STUDJU 7
Enfasi fuq l-Ideat Prinċipali
QARREJ effettiv jara iżjed minn sempliċi sentenza individwali, saħansitra iżjed mill-paragrafu li fih tidher. Meta jaqra, hu jkollu f’moħħu l-ideat prinċipali fil-materjal kollu li jkun qed jippreżenta. Dan jinfluwenza l-għażla tiegħu taʼ fejn se jpoġġi l-enfasi.
Jekk dan il-proċess ma jsirx, ma jkunx hemm punti li jispikkaw fit-taħdita. Xejn ma se jiġi enfasizzat iktar mill-kumplament. Meta l-preżentazzjoni tiġi fi tmiemha, jistaʼ jkun diffiċli li tiftakar xi ħaġa bħala li spikkat.
L-attenzjoni xierqa biex tenfasizza l-ideat prinċipali spiss tistaʼ ttejjeb bil-kbir il-qari taʼ xi rakkont mill-Bibbja. Enfasi bħal din tistaʼ tagħti iktar sinifikat lill-qari tal-paragrafi fi studju tal-Bibbja fid-dar jew f’laqgħa tal-kongregazzjoni. U huwa importanti b’mod speċjali meta tagħti taħdita minn manuskritt, bħalma jsir kultant fil-konvenzjonijiet tagħna.
Kif Tagħmilha. Fl-iskola, int tistaʼ tiġi inkarigat biex taqra silta mill-Bibbja. X’għandu jiġi enfasizzat? Jekk hemm xi idea ċentrali jew ġrajja importanti li dwarha ġie żviluppat il-materjal li tkun qed taqra, ikun xieraq li tagħmilha tispikka.
Sew jekk xi silta li se taqra tkun poeżija jew proża, proverbji jew rakkont, l-udjenza li għandek se tibbenefika jekk taqraha tajjeb. (2 Tim. 3:16, 17) Sabiex tagħmel dan trid tikkunsidra s-siltiet li tkun se taqra kif ukoll l-udjenza.
Jekk se taqra b’leħen għoli minn pubblikazzjoni waqt studju tal-Bibbja jew f’laqgħa tal-kongregazzjoni, x’inhuma l-ideat prinċipali li għandek bżonn tenfasizza? Qis it-tweġibiet għall-mistoqsijiet tal-istudju bħala l-ideat prinċipali. Ukoll, enfasizza l-ħsibijiet li huma konnessi mas-sottitlu miktub b’ittri skuri li taħtu jidher il-materjal.
Ikun aħjar li ma tiħodhiex drawwa li tuża manuskritt f’taħditiet mogħtijin fil-kongregazzjoni. Madankollu, kultant il-manuskritti jiġu provduti għal ċerti taħditiet tal-konvenzjoni sabiex l-istess ħsibijiet jiġu preżentati bl-istess mod f’kull konvenzjoni. Sabiex jenfasizza l-ideat prinċipali f’manuskritt bħal dan, il-kelliemi l-ewwel għandu janalizza l-materjal bir-reqqa. X’inhuma l-punti prinċipali? Hu għandu jkun kapaċi jagħrafhom. Il-punti prinċipali mhumiex sempliċi ideat li jħoss li huma interessanti. Dawn huma l-ħsibijiet ewlenin li madwarhom jiġi żviluppat il-materjal. Kultant stqarrija qasira taʼ idea prinċipali fil-manuskritt tintroduċi rakkont jew argument. Iktar spiss, stqarrija qawwija ssir wara li tkun ġiet preżentata l-evidenza. Meta dawn il-punti ewlenin ikunu ġew identifikati, il-kelliemi għandu jimmarkahom fil-manuskritt tiegħu. Normalment ikun hemm biss ftit, x’aktarx mhux iktar minn erbaʼ jew ħames punti. Imbagħad, għandu bżonn jipprattika l-qari b’mod li jkun faċli għall-udjenza biex tidentifikahom. Dawn huma l-quċċati tat-taħdita. Jekk il-materjal jingħata b’enfasi xierqa, dawn l-ideat prinċipali x’aktarx li iktar se jiġu miftakrin. Dan għandu jkun l-għan tal-kelliemi.
Hemm diversi modi li bihom kelliemi jistaʼ juri l-enfasi li hemm bżonn sabiex jgħin lill-udjenza tidentifika l-punti prinċipali. Hu jistaʼ juża iżjed entużjażmu, bidla fil-pass, ammont taʼ sentiment profond, jew ġesti xierqa, biex insemmu biss ftit.