LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • dp kap. 7 pp. 98-113
  • Erbaʼ Kelmiet li Biddlu d-​Dinja

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Erbaʼ Kelmiet li Biddlu d-​Dinja
  • Oqgħod Attent għall-Profezija taʼ Danjel!
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • FESTA LI MA TIBQAX TAĦT KONTROLL
  • IL-​KITBA MINN ID FUQ IL-​ĦAJT
  • RAĠEL TAʼ DEHEN JISSEJJAĦ FUQ IL-​POST
  • ĦAĠA MOĦĠAĠA SOLVUTA!
  • IL-​WAQGĦA TAʼ BABILONJA
  • NITGĦALLMU MILL-​KITBA FUQ IL-​ĦAJT
  • Reġġent Kburi Jitlef Imperu
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1998
  • Kitba fuq il-Ħajt
    Il-Ktieb Tiegħi taʼ Stejjer mill-Bibbja
  • Danjel​—Ktieb Mgħoddi Ġuri
    Oqgħod Attent għall-Profezija taʼ Danjel!
  • Kont Taf?
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2020
Ara Iżjed
Oqgħod Attent għall-Profezija taʼ Danjel!
dp kap. 7 pp. 98-113

Kapitlu Sebgħa

Erbaʼ Kelmiet li Biddlu d-​Dinja

1. Kemm kien estensiv l-​impatt taʼ erbaʼ kelmiet miktubin żmien twil ilu fuq ħajt?

ERBAʼ kelmiet sempliċi miktubin fuq ħajt miksi bil-​ġir. Madankollu, dawn l-​erbaʼ kelmiet tant beżżgħuh lil wieħed ħakkiem potenti li kważi ġennewh. Dawn ħabbru t-​tneħħija minn fuq it-​tron taʼ żewġ slaten, il-​mewt taʼ wieħed minnhom, u t-​tmiem taʼ qawwa dinjija setgħana. Dawn il-​kelmiet irriżultaw fl-​umiljazzjoni taʼ ordni reliġjuż meqjum. L-​iktar importanti, eżaltaw il-​qima pura taʼ Jehovah u affermaw mill-​ġdid is-​sovranità tiegħu fi żmien meta l-​biċċa l-​kbira tan-​nies ftit li xejn taw kas taʼ dawn iż-​żewġ affarijiet. Iva, dawn il-​kelmiet saħansitra tefgħu dawl fuq il-​ġrajjiet dinjin illum! Kif setgħu erbaʼ kelmiet jagħmlu dan kollu? Ejja naraw.

2. (a) X’ġara f’Babilonja wara l-​mewt taʼ Nabukodonosor? (b) Liema ħakkiem issa kellu l-​poter?

2 Kienu għaddew għexur taʼ snin mill-​ġrajjiet deskritti f’kapitlu 4 taʼ Danjel. Ir-​renju taʼ 43 sena fil-​belt taʼ Babilonja mis-​Sultan kburi Nabukodonosor intemm bil-​mewt tiegħu fis-​sena 582 Q.E.K. Mill-​familja tiegħu ħarġet sensiela taʼ suċċessuri, imma l-​ħakma taʼ wieħed wara l-​ieħor intemmet jew b’mewta bikrija jew b’assassinar. Fl-​aħħarnett, raġel li kien jismu Nabonidu kiseb it-​tron permezz taʼ rewwixta. Bħala bin is-​saċerdotessa l-​kbira taʼ l-​alla-qamar Sin, Nabonidu b’mod evidenti ma kienx mid-​demm tad-​dar irjali taʼ Babilonja. Xi awtoritajiet jissuġġerixxu li hu żżewweġ lil waħda mill-​bniet taʼ Nabukodonosor biex jagħmel il-​ħakma tiegħu stess leġittima, lil binhom Beltassar għamlu l-​koreġġent tiegħu, u ħallieh jikkmanda lil Babilonja għal perijodi twal taʼ żmien. F’dak il-​każ, Beltassar kien ikun in-​neputi taʼ Nabukodonosor. Mill-​esperjenzi taʼ nannuh, tgħallem hu li Jehovah hu dak Alla Suprem, kapaċi jumilja lil kwalunkwe sultan? Ma tantx!​—Danjel 4:34 [4:​37, NW].

FESTA LI MA TIBQAX TAĦT KONTROLL

3. Kif kienet il-​festa taʼ Beltassar?

3 Kapitlu 5 taʼ Danjel jiftaħ b’ikla kbira. “Is-​sultan Beltassar għamel ikla kbira lil elf mill-​kbarat tiegħu, u quddiem dawn l-​elf qabad jixrob l-​inbid.” (Danjel 5:1) Bħalma tistaʼ timmaġina, bilfors li kienet sala enormi biex tesaʼ dawn l-​irġiel kollha, flimkien man-​nisa sekondarji u l-​konkubini tas-​sultan. Wieħed studjuż jinnota: “L-​ikliet kbar Babiloniżi kienu manjifiċi, għalkemm ġeneralment kulħadd kien jispiċċa fis-​sakra. Il-​mejda kienet tkun mimlija nbid, importat minn barra, u lussu taʼ kull xorta. Is-​sala kienet tkun mimlija fwejjaħ; għannejja u mużiċisti kienu jpaxxu lill-​mistidnin miġburin.” Waqt li ppresieda fejn kulħadd setaʼ jarah, Beltassar xorob l-​inbid​—u xorob, u xorob.

