Reġġent Kburi Jitlef Imperu
“IS-SULTAN Beltassar,” kiteb il-profeta Danjel, “għamel ikla kbira lil elf mill-kbarat tiegħu, u quddiem dawn l-elf qabad jixrob l-inbid.” Waqt l-ikla, madankollu, wiċċ is-sultan “tbiddel u ħsibijietu ħasduh, il-ġogi taʼ ġenbejh inħallu, u rkubbtejh bdew iħabbtu maʼ xulxin.” Qabel m’għadda l-lejl, “Beltassar, is-sultan tal-Kaldin, qatluh. U Dariju l-Medi ħa s-saltna.”—Danjel 5:1, 6, 30; 6:1 [Danjel 5:1, 6, 30, 31, NW].
Min kien Beltassar? Kif kien li ġie msejjaħ “is-sultan tal-Kaldin”? X’kienet sewwa sew il-pożizzjoni tiegħu fl-Imperu Neo-Babiloniż? Kif tilfu l-imperu?
Koreġġent jew Sultan?
Danjel jirreferi għal Nabukodonosor bħala missier Beltassar. (Danjel 5:2, 11, 18, 22) Madankollu, din ir-relazzjoni m’hijiex litterali. Il-ktieb Nabonidus and Belshazzar, taʼ Raymond P. Dougherty, jissuġġerixxi li forsi Nabukodonosor kien nannuh, missier ommu Nitocris. Jistaʼ jkun ukoll li Nabukodonosor, billi kien predeċessur irjali, kien sempliċement “missier” Beltassar fejn kellu x’jaqsam it-tron. (Qabbel Ġenesi 28:10, 13.) Kien x’kien il-każ, l-iskrizzjonijiet kunejformi fuq diversi ċilindri tal-fuħħar li nstabu fin-Nofsinhar taʼ l-Iraq matul is-seklu 19 jidentifikaw lil Beltassar bħala l-iben il-kbir taʼ Nabonidu, sultan taʼ Babilonja.
Ladarba r-rakkont taʼ Danjel kapitlu 5 jiffoka fuq il-ġrajjiet li seħħew fil-lejl tal-waqgħa taʼ Babilonja fis-sena 539 Q.E.K., dan imkien ma jsemmi kif lil Beltassar ngħatatlu awtorità rjali. Imma sorsi arkeoloġiċi jagħtuna ħjiel dwar ir-relazzjoni li kien hemm bejn Nabonidu u Beltassar. “It-test Babiloniż juri li Nabonidu kien ħakkiem eċċentriku,” jgħid Alan Millard, arkeologu u persuna t’awtorità fuq lingwi Semitiċi antiki. Millard iżid: “Fil-waqt li ma warrabx fil-ġenb lill-allat taʼ Babilonja, hu . . . ta attenzjoni konsiderevoli lill-alla tal-qamar f’żewġt ibliet oħrajn, Ur u Ħarran. Għal bosta snin waqt ir-renju tiegħu, Nabonidu lanqas biss għex f’Babilonja; minflok kien mar joqgħod fl-oasi mbiegħda taʼ Teima [jew, Tema] fit-Tramuntana taʼ l-Arabja.” Evidentement, Nabonidu qattaʼ l-biċċa l-kbira mill-perijodu tar-renju tiegħu ’l bogħod mill-kapitali, Babilonja. Matul l-assenzi tiegħu, Beltassar kien mogħti l-awtorità amministrattiva.
Dokument kunejformi deskritt bħala l-“Verse Account of Nabonidus” [Rakkont Vers Vers taʼ Nabonidu] jitfaʼ iktar dawl fuq il-pożizzjoni vera taʼ Beltassar, fejn jistqarr: “Hu [Nabonidu] fada l-‘Kamp’ f’idejn l-akbar (iben) tiegħu, l-ewwel imwieled, lit-truppi kullimkien fil-pajjiż ordnahom taħt il-(kmand) tiegħu. Telaq (kollox), [hu] fdalu l-pożizzjoni taʼ sultan.” B’hekk, Beltassar kien koreġġent.
