LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • be studju 5 p. 97-p. 100 para. 3
  • Pawsi Xierqa

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Pawsi Xierqa
  • Ibbenefika mill-Edukazzjoni tal-Iskola tal-Ministeru Teokratiku
  • Materjal Simili
  • Qari Eżatt
    Ibbenefika mill-Edukazzjoni tal-Iskola tal-Ministeru Teokratiku
  • Skritturi Moqrijin b’Enfasi Xierqa
    Ibbenefika mill-Edukazzjoni tal-Iskola tal-Ministeru Teokratiku
  • Taħdita Mogħtija b’Mod Fluwenti
    Ibbenefika mill-Edukazzjoni tal-Iskola tal-Ministeru Teokratiku
  • Aħseb Dwar l-Iktar Punti Importanti
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2024
Ara Iżjed
Ibbenefika mill-Edukazzjoni tal-Iskola tal-Ministeru Teokratiku
be studju 5 p. 97-p. 100 para. 3

STUDJU 5

Pawsi Xierqa

X’hemm bżonn tagħmel?

Ieqaf għalkollox meta jkun xieraq waqt li tagħti t-​taħdita tiegħek. Kultant, tistaʼ tagħmel pawsa qasira ħafna jew sempliċement tħalli leħnek jiġi fix-​xejn għal mument. Il-​pawsa tkun xierqa jekk tilħaq skop siewi.

Għala importanti?

L-​użu xieraq tal-​pawsi huwa fattur importanti għal diskors li jistaʼ jinftiehem faċilment. Ukoll, il-​pawsi jġiegħlu l-​punti importanti jispikkaw.

FIT-​TAĦDIT, pawsi fil-​ħin xieraq huma importanti. Dan hu minnu sew jekk qed tagħti xi taħdita u sew jekk qed titkellem maʼ persuna. Mingħajr dawn il-​pawsi, dak li jintqal jistaʼ jinstemaʼ bħal tlablib minflok bħala espressjoni ċara tal-​ħsieb. Pawsi xierqa jgħinu biex id-​diskors tiegħek ikun ċar. Jistgħu jintużaw ukoll b’mod li l-​punti prinċipali li jkollok iħallu effett dewwiemi.

Kif tistaʼ tiddeċiedi meta għandek tagħmel pawsa? Kemm għandhom ikunu twal il-​pawsi?

Pawsa għall-​Punteġġatura. Il-​punteġġatura saret parti importanti mil-​lingwa miktuba. Din tistaʼ tindika t-​tmiem taʼ stqarrija jew mistoqsija. F’xi lingwi tintuża biex tibda kwotazzjoni. Xi punteġġatura tindika rabta bejn parti taʼ sentenza maʼ partijiet oħrajn. Individwu li jaqra bejnu u bejn ruħu jistaʼ jara l-​marki tal-​punteġġatura. Iżda meta jaqra b’leħen għoli għall-​benefiċċju taʼ oħrajn, leħnu għandu jwassal it-​tifsira taʼ kwalunkwe punteġġatura li tidher fil-​materjal miktub. (Għal iktar dettalji, ara Studju 1, “Qari Eżatt.”) Jekk ma tagħmilx pawsa meta l-​punteġġatura tirrikjedi dan, jistaʼ jkun diffiċli għal oħrajn biex jifhmu dak li tkun qed taqra jew saħansitra jistaʼ jwassal biex tibdel it-​tifsira tal-​materjal.

Flimkien mal-​punteġġatura, il-​mod kif jiġu espressi l-​ħsibijiet f’sentenza se jiddetermina fejn ikun xieraq li jsiru l-​pawsi. Mużiċist famuż darba qal: “In-​noti ndoqqhom bħal kull pjanista ieħor. Imma l-​arti—iva, l-​arti qiegħda fil-​pawsi bejn in-​noti.” Huwa simili meta nitkellmu. Użu xieraq tal-​pawsi se jżid mas-​sbuħija u t-​tifsir tal-​materjal li għandek preparat sew.

Meta tipprepara biex taqra fil-​pubbliku, għandek mnejn issibha taʼ għajnuna li timmarka l-​materjal stampat li se taqra minnu. Agħmel linja żgħira vertikali fejn trid tagħmel pawsa qasira. Agħmel żewġ linji vertikali qrib xulxin għal pawsa itwal. Jekk issib li ċertu mod kif jitqiegħed il-​kliem huwa stramb għalik u tagħmel pawsi b’mod ripetut fil-​post żbaljat, agħmel xi marki bil-​lapes sabiex torbot flimkien il-​kliem kollu li jagħmel il-​frażi diffiċli. Imbagħad aqra l-​frażi mill-​bidu sat-​tmiem. Ħafna kelliema tal-​esperjenza jagħmlu dan.