4. (a) Għala tistaʼ tidher ħaġa stramba li l-​Babiloniżi kienu qegħdin jiffesteġġaw fil-​lejl tal-​5/6 t’Ottubru, tas-​sena 539 Q.E.K.? (b) X’kien evidentement li lill-​Babiloniżi għamilhom kunfidenti meta kienu ffaċċjati mill-​eżerċti invadenti?

4 Tidher ħaġa stramba li l-​Babiloniżi kienu f’burdata festiva bħal din f’dan il-​lejl​—il-​5/6 t’Ottubru tas-​sena 539 Q.E.K. Il-​ġens tagħhom kien fi gwerra, u l-​affarijiet ma kinux sejrin tajjeb għalihom. Dan l-​aħħar, Nabonidu kien sofra telfa minn idejn il-​qawwiet armati invadenti Medo-Persjani u kien sab refuġju f’Borsippa, lejn il-​lbiċ taʼ Babilonja. U issa l-​eżerċti taʼ Ċiru kienu kkampjati preċiż barra Babilonja. Madankollu, ma tantx jidher li Beltassar u l-​kbarat tiegħu kienu inkwetati. Wara kollox, il-​belt tagħhom kienet Babilonja l-​impenetrabbli! Is-​swar kolossali tagħha kienu jsorġu fuq fossijiet fondi mimlijin bl-​ilma tax-​Xmara l-​kbira Ewfrat hekk kif din kienet tgelgel minn ġol-​belt. Ebda għadu ma kien ħa lil Babilonja b’attakk frontali f’iktar minn elf sena. Mela għalfejn kellhom jinkwetaw? Forsi Beltassar irraġuna li l-​ħoss tax-​xalar tagħhom kien se juri kemm kienu kunfidenti, u b’hekk l-​għedewwa li kien hemm barra kienu se jiskuraġġixxu ruħhom.

5, 6. X’għamel Beltassar taħt l-​influwenza taʼ l-​inbid, u dan għala kien insult kbir għal Jehovah?

5 Fi żmien qasir, ix-​xorb eċċessiv kellu effett fuq Beltassar. Bħalma jgħid Proverbji 20:​1 (NW), “l-​inbid iwaqqaʼ għaċ-​ċajt.” F’dan il-​każ, l-​inbid tabilħaqq li wassal lis-​sultan biex jikkommetti bluha t’għamla serja ferm. Hu ordna li jinġiebu fil-​festa r-​reċipjenti sagri mit-​tempju taʼ Jehovah. Dawn ir-​reċipjenti, meħudin bħala priża matul il-​konkwista taʼ Ġerusalemm minn Nabukodonosor, kellhom jintużaw biss fil-​qima pura. Saħansitra l-​qassisin Lhud li fl-​imgħoddi kienu ngħataw l-​awtorità biex jużawhom fit-​tempju taʼ Ġerusalemm kienu ġew imwissijin biex iżommu ruħhom indaf.​—Danjel 5:2; qabbel Isaija 52:11.

6 Madankollu, Beltassar kellu f’moħħu att jerġaʼ iktar insolenti. “Is-​sultan u kbaratu, in-​nisa tiegħu u l-​konkubini li kellu . . . xorbu l-​inbid, u faħħru l-​allat tad-​deheb u tal-​fidda, tal-​bronż u tal-​ħadid, taʼ l-​injam u tal-​ġebel.” (Danjel 5:​3, 4) Mela Beltassar ried jeżalta lill-​allat foloz tiegħu fuq Jehovah! Donnu li din l-​attitudni kienet tipika fost il-​Babiloniżi. Dawn kienu jiddisprezzaw lill-​ilsiera Lhud li kellhom, billi jwaqqgħulhom għaċ-​ċajt il-​qima tagħhom u ma joffrulhom ebda tama li jirritornaw lejn il-​maħbuba art twelidhom. (Salm 137:​1-3; Isaija 14:​16, 17) Forsi dan il-​monarka fis-​sakra ħass illi li jumilja lil dawn l-​eżiljati u jinsulta lil dak Alla tagħhom kien se jimpressjona lin-​nisa u lill-​uffiċjali tiegħu, u dan jagħmlu jidher setgħan.a Imma jekk Beltassar fil-​fatt ħass xi ftit eċċitament taʼ qawwa, dan ma damx wisq.

IL-​KITBA MINN ID FUQ IL-​ĦAJT

7, 8. Kif ġiet interrotta l-​festa taʼ Beltassar, u dan x’effett kellu fuq is-​sultan?