Jistaʼ koreġġent, madankollu, jitqies bħala sultan? Statwa taʼ ħakkiem antik misjuba fit-Tramuntana tas-Sirja fis-snin 70 turi li ġie li kien hemm każi fejn ħakkiem ġie msejjaħ sultan meta, fil-fatt, dan kellu titlu iktar baxx. L-istatwa kienet taʼ ħakkiem taʼ Gożan u kienet imnaqqxa bl-Assirjan u bl-Aramajk. L-iskrizzjoni Assirjana sejħet lir-raġel gvernatur taʼ Gożan, imma l-iskrizzjoni Aramajka parallela sejħitlu sultan. Għalhekk, ma kinitx tkun xi ħaġa li qatt ma ġrat diġà li Beltassar jissejjaħ prinċep eredi fl-iskrizzjonijiet uffiċjali taʼ Babilonja, fil-waqt li fil-kitba Aramajka taʼ Danjel jissejjaħ sultan.
L-arranġament taʼ tmexxija bi sħab li kien hemm bejn Nabonidu u Beltassar kompla sat-tmiem taʼ l-Imperu Neo-Babiloniż. Propju f’dak il-lejl tal-waqgħa taʼ Babilonja, għaldaqstant, Beltassar offra lil Danjel li jagħmlu t-tielet ħakkiem fis-saltna, mhux it-tieni.—Danjel 5:16.
Reġġent Kunfidenti Żżejjed u Kburi
Il-ġrajjiet finali tal-ħakma taʼ Beltassar jindikaw li l-prinċep kien kunfidenti żżejjed fih innifsu u kburi. Meta ntemmet il-ħakma tiegħu fil-5 t’Ottubru, tas-sena 539 Q.E.K., Nabonidu kien mar isib kenn f’Borsippa, peress li kien għadu kemm sofra telfa mill-qawwiet Medo-Persjani. Babilonja nfisha kienet tinsab assedjata. Imma Beltassar tant ħassu protett fil-belt imdawra bi swar enormi li dik il-lejla stess, għamel “ikla kbira lil elf mill-kbarat tiegħu.” Erodotu, storjografu Grieg tal-ħames seklu Q.E.K., jgħid li ġewwa l-belt, in-nies “dakinhar kienu qegħdin jiżfnu, u jixxalaw.”
Barra mis-swar taʼ Babilonja, madankollu, l-armata Medo-Persjana kienet għassa. Taħt id-direzzjoni taʼ Ċiru, huma kienu biddlu r-rotta taʼ l-ilmijiet tax-Xmara Ewfrat, li kienet tgħaddi miċ-ċentru tal-belt. Il-gwerriera tiegħu kienu jinsabu għal-lest biex jgħaddu miċ-ċaflis taʼ qiegħ ix-xmara malli l-livell taʼ l-ilma jkun niżel biżżejjed. Kienu se jitilgħu mal-ġnub imżerżqin u jidħlu fil-belt mill-bibien kbar tar-ram miftuħin fis-sur taʼ biswit ix-xmara.
Li kieku Beltassar kien ta kas taʼ x’kien qiegħed jiġri barra mill-belt, imbagħad kien ikun jistaʼ jagħlaq il-kanċelli tar-ram, jordna lill-irġiel b’saħħithom li kellu biex jieħdu posthom fuq is-swar taʼ max-xmara, u jġib lill-għadu dahru mal-ħajt. Minflok, taħt l-effett taʼ l-inbid u b’mod arroganti, Beltassar ordna biex jinġibulu r-reċipjenti mit-tempju taʼ Jehovah. Imbagħad kemm hu u kemm il-mistednin, in-nisa, u l-konkubini tiegħu b’wiċċ sfiq xorbu minnhom huma u jfaħħru l-allat Babiloniżi. F’daqqa waħda, feġġet id b’mod mirakoluż u din bdiet tikteb fuq il-ħajt tal-palazz. Imwerwer bil-biżaʼ, Beltassar sejjaħ lill-irġiel għorrief tiegħu biex ifissrulu dak il-messaġġ. Imma dawn “ma kellhomx ħila jaqraw il-kitba lis-sultan jew ifissruhielu.” Fl-aħħar, “daħħlu lil Danjel quddiem is-sultan.” Taħt ispirazzjoni divina, il-profeta kuraġġuż taʼ Jehovah wera x’kien ifisser il-messaġġ mirakoluż, billi bassar il-waqgħa taʼ Babilonja f’idejn il-Medi u l-Persjani.—Danjel 5:2-28.
Il-Medi u l-Persjani ħatfu l-belt bla taħbit, u Beltassar kien diġà mejjet sa fil-għodu. Issa li kien mejjet, u billi Nabonidu evidentement kien ta ruħu f’idejn Ċiru, l-Imperu Neo-Babiloniż inġieb fi tmiemu.
[Stampa f’paġna 8]
Danjel ifisser il-messaġġ taʼġudizzju għall-Imperu Babiloniż