Aħbarijiet tas-Saltna Nru. 35
In-Nies Kollha Qatt Se Jħobbu Lil Xulxin?
L-IMĦABBA LEJN IL-PROXXMU BIRDET
MILJUNI jħossuhom mifxulin u mdejqin, u m’għandhomx fejn jirrikorru għall-għajnuna. Waħda negozjanta irtirata osservat: ‘Lejla waħda armla li tgħix fis-sular tiegħi ħabbtitli fuq il-bieb u qaltli li kienet qed tħossha waħedha. Jien għedtilha bil-pulit imma bla tlaqliq li kelli x’nagħmel. Hi skużat ruħha għall-inkonvenjenza u telqet.’
B’sogħba, dak il-lejl stess, l-armla kkommettiet suwiċidju. Wara dan, in-negozjanta qalet li kienet tgħallmet “lezzjoni iebsa.”
In-nuqqas taʼ mħabba lejn il-proxxmu huwa taʼ spiss traġiku. Waqt konflitti etniċi fil-Bosnja u Ħerzegovina, li qabel kienet parti mill-Jugoslavja, ’il fuq minn miljun ruħ ġew imġegħlin jitilqu minn djarhom u għaxriet taʼ eluf taʼ nies ġew maqtulin. Minn min? “Mill-ġirien tagħna,” qalet b’sogħba waħda tifla li ġiet imġiegħla titlaq mill-villaġġ tagħha. “Konna nafuhom.”
Fl-Irwanda mijiet taʼ eluf ġew imbiċċrin, taʼ spiss mill-ġirien tagħhom stess. “Ħutu u Tutsi [għexu] flimkien, iżżewġu lil xulxin, billi la taw kas u lanqas biss kienu jafu min kien Ħutu u min kien Tutsi,” irrapportat The New York Times. “Imbagħad faqqaʼ xi ħaġa,” u “beda l-qtil.”
B’mod simili, Lhud u Għarab fl-Iżrael jgħixu flimkien, imma ħafna jobogħdu lil xulxin. Is-sitwazzjoni hija l-istess maʼ ħafna Kattoliċi u Protestanti fl-Irlanda u numru li dejjem jikber taʼ nies f’pajjiżi oħrajn. Qatt qabel fl-istorja ma kienet id-dinja daqstant nieqsa mill-imħabba.
L-Imħabba Lejn Il-Proxxmu Għala Birdet?
Il-Kreatur tagħna jagħti t-tweġiba. Il-Kelma tiegħu, il-Bibbja, lil dan iż-żmien li ngħixu fih issejjaħlu “l-aħħar tad-dinja.” Dan huwa perijodu li matulu, tgħid il-profezija tal-Bibbja, in-nies kellhom ikunu “bla qalb.” Rigward dan iż-“żmien iebes,” imsejjaħ ukoll fl-Iskrittura “tmiem id-dinja,” Ġesù Kristu bassar li “l-imħabba tibred f’ħafna.” (Korsiv tagħna.)—2 Timotju 3:1-5; Mattew 24:3, 12.
In-nuqqas taʼ mħabba tal-lum, għalhekk, huwa parti mill-evidenza li qegħdin ngħixu fl-aħħar jiem taʼ din id-dinja. B’ferħ, dan ifisser ukoll li dinja ġdida taʼ tjieba li fiha se tirrenja l-imħabba dalwaqt se tieħu post din id-dinja taʼ nies li jiċħdu ’l Alla.—Mattew 24:3-14; 2 Pietru 2:5; 3:7, 13.
Imma veru li għandna raġun biex nemmnu li bidla bħal din hija possibbli—li n-nies kollha jistgħu jitgħallmu jħobbu lil xulxin u jgħixu flimkien fil-paċi maʼ xulxin?
L-IMĦABBA LEJN IL-PROXXMU—REALTÀ
‘IL-PROXXMU tiegħi min hu?’ staqsa avukat taʼ l-ewwel seklu lil Ġesù. Bla dubju hu stenna li Ġesù jgħidlu, ‘Sħabek il-Lhud.’ Imma fi storja dwar Samaritan li aġixxa taʼ proxxmu, Ġesù wera li nies taʼ nazzjonalitajiet oħrajn ukoll huma l-proxxmu tagħna.—Luqa 10:29-37; Ġwann 4:7-9.
Ġesù enfasizza li, wara l-imħabba lejn Alla, l-imħabba lejn il-proxxmu għandha tiggverna lil ħajjitna. (Mattew 22:34-40) Imma kien hemm xi grupp taʼ nies li qatt ħabbew verament lill-proxxmu tagħhom? Il-Kristjani bikrin hekk għamlu! Kienu magħrufin għall-imħabba li kellhom lejn ħaddieħor.—Ġwann 13:34, 35.
Xi ngħidu għal-lum? Hija mħabba bħal dik taʼ Kristu pprattikata minn xi ħadd? L-Encyclopedia Canadiana tosserva: “Ix-xogħol tax-Xhieda taʼ Jehovah huwa r-rinaxximent u t-twaqqif mill-ġdid tal-Kristjanità primittiva pprattikata minn Ġesù u d-dixxipli tiegħu . . . Kollha huma aħwa.”
Dan x’ifisser? Ifisser li x-Xhieda taʼ Jehovah ma jħallu xejn—ebda razza, nazzjonalità, jew sfond etniku—li jġagħalhom jobogħdu lill-ġirien tagħhom. Lanqas ma se joqtlu lil xi ħadd, għax b’mod figurattiv bidlu x-xwabel tagħhom f’sikek tal-moħriet u l-lanez tagħhom fi mnieġel. (Isaija 2:4) Ix-Xhieda, fil-fatt, huma magħrufin għal li jieħdu l-inizjattiva biex jgħinu lill-ġirien tagħhom.—Galatin 6:10.
Mhux taʼ b’xejn li editorjal fis-Sacramento Union taʼ Kalifornja nnota: “Biżżejjed ngħidu illi li kieku d-dinja kollha tgħix fi qbil mat-twemmin tax-Xhieda taʼ Jehovah t-tixrid taʼ demm u l-mibegħda jintemmu, u l-imħabba tirrenja sovrana.” Kittieb fir-rivista Ring taʼ l-Ungerija rrimarka: “Jien wasalt għall-konklużjoni illi li kieku x-Xhieda taʼ Jehovah kienu l-uniċi nies li jgħixu fuq l-art, il-gwerer ma jibqgħux jeżistu, u l-uniċi dmirijiet tal-pulizija jkunu li jikkontrollaw it-traffiku u li joħorġu l-passaporti.”
Irridu nammettu iżda, li bidla enormi u globali hija meħtieġa biex in-nies kollha jkunu jħobbu lil xulxin. Din il-bidla kif se tiġi? (Jekk jogħġbok ara l-aħħar paġna.)
META N-NIES KOLLHA SE JKUNU JĦOBBU LIL XULXIN
TALBA li għallem Ġesù Kristu turi li bidla drammatika hija fil-qrib. Fil-Priedka famuża tiegħu taʼ fuq il-Muntanja, Ġesù għallimna nitolbu: “Tiġi saltnatek, ikun li trid int, kif fis-sema, hekkda fl-art.”—Mattew 6:10.
X’inhi s-Saltna t’Alla? Hija gvern reali, wieħed li jaħkem mis-sema. Huwa għalhekk li tissejjaħ “[i]s-Saltna tas-Smewwiet.” Ġesù, il-“Prinċep tas-sliem,” inħatar minn Missieru biex ikun il-ħakkiem tagħha.—Mattew 10:7; Isaija 9:5,6; Salm 72:1-8.
Meta tiġi s-Saltna t’Alla, x’se jiġrilha din id-dinja mimlija mibegħda? Is-“saltna” se “tfarrak u ttemm” lill-gvernijiet korrotti kollha taʼ din id-dinja. (Danjel 2:44) Il-Bibbja tispjega: “[I]d-dinja . . . tgħaddi, iżda min jagħmel ir-rieda taʼ Alla jibqaʼ għal dejjem.”—1 Ġwann 2:17.
Dwar id-dinja l-ġdida t’Alla, il-Bibbja tgħid: “[I]l-ġwejdin għad jirtu l-art, u bi sliem kotran jitgħaxxqu.” (Salm 37:9-11, 29; Proverbji 2:21, 22) Xi żmien glorjuż se jkun dak! “Ma jkunx hemm iżjed mewt, anqas biki jew għajat jew tbatija ma jkun hemm iżjed.” (Apokalissi 21:4) Saħansitra dawk mejtin se jerġgħu jgħixu, u l-art kollha kemm hi se tiġi mibdula f’ġenna litterali.—Isaija 11:6-9; 35:1, 2; Luqa 23:43; Atti 24:15.
Biex ngħixu fid-dinja l-ġdida t’Alla, irridu nħobbu lil xulxin, saħansitra bħalma jgħallimna Alla biex nagħmlu. (1 Tessalonikin 4:9) Student tal-Bibbja mill-Orjent qal: “Jien inħares ’il quddiem lejn iż-żmien meta, bħalma twiegħed il-Bibbja, in-nies kollha se jkunu tgħallmu jħobbu lil xulxin.” U nistgħu nkunu ċerti li Alla se jżomm il-wegħdi tiegħu! “Hekk tkellimt,” hu jgħid, “u hekk nagħmel.”—Isaija 46:11.
Imma biex tgawdi l-barkiet taħt is-Saltna t’Alla, trid tieħu għarfien tal-Bibbja, bħalma qegħdin jagħmlu miljuni taʼ nies taʼ qalb onesta madwar id-dinja. (Ġwann 17:3) Il-brochure taʼ 32 paġna Alla X’Jirrikjedi Minna? se jgħinek. Ikseb kopja billi timla l-kupun ipprovdut fil-paġna taʼ qabel u tibagħtu fl-indirizz li japplika għalik.
[Tagħrif f’paġna 2]
Suldat moħbi u funeral fil-Bosnija: Reuters/Corbis-Bettmann