kastig taʼ kultant mogħti għad-diżubbidjenza jistaʼ jkun taʼ salvazzjoni għal ħajjithom. (Proverbji 17:10; 23:13, 14; 29:19) Tifel, iżda, għandu jifhem għala qiegħed jiġi kkastigat. “Il-bastun u t-twiddib jagħmlu l-għorrief.” (Proverbji 29:15; Ġob 6:24) Iktar minn hekk, il-kastig għandu l-limiti. “Nikkastigak biss kemm ħaqqek,” qal Jehovah lill-poplu tiegħu. (Ġeremija 46:28b) Il-Bibbja bl-ebda mod ma tapprova swat bir-rabja jew xebgħat ħorox, li jbenġlu u saħansitra jkorru lil tifel.—Proverbji 16:32.
23. Tifel x’għandu jkollu l-ħila jagħraf meta jiġi kkastigat mill-ġenituri tiegħu?
23 Meta Jehovah wissa lin-nies tiegħu li kellu jiddixxiplinahom, hu l-ewwel qal: “La tibżax. . . . Għax miegħek jien.” (Ġeremija 46:28a) Bl-istess mod, id-dixxiplina tal-ġenituri, hi x’inhi l-forma xierqa, qatt m’għandha tħalli lil tifel iħossu miċħud. (Kolossin 3:21) Minflok, it-tifel għandu jħoss li d-dixxiplina tingħata għaliex il-ġenitur hu ‘miegħu,’ fuq in-naħa tiegħu.
IPPROTEĠI LIT-TFAL TIEGĦEK MILL-ĦSARA
24, 25. Liema theddida kerha hemm li minnha t-tfal jeħtieġu protezzjoni daż-żmien?
24 Ħafna adulti jħarsu lura lejn it-tfulija tagħhom bħala żmien hieni. Jiftakru sentiment kordjali taʼ sigurtà, ċertezza li l-ġenituri tagħhom se jieħdu ħsiebhom jiġri x’jiġri. Il-ġenituri jridu li t-tfal tagħhom iħossuhom hekk, imma fid-dinja mħassra tal-lum, huwa iktar iebes minn qatt qabel biex iżżomm lit-tfal fis-sigurtà.
25 Theddida waħda kerha ferm li kibret f’dawn l-aħħar snin hija l-immolestar sesswali tat-tfal. Fil-Malasja, rapporti dwar molestar tat-tfal ikkwadruplikaw matul perijodu t’għaxar snin. Fil-Ġermanja xi 300,000 tifel u tifla jiġu abbużati sesswalment kull sena, waqt li f’pajjiż fl-Amerka t’Isfel, skond studju wieħed, in-numru annwali impressjonanti huwa stmat li jilħaq id-9,000,000! Traġikament, il-maġġoranza taʼ dawn it-tfal jiġu mmolestati fid-dar tagħhom stess minn nies li huma jafu u jafdaw. Imma t-tfal għandhom ikollhom difiża qawwija fil-ġenituri tagħhom. Il-ġenituri kif jistgħu jkunu protetturi?
26. Liema huma xi modi kif it-tfal jistgħu jinżammu fis-sigurtà, u l-għarfien kif jistaʼ jipproteġi lil tifel?
26 Ladarba l-esperjenza turi li tfal li jafu ftit li xejn dwar is-sess huma speċjalment vulnerabbli għal dawk li jimmolestaw lit-tfal, pass preventiv kbir huwa li wieħed jeduka lit-tfal, saħansitra meta jkunu għadhom żgħar. L-għarfien jistaʼ jipprovdi protezzjoni “minn triq il-ħażen, minn nies taʼ kliem il-għawġ.” (Proverbji 2:10-12) Liema għarfien? Għarfien dwar prinċipji tal-Bibbja, dwar dak li huwa moralment tajjeb u ħażin. Għarfien ukoll li xi adulti jagħmlu affarijiet ħżiena u li persuna żagħżugħa m’għandhiex għalfejn tobdi meta xi nies jissuġġerixxu atti mhux xierqa. (Qabbel Danjel 1:4, 8; 3:16-18.) Tillimitax istruzzjoni bħal din għal okkażjoni waħda. Il-biċċa l-kbira tat-tfal żgħar jeħtieġu li lezzjoni tiġi ripetuta qabel ma jiftakruha sewwa. Hekk kif it-tfal jikbru ftit iktar, missier bl-imħabba se jirrispetta d-dritt taʼ bintu għall-privatezza, u omm dik taʼ binha—u b’hekk jirrinforzaw is-sens tat-tifel dwar dak li huwa xieraq. U, m’għandniex xi ngħidu, waħda mill-aħjar salvagwardji kontra l-abbuż hija superviżjoni mill-qrib minnkom bħala ġenituri.
FITTEX GWIDA DIVINA
27, 28. Min hu l-akbar Sors t’għajnuna għall-ġenituri meta jiffaċċjaw l-isfida taʼ li jrabbu tifel?
27 Verament, it-taħriġ taʼ tifel mill-infanzja huwa sfida, imma ġenituri kredenti m’għandhomx għalfejn jiffaċċjaw l-isfida waħedhom. Lura fi żmien l-Imħallfin, meta raġel li kien jismu Manoa sar jaf li kien se jkun missier, talab lil Jehovah għal gwida fit-trobbija tat-tifel tiegħu. Jehovah wieġeb it-talb tiegħu.—Imħallfin 13:8, 12, 24.
28 B’mod simili llum, hekk kif ġenituri kredenti jrabbu lit-tfal tagħhom, jistgħu wkoll jitkellmu maʼ Jehovah fit-talb. Li tkun ġenitur huwa xogħol iebes, imma hemm premji kbar. Koppja Kristjana fil-Hawaii tgħid: “Għandek 12-il sena biex tlesti xogħlok qabel dawk is-snin kritiċi taʼ l-adolexxenza. Imma jekk ħdimt iebes biex tapplika l-prinċipji tal-Bibbja, wasal iż-żmien biex taħsad il-ferħ u l-paċi meta huma jiddeċiedu li jridu jaqdu lil Jehovah mill-qalb.” (Proverbji 23:15, 16) Meta t-tifel tiegħek jieħu dik id-deċiżjoni, int ukoll se tiġi mqanqal biex tesklama: “Wirt il-Mulej huma l-ulied.”
[Nota taʼ taħt]
a Ippubblikat mill-Watchtower Bible and Tract Society of New York, Inc.
DAWN IL-PRINĊIPJI TAL-BIBBJA KIF JISTGĦU JGĦINU . . . LILL-ĠENITURI BIEX IĦARRĠU LIT-TFAL TAGĦHOM?
Afda f’Jehovah.—Proverbji 3:5.
Kun responsabbli.—1 Timotju 5:8.
Jehovah hu Missier li jħobb.—Proverbji 8:22, 30.
Il-ġenituri huma responsabbli biex jistruwixxu lit-tfal tagħhom.—Dewteronomju 6:6, 7.
Id-dixxiplina hija meħtieġa.—Efesin 6:4.
[Kaxxa f’paġna 61]
DIXXIPLINA EFFETTIVA
Forma waħda sinjifikanti taʼ dixxiplina hija li ġġiegħel lit-tfal iħossu l-konsegwenzi xejn pjaċevoli taʼ mġiba żbaljata. (Galatin 6:7; qabbel Eżodu 34:6, 7.) Jekk, per eżempju, it-tifel tiegħek jagħmel mandra, li jnaddafha waħdu jistaʼ jagħti l-aqwa impressjoni. Ittratta hu lil xi ħadd b’mod inġust? Li tesiġi li jagħmel apoloġija jistaʼ jikkorreġi din ix-xejra żbaljata. Forma oħra taʼ dixxiplina hija li ċċaħħdu minn privileġġi għal xi żmien sabiex iġġiegħlu jifhem sew il-lezzjoni meħtieġa. B’dan il-mod it-tifel jitgħallem l-għerf taʼ li jżomm qabda soda maʼ prinċipji xierqa.
[Stampi f’paġna 57]
Ġenituri, kunu eżempji, kumpanni, komunikaturi, u għalliema