7 “Minnufih,” jgħid ir-​rakkont imnebbaħ, “ħarġu swabaʼ taʼ id taʼ bniedem, u bdew jiktbu biswit il-​gandlier, fuq il-​ġir tal-​ħajt tal-​palazz tas-​sultan. Is-​sultan raha dik l-​id miftuħa hi u tikteb.” (Danjel 5:5) X’dehra tal-​biżaʼ! Mill-​baħħ dehret id, titħarrek fl-​arja ħdejn sezzjoni mdawla sewwa tal-​ħajt. Immaġina s-​skiet li waqaʼ fil-​festa hekk kif il-​mistidnin daru b’ħalqhom miftuħ iħarsu lejha. L-​id bdiet tikteb messaġġ misterjuż fuq il-​ġir.b Dan il-​fenomenu kien tant waħxi, tant ma jintesiex, li sal-​ġurnata tal-​lum in-​nies jużaw l-​espressjoni “l-​kitba fuq il-​ħajt” biex jissuġġerixxu twissija taʼ xi kundanna imminenti.

8 X’kien l-​effett fuq dan is-​sultan kburi li kien ipprova jeżalta lilu nnifsu u lil allatu fuq Jehovah? “Mbagħad is-​sultan wiċċu tbiddel u ħsibijietu ħasduh, il-​ġogi taʼ ġenbejh inħallu, u rkubbtejh bdew iħabbtu maʼ xulxin.” (Danjel 5:6) Beltassar kien immira biex jidher grandjuż u maestuż quddiem is-​sudditi tiegħu. Minflok, hu sar stampa ħajja taʼ terrur servili​—wiċċu sar abjad karti, ġenbejh inħallu mill-​ġogi tagħhom, l-​għadam kollu taʼ ġismu tant triegħed b’mod vjolenti li rkobbtejh bdew iħabbtu maʼ xulxin. Tabilħaqq kien minnu kliem David indirizzat f’għanja lil Jehovah: “Għajnejk fuq il-​kburin, biex tbaxxihom.”​—2 Samwel 22:​1, 28, KŻ; qabbel Proverbji 18:12.

9. (a) It-​terrur taʼ Beltassar għala ma kienx l-​istess bħall-​biżaʼ minn Alla? (b) Is-​sultan x’offrielhom lill-​għorrief taʼ Babilonja?

9 Taʼ min jinnota li l-​biżaʼ taʼ Beltassar ma kienx l-​istess bħall-​biżaʼ minn Alla, rispett kbir u profond lejn Jehovah, li hu l-​bidu taʼ l-​għerf kollu. (Proverbji 9:10) Le, dan kien terrur morbuż, u ma pproduċa ebda għerf fil-​monarka mheżżeż.c Minflok ma talab maħfra mingħand dak Alla li lilu kien għadu kif insulta, hu għajjat b’leħen qawwi għall-​“bassara, għall-​Kaldin, u għall-​astroloġi.” Hu saħansitra ddikjara: “Porpra jilbes min jaqra din il-​kitba u jfissirhieli, u kullana tad-​deheb maʼ għonqu, u jkun it-​tielet wieħed fost il-​ministri tas-​sultan.” (Danjel 5:7) It-​tielet ħakkiem fis-​saltna kien se jkun setgħan tabilħaqq, preċedut biss miż-​żewġ slaten renjanti, Nabonidu u Beltassar innifsu. Post bħal dan ġeneralment kien jinżamm għall-​iben il-​kbir taʼ Beltassar. Sa dan il-​punt kien iddisprat is-​sultan biex jispjegawlu dan il-​messaġġ mirakoluż!

10. X’riżultat kellhom l-​għorrief fl-​isforzi tagħhom biex jinterpretaw il-​kitba fuq il-​ħajt?

10 L-​għorrief daħlu wieħed wara l-​ieħor fis-​sala l-​kbira. Kien hemm għadd mhux ħażin minnhom, għax Babilonja kienet belt mgħaddsa fir-​reliġjon falza u mimlija tempji. Irġiel li kienu jsostnu li kellhom il-​ħila jaqraw sinjali taʼ tbassir u jfissru kitba misterjuża żgur li kienu jeżistu bir-​radam. Dawn l-​għorrief bilfors li ħassewhom eċċitati bl-​opportunità li kellhom quddiemhom. Hawnhekk kellhom iċ-​ċans li jipprattikaw l-​arti tagħhom quddiem udjenza taʼ nies importanti, jirbħu l-​favur tas-​sultan, u jitilgħu għal pożizzjoni taʼ qawwa kbira. Imma kemm ħarġu taʼ mażetta! “Ma kellhomx ħila jaqraw il-​kitba lis-​sultan jew ifissruhielu.”d​—Danjel 5:8.