Il-​pawsi fit-​taħdit taʼ kuljum ġeneralment ma joħolqux problema minħabba li taf l-​ideat li trid twassal. Madankollu, jekk għandek vizzju tagħmel pawsi f’intervalli regulari, hu x’inhu dak li jeħtieġ il-​ħsieb, id-​diskors tiegħek se jkun nieqes mill-​qawwa u ċ-​ċarezza. Suġġerimenti kif tistaʼ titjieb jinsabu fi Studju 4, “Taħdita Mogħtija b’Mod Fluwenti.”

Pawsa Għal Bidla fil-​Ħsieb. Meta tkun qed taqleb minn punt prinċipali għal ieħor, pawsa tistaʼ tagħti lill-​udjenza tiegħek l-​opportunità li tirrifletti, li tadatta ruħha, li tirrikonoxxi l-​bidla fil-​ħsieb, u li tifhem iktar ċar il-​ħsieb li jkun imiss. Hu importanti li tagħmel pawsa meta taqleb minn ħsieb għal ieħor daqskemm hu importanti li tnaqqas il-​veloċità meta ddur kantuniera minn triq għal oħra.

Raġuni waħda għala xi kelliema jgħaddu minn ħsieb għal ieħor bl-​għaġla mingħajr ma jagħmlu pawsa hi li jipprovaw ikopru wisq materjal. Għal xi wħud, il-​vizzju jirrifletti l-​mod kif jitkellmu fil-​ħajja taʼ kuljum. Jistaʼ jagħti l-​każ li n-​nies kollha taʼ madwarhom jitkellmu bl-​istess mod. Iżda dan ma jipproduċix tagħlim effettiv. Jekk għandek xi ħaġa x’tgħid li hi taʼ min jismagħha u taʼ min jiftakarha, mela ħu biżżejjed ħin biex tagħmel il-​ħsieb jispikka b’mod ċar. Kun af li l-​pawsi huma essenzjali fit-​taħdit li jwassal il-​ħsibijiet b’mod ċar.

Jekk se tagħti taħdita bl-​użu taʼ outline, il-​materjal tiegħek għandu jkun organizzat b’mod li jkun ovvju fejn għandek tagħmel pawsa bejn il-​punti prinċipali. Jekk tkun se taqra manuskritt, immarka fejn ikun hemm bidla minn punt prinċipali għal ieħor.

Pawsi għal bidla fil-​ħsieb ġeneralment ikunu itwal mill-​pawsi għall-​punteġġatura—madankollu, mhux daqshekk twal li jagħmlu t-​taħdita tkarkar. Jekk ikunu twal wisq jagħtu l-​impressjoni li m’intix preparat sew u li qed tipprova tara x’se tgħid.

Pawsa għall-​Enfasi. Pawsa għall-​enfasi spiss hija waħda drammatika, jiġifieri, waħda li tiġi qabel jew wara xi stqarrija jew mistoqsija li ssir b’ċertu ammont taʼ intensità. Pawsa bħal din tagħti lill-​udjenza l-​opportunità li tirrifletti fuq dak li jkun għadu kemm intqal, jew toħloq antiċipazzjoni għal dak li jkun ġej. Dawn mhumiex l-​istess. Ara liema huwa l-​iktar metodu xieraq li tistaʼ tuża. Iżda żomm f’moħħok li l-​pawsi għall-​enfasi għandhom ikunu limitati għal stqarrijiet tassew sinifikanti. Inkella, il-​valur taʼ dawn l-​istqarrijiet se jintilef.

Meta Ġesù qara mill-​Iskrittura b’leħen għoli fis-​sinagoga taʼ Nazaret, hu għamel użu effettiv mill-​pawsi. L-​ewwel, hu qara dwar l-​inkarigu tiegħu mir-​romblu tal-​profeta Isaija. Madankollu, qabel ma applikah, hu gerbeb ir-​romblu, newlu lura lill-​qaddej, u qagħad bilqiegħda. Imbagħad, bl-​għajnejn taʼ dawk kollha fis-​sinagoga msammrin fuqu, hu qal: “Illum twettqet din l-​iskrittura li għadkom kemm smajtu.”—Lq. 4:16-​21.

Pawsa Meta ċ-​Ċirkustanzi Jeħtiġuha. Kultant l-​interruzzjonijiet jistgħu wkoll jeħtieġu li tagħmel pawsa fit-​taħdit tiegħek. Il-​ħsejjes tat-​traffiku jew taʼ xi tarbija tibki jistgħu jeħtieġu waqfa fil-​konversazzjoni maʼ inkwilin li tkun iltqajt miegħu fil-​ministeru tal-​għalqa. Jekk l-​interruzzjoni f’post taʼ laqgħa ma tkunx kbira wisq, forsi tkun tistaʼ tgħolli ftit leħnek u tkompli. Iżda jekk l-​interruzzjoni tkun qawwija u ddum għaddejja, għandek tieqaf. L-​udjenza tiegħek xorta ma tkunx qed tagħti widen. Għalhekk, uża l-​pawsi b’mod effettiv, bil-​motiv li tgħin lill-​udjenza tiegħek tikseb il-​benefiċċju sħiħ mill-​affarijiet tajbin li trid tgħidilhom.

Pawsa Biex Tagħti Ċans Għal Tweġiba. Għalkemm forsi tkun qed tagħti taħdita mingħajr parteċipazzjoni formali tal-​udjenza, huwa importanti li tippermetti lil dawk fl-​udjenza jwieġbu f’qalbhom minflok b’leħen għoli. Jekk tqajjem mistoqsijiet li għandhom iġiegħlu lill-​udjenza tiegħek taħseb iżda mbagħad ma tagħmilx pawsa twila biżżejjed, ħafna mill-​valur taʼ dawk il-​mistoqsijiet se jintilef.

M’għandniex xi ngħidu, huwa importanti li tagħmel pawsa mhux biss meta tkun qed titkellem minn fuq il-​platform iżda anki meta tagħti xhieda lil oħrajn. Xi nies donnhom qatt ma jagħmlu pawsa. Jekk din hi l-​problema tiegħek, stinka biex tikkultiva din il-​kwalità tad-​diskors. Se ttejjeb il-​komunikazzjoni tiegħek mal-​oħrajn kif ukoll l-​effettività fil-​ministeru tal-​għalqa. Pawsa hija mument taʼ skiet, u bir-​raġun jingħad li s-​skiet idaħħal il-​punteġġatura, jenfasizza, jitlob attenzjoni, u jdoqq għall-​widna.

Il-​konversazzjonijiet taʼ kuljum jinvolvu tnejn min-​nies jew iktar li jaqsmu l-​ħsibijiet tagħhom flimkien. In-​nies ikunu iktar inklinati li jisimgħuk meta tismaʼ lilhom u turi interess f’dak li jgħidu. Dan jirrikjedi li tagħmel pawsi twal biżżejjed biex tagħtihom ċans jesprimu ruħhom.

Fil-​ministeru tal-​għalqa, l-​għoti taʼ xhieda tagħna spiss ikun iktar effettiv meta jsir f’għamla taʼ konversazzjoni. Wara tislima, ħafna Xhieda jsibu li jkunu iktar effettivi meta jintroduċu s-​suġġett tagħhom u mbagħad iqajmu mistoqsija. Huma jagħmlu pawsa biex jagħtu ċans lill-​persuna l-​oħra twieġeb, u mbagħad juru li fehmu dak li qal l-​inkwilin. Matul id-​diskussjoni, jistgħu jagħtu lill-​inkwilin diversi opportunitajiet biex jikkummenta. Huma jafu li fil-​biċċa l-​kbira jistgħu jagħmlu iktar biex jgħinu individwu jekk ikunu jafu l-​ħarsa tiegħu rigward il-​kwistjoni li tkun qed tiġi diskussa.—Prov. 20:5.

M’għandniex xi ngħidu, mhux kulħadd se jwieġeb b’mod favorevoli għall-​mistoqsijiet. Iżda dan ma waqqafx lil Ġesù milli jagħmel pawsi twal biżżejjed biex jagħti ċans jitkellmu saħansitra lil dawk li opponewh. (Mk. 3:1-​5) Meta tippermetti lill-​individwu l-​ieħor jitkellem tkun qed tinkuraġġih jaħseb, u b’hekk ikun jistaʼ juri x’hemm f’qalbu. Wieħed mill-​iskopijiet tal-​ministeru tagħna, fil-​fatt, hu li nqanqlu l-​qalb billi lin-​nies nippreżentawlhom kwistjonijiet vitali mill-​Kelma taʼ Alla li fuqhom iridu jieħdu deċiżjonijiet.—Ebr. 4:12.

L-​użu taʼ pawsi xierqa fil-​ministeru tagħna huwa tassew arti. Meta l-​pawsi jintużaw b’mod effettiv, l-​ideat jitwasslu b’iktar ċarezza u spiss jiġu miftakrin għal żmien twil.

KIF TAGĦMEL DAN

  • Agħti attenzjoni speċjali għall-​punteġġatura meta tkun qed taqra b’leħen għoli.

  • Agħti widen b’attenzjoni għal kelliema kwalifikati sew, u osserva fejn jagħmlu pawsi u għal kemm ħin.

  • Wara li tgħid xi ħaġa li tassew trid li oħrajn jiftakruha, agħmel pawsa biex jifhmuha sew.

  • Fil-​konversazzjonijiet, stieden lil oħrajn biex jesprimu l-​ħsibijiet tagħhom, u mbagħad agħti widen għat-​tweġiba tagħhom. Ħallihom jispiċċaw. Taqbiżx fin-​nofs.

TAĦRIĠ: Aqra Marku 9:1-​13 b’leħen għoli; ħu pawsa xierqa minħabba d-​diversi marki tal-​punteġġatura. Tħallix il-​qari jkarkar. Wara li tkun ipprattikajt, itlob lil xi ħadd joqgħod jisimgħek u jagħtik xi suġġerimenti sabiex ittejjeb il-​pawsi.

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja