STUDJU 21
Skritturi Moqrijin b’Enfasi Xierqa
META titkellem maʼ oħrajn dwar l-iskopijiet taʼ Alla, sew jekk fil-privat u sew jekk minn fuq il-platform, id-diskussjoni tiegħek għandha tiffoka fuq dak li hemm fil-Kelma taʼ Alla. Dan ġeneralment jinvolvi l-qari taʼ skritturi mill-Bibbja li għandu jsir sewwa.
Enfasi Xierqa Tinvolvi s-Sentiment. L-iskritturi għandhom jinqraw b’sentiment. Ikkunsidra xi eżempji. Meta taqra b’leħen għoli Salm 37:11, il-vuċi tiegħek għandha turi li qed tistenna bil-ferħ il-paċi li tiġi mwiegħda hawn. Meta taqra Rivelazzjoni 21:4 rigward it-tmiem tat-tbatija u l-mewt, leħnek għandu jirrifletti apprezzament mill-qalb għas-serħan meraviljuż li qed jiġi mbassar. Rivelazzjoni 18:2, 4, 5, bl-appell tagħha biex noħorġu minn “Babilonja l-Kbira,” il-belt miżgħuda bid-dnubiet, għandha tinqara b’ton taʼ urġenza. M’għandniex xi ngħidu, is-sentiment għandu jiġi mill-qalb iżda ma jkunx esaġerat. Il-vers innifsu u l-mod kif jintuża jiddeterminaw l-ammont xieraq taʼ emozzjoni.
Enfasizza l-Kliem it-Tajjeb. Jekk il-kummenti tiegħek fuq ċertu vers huma mibnijin madwar biċċa minnu biss, għandek tenfasizza din il-biċċa meta taqra l-vers. Pereżempju, meta taqra Mattew 6:33, ma tpoġġix l-enfasi primarja fuq “is-sewwa tiegħu” jew fuq “dawn l-affarijiet l-oħrajn kollha” jekk bi ħsiebek tanalizza x’inhu t-tifsir taʼ “ibqgħu fittxu l-ewwel is-saltna.”
F’taħdita fil-Laqgħa tas-Servizz tistaʼ tippjana li taqra Mattew 28:19. Liema kliem għandek tenfasizza? Jekk trid tħeġġeġ l-udjenza biex tħabrek ħalli tibda studji tal-Bibbja fid-djar, enfasizza “agħmlu dixxipli.” Mill-banda l-oħra, jekk tippjana li tiddiskuti r-responsabbiltà Kristjana li naqsmu veritajiet Bibliċi maʼ komunità taʼ immigranti jew jekk trid tinkuraġġixxi ċerti pubblikaturi biex jaqdu fejn il-bżonn hu akbar, tistaʼ forsi tenfasizza “nies tal-ġnus kollha.”
Spiss, skrittura tiġi preżentata bħala tweġiba għal mistoqsija jew biex tappoġġa argument li oħrajn iqisuh kontroversjali. Jekk kull ħsieb espress fil-vers jiġi enfasizzat indaqs, l-udjenza li għandek tistaʼ ma tarax kif jintrabat mal-punt tiegħek. Il-punt jistaʼ jkun ovvju għalik imma mhux għalihom.
Pereżempju, meta taqra Salm 83:18 minn Bibbja li fiha l-isem divin, jekk tpoġġi l-enfasi kollha fuq l-espressjoni “l-Iktar Għoli,” l-inkwilin jistaʼ ma jifhimx il-fatt li jidher ovvju li Alla għandu isem persunali. Għandek tenfasizza l-isem “Ġeħova.” Madankollu, meta tuża l-istess skrittura f’diskussjoni dwar is-sovranità taʼ Ġeħova, għandek tpoġġi enfasi primarja fuq l-espressjoni “l-Iktar Għoli.” Bl-istess mod, jekk tuża Ġakbu 2:24 biex turi kemm hu importanti li l-fidi nappoġġawha bl-għemejjel, tistaʼ ġġiegħel li xi wħud li jisimgħuk jonqsu li jifhmu l-punt jekk tpoġġi enfasi primarja fuq “dikjarat ġust” minflok fuq “għemejjel.”
Eżempju ieħor taʼ għajnuna jistaʼ jinstab f’Rumani 15:7-13. Din hi parti minn ittra miktuba mill-appostlu Pawlu lil kongregazzjoni magħmula kemm minn Ġentili kif ukoll minn Lhud naturali. Hawnhekk l-appostlu jirraġuna dwar li l-ministeru taʼ Kristu hu taʼ benefiċċju mhux biss għal-Lhud ċirkonċiżi iżda anki għan-nies tal-ġnus sabiex “il-ġnus jigglorifikaw lil Alla għall-ħniena tiegħu.” Imbagħad Pawlu kkwota erbaʼ skritturi u ġibed l-attenzjoni lejn din l-opportunità għall-ġnus. Kif għandek taqra dawn il-kwotazzjonijiet sabiex tenfasizza l-punt li Pawlu kellu f’moħħu? Jekk qed timmarka espressjonijiet li tridhom jispikkaw, tistaʼ tenfasizza “l-ġnus” f’vers 9, “O ġnus” f’vers 10, “il-ġnus kollha” u “l-popli kollha” f’vers 11, u “l-ġnus” f’vers 12. Ipprova aqra Rumani 15:7-13 b’din l-enfasi. Int u tagħmel dan, l-irraġunar kollu kemm hu taʼ Pawlu se jsir iktar ċar u iktar faċli biex jinftiehem.
Metodi taʼ Kif Tenfasizza. Il-kliem li jġorr il-ħsieb u li tixtiequ jispikka jistaʼ jiġi enfasizzat b’diversi modi. Il-mezz li tuża għandu jkun fi qbil mal-iskrittura u s-sitwazzjoni tat-taħdita. Hawn ġejjin xi ftit suġġerimenti.
Enfasi bil-leħen. Dan jinvolvi kwalunkwe bidla fil-leħen li ġġiegħel il-kliem li jġorr il-ħsieb jispikka mill-bqija tas-sentenza. L-enfasi tistaʼ tagħmilha billi tgħolli jew tbaxxi l-leħen. F’ħafna lingwi, bidla fit-ton iżżid l-enfasi. Madankollu, f’xi lingwi, dan jistaʼ jbiddel it-tifsira għalkollox. Meta jintuża pass iktar bil-mod għall-espressjonijiet prinċipali, dan jagħmilhom iktar importanti. F’lingwi li ma jippermettux l-enfasi bil-leħen bħala mezz li jenfasizza ċertu kliem, ikun neċessarju li tagħmel dak li hu komuni f’dik il-lingwa sabiex tikseb ir-riżultati mixtiqin.
Pawsi. Dawn jistgħu jsiru qabel jew wara li taqra s-silta prinċipali taʼ skrittura—jew it-tnejn. Pawsa eżatt qabel ma taqra ħsieb prinċipali toħloq antiċipazzjoni; pawsa wara tagħmel l-impressjoni iktar profonda. Madankollu, jekk ikun hemm wisq pawsi, xejn ma jispikka.
Ripetizzjoni. Tistaʼ tpoġġi enfasi fuq punt partikulari billi tinterrompi lilek innifsek u terġaʼ taqra l-kelma jew il-frażi. Spiss metodu aħjar hu li tlesti l-vers u mbagħad tirripeti l-espressjoni prinċipali.
Ġesti. Il-movimenti tal-ġisem kif ukoll l-espressjoni tal-wiċċ spiss jistgħu jżidu l-emozzjoni lil kelma jew frażi.
Ton tal-leħen. F’xi lingwi, il-kliem jistaʼ kultant jinqara b’ton li jinfluwenza t-tifsira tiegħu u jagħmlu jispikka. Hawnhekk ukoll, għandu jintuża l-għaqal, speċjalment meta jintuża s-sarkażmu.
Meta Oħrajn Jaqraw il-Versi. Meta inkwilin jaqra skrittura, għandu mnejn jenfasizza l-kliem il-ħażin jew ma jenfasizza xejn. X’tistaʼ tagħmel imbagħad? Ġeneralment ikun aħjar li tagħmel it-tifsira ċara billi turi kif japplikaw il-versi. Wara dan tistaʼ tiffoka l-attenzjoni speċjali direttament fuq il-kliem mill-Bibbja li jġorr il-ħsieb.