11. X’setgħet kienet ir-​raġuni għala l-​għorrief taʼ Babilonja ma setgħux jaqraw il-​kitba?

11 M’aħniex ċerti jekk l-​għorrief taʼ Babilonja sabux il-​kitba stess​—l-​ittri nfushom—​ma tinqarax. Jekk sabuha hekk, dawn l-​irġiel bla skruplu kien ikollhom l-​opportunità li jivvintaw kwalunkwe interpretazzjoni qarrieqa tkun xi tkun, forsi anki waħda li tneffaħ lis-​sultan. Possibbiltà oħra hija li l-​ittri setgħu jinqraw mhux ħażin. Madankollu, ladarba l-​lingwi bħall-​Aramajk u l-​Ebrajk kienu jinkitbu mingħajr vokali, kull kelma setaʼ jkollha diversi tifsiriet possibbli. Jekk inhu hekk, l-​għorrief x’aktarx li ma kellhomx il-​ħila jiddeċiedu liema kliem kien intenzjonat. Anki kieku kellhom il-​ħila jiddeċiedu, xorta waħda ma setgħux jifhmu t-​tifsira tal-​kliem sabiex jinterpretawh. Kien x’kien il-​każ, ħaġa waħda hi żgura: l-​għorrief taʼ Babilonja fallielhom​—bl-​ikrah!

12. Il-​falliment taʼ l-​għorrief x’wera?

12 B’hekk l-​għorrief ġew esposti bħala imposturi, u l-​ordni reliġjuż u meqjum tagħhom kien ingann. Kemm iddiżappuntaw! Meta Beltassar ra li l-​fiduċja tiegħu f’dawn ir-​reliġjonisti kienet għalxejn, sar iktar beżgħan, wiċċu sfar iktar, u saħansitra l-​kbarat tiegħu “tħawwdu.”e​—Danjel 5:9.

RAĠEL TAʼ DEHEN JISSEJJAĦ FUQ IL-​POST

13. (a) Is-​sultana għala ssuġġeriet li jissejjaħ Danjel? (b) Danjel liema tip taʼ ħajja kien qiegħed jgħix?

13 F’dan il-​mument kritiku, is-​sultana nfisha​—x’aktarx is-​sultana omm—​daħlet fis-​sala fejn kien hemm ikla kbira. Kienet semgħet bil-​kommozzjoni fil-​festa, u kienet taf b’wieħed li setaʼ jfisser il-​kitba fuq il-​ħajt. Għexur taʼ snin qabel, missierha, Nabukodonosor, kien ħatar lil Danjel fuq l-​għorrief kollha tiegħu. Is-​sultana ftakritu bħala bniedem bi “spirtu li ma bħalu, u dehen u għaqal.” Ladarba Danjel donnu li ma kienx magħruf maʼ Beltassar, x’aktarx li l-​profeta kien tilef il-​pożizzjoni għolja u governattiva tiegħu wara l-​mewt taʼ Nabukodonosor. Imma Danjel ftit kien jimpurtah mill-​prominenza. Sa dan iż-​żmien hu x’aktarx li kien qabiżhom id-​90 sena, u kien għadu qed jaqdi fedelment lil Jehovah. Minkejja xi tmenin sena taʼ eżilju f’Babilonja, hu kien għadu magħruf bl-​isem Ebrajk tiegħu. Saħansitra s-​sultana rreferiet għalih bħala Danjel, billi ma wżatx l-​isem Babiloniż li kien ngħatalu darba. Tabilħaqq, hi ħeġġet lis-​sultan: “Ħa jissejjaħ Danjel, u hu jagħti t-​tifsira.”​—Danjel 1:7; 5:​10-12.

14. X’kienet il-​pożizzjoni perikoluża taʼ Danjel malli ra l-​kitba fuq il-​ħajt?

14 Bagħtu għal Danjel u dan daħal quddiem Beltassar. Kienet ħaġa imbarazzanti li jintalab favur mingħand dan il-​Lhudi li s-​sultan kien għadu kif insultalu lil Alla tiegħu. Xorta waħda, Beltassar ipprova jneffaħ lil Danjel, billi offrielu l-​istess premju​—it-​tielet post fis-​saltna—​kieku kellu jaqra u jispjega l-​kliem misterjuż. (Danjel 5:​13-16) Danjel refaʼ għajnejh lejn il-​kitba fuq il-​ħajt, u bis-​saħħa taʼ l-​ispirtu qaddis setaʼ jirrikonoxxi xi tfisser. Kien messaġġ taʼ kundanna mingħand Alla Jehovah! Kif setaʼ Danjel jippronunzja ġudizzju aħrax f’wiċċ dan is-​sultan mimli bih innifsu​—u fuq kollox quddiem in-​nisa u l-​kbarat tiegħu? Immaġina l-​pożizzjoni perikoluża taʼ Danjel! Ġie hu influwenzat mill-​kliem melliesi tas-​sultan u l-​offerta tiegħu taʼ għana u prominenza? Kien sejjer il-​profeta jrattab id-​dikjarazzjoni taʼ Jehovah?

15, 16. Beltassar kien naqas li jitgħallem liema lezzjoni vitali mill-​passat, u kemm hu komuni llum nuqqas simili?

15 Danjel tkellem bil-​kuraġġ, billi qal: “Ħa jibqgħu għalik ir-​rigali tiegħek, u d-​doni tiegħek agħtihom lil ħaddieħor. Madankollu l-​kitba naqrahielu lis-​sultan, u nagħtih it-​tifsira tagħha.” (Danjel 5:17) Imbagħad, Danjel irrikonoxxa l-​kobor taʼ Nabukodonosor, sultan tant potenti li kellu l-​ħila joqtol, jattakka, jeżalta, jew jumilja lil kulmin kien jagħżel. Madankollu, Danjel fakkar lil Beltassar li kien Jehovah, “Alla l-​[Iktar] Għoli,” li kien għamel lil Nabukodonosor kbir. Kien Jehovah li kien umilja lil dak is-​sultan setgħan meta sar imkabbar. Iva, Nabukodonosor kien ġie sforzat jitgħallem li “Alla l-​Għoli hu setgħani fuq is-​saltna tal-​bnedmin u jqiegħed fuqha ’l min irid.”​—Danjel 5:​18-21.

16 Beltassar ‘dan kollu kien jafu.’ Madankollu, ma kienx tgħallem mill-​passat. Fil-​fatt, hu kien għamel ħażen ferm akbar mid-​dnub tal-​kburija żbaljata taʼ Nabukodonosor u kkommetta att taʼ insolenza diretta kontra Jehovah. Danjel espona d-​dnub tas-​sultan. Barra minn hekk, quddiem dik l-​assemblea pagana, lil Beltassar qallu bil-​kuraġġ li l-​allat foloz “la jaraw, la jisimgħu u lanqas jagħrfu.” Il-​profeta kuraġġuż t’Alla żied li b’kuntrast maʼ dawk l-​allat inutli, Jehovah hu dak Alla li “f’idejh tinsab ħajtek.” Sal-​ġurnata tal-​lum, in-​nies jagħmlu allat minn affarijiet bla ħajja, billi jidolizzaw il-​flus, il-​karriera, il-​prestiġju, u saħansitra l-​pjaċiri. Imma ebda waħda minn dawn l-​affarijiet ma tistaʼ tagħti l-​ħajja. Jehovah waħdu hu l-​wieħed li lilu lkoll kemm aħna nafu l-​istess eżistenza tagħna, u li fuqu niddependu għal kull nifs li nieħdu.​—Danjel 5:​22, 23; Atti 17:​24, 25.

ĦAĠA MOĦĠAĠA SOLVUTA!

17, 18. X’kienu l-​erbaʼ kelmiet miktubin fuq il-​ħajt, u x’inhu t-​tifsir litterali tagħhom?

17 Il-​profeta xwejjaħ issa ssokta jagħmel dak li wera li kien impossibbli għall-​għorrief kollha taʼ Babilonja. Hu qara u interpreta l-​kitba mnaqqxa fuq il-​ħajt. Il-​kelmiet kienu: “Mene, [Mene,] Teqel, Parsin.” (Danjel 5:​24, 25) X’ifissru?

18 Litteralment, il-​kelmiet ifissru “mina, mina, xekel, u nofs xekel.” Kull kelma kienet qies taʼ piż monetarju, elenkata skond il-​valur tagħha, mill-​kbira saż-​żgħira. Mur sib tarf! Saħansitra kieku l-​għorrief Babiloniżi kellhom il-​ħila jidentifikaw l-​ittri, xorta waħda m’hijiex sorpriża li ma setgħux jinterpretawhom.

19. X’kienet l-​interpretazzjoni tal-​kelma “Mene”?

19 Taħt l-​influwenza taʼ l-​ispirtu qaddis t’Alla, Danjel spjega: “It-​tifsira tal-​kliem hija din: Mene, Alla għadd il-​jiem taʼ saltnatek u temmha.” (Danjel 5:26) Il-​konsonanti taʼ l-​ewwel kelma ppermettew kemm il-​kelma “mina” u kemm forma tal-​kelma Aramajka għal “ikkontja,” jew “għadd,” skond il-​vokali fornuti mill-​qarrej. Danjel kien jaf sewwa li l-​eżilju tal-​Lhud kien riesaq lejn it-​tmiem. Mill-​perijodu mbassar tiegħu taʼ 70 sena, kienu diġà għaddew 68 sena. (Ġeremija 29:10) Il-​Gran Padrun tal-​Ħin, Jehovah, kien għadd il-​jiem tar-​renju taʼ Babilonja bħala qawwa dinjija, u t-​tmiem kien eqreb milli kien jaħseb kulmin kien fl-​ikla kbira taʼ Beltassar. Fil-​fatt, iż-​żmien kien spiċċa​—mhux biss għal Beltassar imma wkoll għal missieru, Nabonidu. Din tistaʼ tkun ir-​raġuni għala l-​kelma “Mene” nkitbet darbtejn​—biex tħabbar it-​tmiem taʼ dawn iż-​żewġ saltniet.

20. X’kienet l-​ispjegazzjoni tal-​kelma “Teqel,” u din kif applikat għal Beltassar?

20 Mill-​banda l-​oħra, il-​kelma “Teqel” inkitbet darba biss u fis-​singular. Dan jistaʼ jindika li kienet diretta primarjament lejn Beltassar. U dan kien ikun xieraq, għax hu kien personalment wera diżrispett kbir lejn Jehovah. Il-​kelma nfisha tfisser “xekel,” imma l-​konsonanti jippermettu wkoll il-​kelma “wiżen.” B’hekk, Danjel qal lil Beltassar: “Teqel, intiżint fil-​miżien u kont misjub nieqes fil-​piż.” (Danjel 5:27) Għal Jehovah, ġnus sħaħ huma insinjifikanti bħal għabra trab fuq miżien. (Isaija 40:15) M’għandhomx il-​qawwa jgħawġu l-​iskopijiet tiegħu. Allura, sultan arroganti wieħed għal xiex setaʼ jammonta? Beltassar kien ipprova jeżalta lilu nnifsu fuq is-​Sovran taʼ l-​univers. Dan is-​sempliċi bniedem kien ażżarda jinsulta lil Jehovah u jirridikola lill-​qima pura imma kien ‘instab nieqes fil-​piż.’ Iva, Beltassar kien jimmeritah bis-​sħiħ il-​ġudizzju li kien riesaq bil-​ħeffa!

21. Il-​kelma “Parsin” kif kienet logħba tripla tal-​kliem, u din il-​kelma x’indikat għall-​futur taʼ Babilonja bħala qawwa dinjija?

21 L-​aħħar kelma fuq il-​ħajt kienet “Parsin.” Danjel qraha fil-​forma singulari, “PERES,” x’aktarx għaliex kien qed jindirizza lil sultan wieħed waqt li l-​ieħor kien assenti. Din il-​kelma kienet il-​quċċata tal-​ħaġa moħġaġa l-​kbira taʼ Jehovah b’logħba tripla tal-​kliem. Litteralment, il-​kelma “parsin” tfisser “nofs xekel.” Imma l-​ittri jippermettu wkoll żewġ tifsiriet oħrajn​—“qasmiet” u “Persjani.” Danjel b’hekk bassar: “PERES, inqasmet saltnatek u ngħatat lill-​Medi u lill-​Persjani.”​—Danjel 5:​28, Saydon.

22. Kif irreaġixxa Beltassar għas-​soluzzjoni tal-​ħaġa moħġaġa, u x’setgħet kienet it-​tama tiegħu?

22 B’hekk il-​ħaġa moħġaġa ssolviet. Babilonja s-​setgħana kienet waslet biex taqaʼ taħt idejn il-​qawwiet armati Medo-Persjani. Għalkemm avvilit b’din id-​dikjarazzjoni taʼ kundanna, Beltassar żamm kelmtu. Hu qabbad lill-​qaddejja tiegħu jlibbsu l-​porpra lil Danjel, ixiddulu kullana tad-​deheb, u jxandruh bħala t-​tielet ħakkiem fis-​saltna. (Danjel 5:29) Danjel ma rrifjutahomx dawn l-​unuri, billi rrikonoxxa li dawn irriflettew l-​unur mistħoqq lil Jehovah. M’għandniex xi ngħidu, Beltassar forsi ttama li jrattab il-​ġudizzju taʼ Jehovah billi jonora lill-​profeta Tiegħu. Jekk inhu hekk, dan sar tard wisq biex ikun effettiv.

IL-​WAQGĦA TAʼ BABILONJA

23. Liema profezija antika kienet qed titwettaq saħansitra waqt li l-​festa taʼ Beltassar kienet għadha sejra?

23 Saħansitra waqt li Beltassar u l-​kbarat tiegħu fis-​servizz irjali kienu qegħdin jixorbu bis-​saħħa taʼ l-​allat tagħhom u jirridikolaw lil Jehovah, sitwazzjoni drammatika ħafna kienet qed tiżvolġi fid-​dlam barra l-​palazz. Kienet qegħda titwettaq profezija mitkellma permezz taʼ Isaija kważi żewġ sekli qabel. Dwar Babilonja, Jehovah kien bassar: “Hawn jien biex insikket il-​krib” kaġunat minnha. Iva, kellha tintemm l-​oppressjoni tal-​poplu magħżul t’Alla kaġunata minn dik il-​belt mill-​agħar. B’liema mezzi? L-​istess profezija qalet: “Itlaʼ Għelam, assedja Medja!” Għelam kien sar parti mill-​Persja wara żmien il-​profeta Isaija. Sa żmien il-​festa taʼ Beltassar, li kienet tbassret ukoll fl-​istess profezija taʼ Isaija, il-​Persja u l-​Medja kienu tabilħaqq ngħaqdu flimkien biex ‘jitilgħu’ għal Babilonja u ‘jassedjawha.’—Isaija 21:​1, 2, 5, 6.

24. Il-​profezija taʼ Isaija kienet bassret liema dettalji rigward il-​waqgħa taʼ Babilonja?

24 Fil-​fatt, l-​istess isem tal-​mexxej taʼ dawn il-​qawwiet armati kien tbassar, kif ukoll il-​punti prinċipali taʼ l-​istrateġija tal-​battalja tiegħu. Xi 200 sena bil-​quddiem, Isaija kien ipprofetizza li Jehovah kien se jidlek lil wieħed jismu Ċiru biex jattakka lil Babilonja. Matul l-​attakki tiegħu, l-​ostakli kollha kellhom jitwittew quddiemu. L-​ilmijiet taʼ Babilonja kellhom ‘jinxfu,’ u l-​bibien setgħanin tagħha kellhom jitħallew miftuħin. (Isaija 44:27–45:3) U hekk ġara. L-​eżerċti taʼ Ċiru dawru x-​Xmara Ewfrat għal rotta oħra, u b’hekk baxxew il-​livell taʼ l-​ilma sabiex ikunu jistgħu jgħaddu minn fuq qiegħ ix-​xmara. Xi bibien fis-​sur taʼ Babilonja kienu tħallew miftuħin minn għassiesa traskurati. Bħalma jaqblu xi storjografi sekulari, l-​invażjoni tal-​belt saret waqt li l-​abitanti tagħha kienu qed jixxalaw. Babilonja ttieħdet bi ftit li xejn oppożizzjoni. (Ġeremija 51:30) Iżda, kien hemm għallinqas mewta waħda taʼ min jinnotaha. Danjel irrapporta: “Dak il-​lejl Beltassar, is-​sultan tal-​Kaldin, qatluh. U Dariju l-​Medi ħa s-​saltna meta kellu madwar tnejn u sittin sena.”​—Danjel 5:30; 6:1 [5:​30, 31, NW].

NITGĦALLMU MILL-​KITBA FUQ IL-​ĦAJT

25. (a) Babilonja tal-​qedem għala hi simbolu xieraq tas-​sistema globali taʼ reliġjon falza tal-​lum? (b) Il-​qaddejja t’Alla taʼ żmienna f’liema sens kienu miżmumin fil-​jasar f’Babilonja?

25 Ir-​rakkont imnebbaħ f’kapitlu 5 taʼ Danjel huwa sinjifikanti ferm għalina. Bħala ċentru taʼ prattiċi reliġjużi foloz, Babilonja tal-​qedem hija simbolu xieraq taʼ l-​imperu dinji taʼ reliġjon falza. Iffigurata f’Apokalissi bħala mara żienja għatxana għad-​demm, din it-​taħlita globali taʼ qerq tissejjaħ “Babilonja l-​Kbira.” (Apokalissi 17:5) Billi ma tatx kas tat-​twissijiet kollha dwar il-​prattiċi u d-​duttrini foloz tagħha li jiddiżonoraw lil Alla, hi ppersegwitat lil dawk li jippridkaw il-​verità tal-​Kelma t’Alla. Bħall-​abitanti taʼ Ġerusalemm u Ġuda tal-​qedem, il-​fdal leali taʼ Kristjani midlukin kienu effettivament eżiljati ġewwa “Babilonja l-​Kbira” meta l-​persekuzzjoni mqanqla mill-​kleru kważi waqqfet għalkollox ix-​xogħol taʼ l-​ippridkar tas-​Saltna fl-​1918.

26. (a) “Babilonja l-​Kbira” kif waqgħet fl-​1919? (b) Aħna nfusna liema twissija għandna nagħtu kasha u naqsmuha maʼ ħaddieħor?

26 Iżda, f’daqqa waħda “Babilonja l-​Kbira” waqgħet! M’għandniex xi ngħidu, din kienet prattikament waqgħa bla ħoss​—sewwa sew bħalma Babilonja tal-​qedem waqgħet kważi bla ħoss, fis-​sena 539 Q.E.K. Imma din il-​waqgħa figurattiva kienet devastanti xorta waħda. Din seħħet fl-​1919 E.K. meta l-​poplu taʼ Jehovah ġie liberat mill-​jasar Babiloniż u tbierek bl-​approvazzjoni divina. Dan temm il-​qawwa li “Babilonja l-​Kbira” kellha fuq il-​poplu t’Alla u mmarka l-​bidu tal-​kxif pubbliku tagħha bħala ingann li mhux taʼ min jafdah. Dik il-​waqgħa kienet bla fejqan, u l-​qerda finali tagħha hija imminenti. Il-​qaddejja taʼ Jehovah b’hekk qegħdin isemmgħu t-​twissija: “Oħorġu minnha, poplu tiegħi, biex ma jkollkomx x’taqsmu magħha fi dnubietha.” (Apokalissi 18:4) Tajt kasha int dik it-​twissija? Taqsamha int maʼ ħaddieħor?f

27, 28. (a) Liema verità vitali qatt ma nesa Danjel? (b) Liema evidenza għandna li Jehovah dalwaqt se jaġixxi kontra d-​dinja mill-​agħar tal-​lum?

27 Mela llum il-​kitba qegħda fuq il-​ħajt​—imma mhux għal “Babilonja l-​Kbira” biss. Ftakar verità vitali li hija ċentrali għall-​ktieb taʼ Danjel: Jehovah hu s-​Sovran Universali. Hu, u hu biss, għandu d-​dritt li jqiegħed ħakkiem fuq l-​umanità. (Danjel 4:​14, 22 [4:​17, 25, NW]; Danjel 5:21) Kwalunkwe ħaġa li topponi l-​iskopijiet taʼ Jehovah se titneħħa min-​nofs. Hija biss kwistjoni taʼ ftit żmien qabel ma Jehovah jaġixxi. (Ħabakkuk 2:3) Għal Danjel, dan iż-​żmien ġie finalment meta hu kellu fuq id-​disgħin sena. Dakinhar ra lil Jehovah jwarrab qawwa dinjija min-​nofs​—qawwa li kienet ilha taħqar lill-​poplu t’Alla minn mindu Danjel kien għadu naqra taʼ tifel.

28 Hemm provi li ħadd ma jistaʼ jiċħadhom li Alla Jehovah stabbilixxa Ħakkiem għall-​umanità fuq tron fis-​sema. Il-​fatt li d-​dinja injorat lil dan is-​Sultan u opponiet il-​kariga taʼ ħakkiem tiegħu huwa evidenza żgura li Jehovah dalwaqt se jeqred għalkollox lil dawk kollha li jopponu lill-​ħakma tas-​Saltna. (Salm 2:​1-11; 2 Pietru 3:​3-7) Qiegħed int taġixxi minħabba l-​urġenza taʼ żminijietna u tpoġġi l-​fiduċja tiegħek fis-​Saltna t’Alla? Jekk iva, int tassew tgħallimt mill-​kitba fuq il-​ħajt!

[Noti taʼ taħt]

a F’iskrizzjoni antika, is-​Sultan Ċiru qal dwar Beltassar: “Bniedem taʼ karattru dgħajjef inħatar bħala l-​[ħakkiem] taʼ pajjiżu.”

b Saħansitra dan id-​dettall mill-​aħjar tar-​rakkont taʼ Danjel wera li kien eżatt. Xi arkeoloġi sabu li l-​ħitan tal-​palazzi f’Babilonja antika kienu magħmulin minn ġebel miksi bil-​ġir.

c Is-superstizzjonijiet Babiloniżi x’aktarx li dan il-​miraklu għamluh iktar taʼ twerwir. Il-​ktieb Babylonian Life and History jinnota: “Minbarra l-​għadd taʼ allat li l-​Babiloniżi kienu jqimu, insibuhom ossessjonati ferm bit-​twemmin fl-​ispirti, u din l-​ossessjoni kienet tant estrema li t-​talb u s-​seħer kontra tagħhom jifformaw parti kbira ferm mil-​letteratura reliġjuża tagħhom.”

d Il-ġurnal Biblical Archaeology Review jinnota: “Esperti Babiloniżi kkatalogaw eluf taʼ sinjali taʼ tbassir. . . . Meta Beltassar esiġa li jkun jaf xi tfisser il-​kitba fuq il-​ħajt, l-​għorrief taʼ Babilonja, bla dubju, fittxew f’dawn l-​enċiklopediji dwar it-​tbassir. Imma dawn ma swewlhom xejn.”

e Xi lessikografi jinnotaw li l-​kelma wżata hawnhekk għal “tħawwdu” timplika kommozzjoni kbira, bħallikieku l-​folla ntefgħet f’konfużjoni sħiħa.

f Ara paġni 205-71 tal-​ktieb Revelation​—Its Grand Climax At Hand! (Rivelazzjoni​—Il-​Quċċata Grandjuża Tiegħu fil-​Qrib!), pubblikat mill-​Watchtower Bible and Tract Society of New York, Inc.

X’INNOTAJT?

• Il-​festa taʼ Beltassar kif ġiet interrotta fil-​lejl tal-​5/6 t’Ottubru, tas-​sena 539 Q.E.K.?

• X’kienet l-​interpretazzjoni tal-​kitba fuq il-​ħajt?

• Liema profezija dwar il-​waqgħa taʼ Babilonja kienet qed titwettaq waqt li l-​festa taʼ Beltassar kienet għadha sejra?

• Ir-​rakkont tal-​kitba fuq il-​ħajt liema tifsir għandu għal żmienna?

[Stampa taʼ paġna sħiħa f’paġna 98]

[Stampa taʼ paġna sħiħa f’paġna 103]

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja