LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • be studju 20 p. 147-p. 149 para. 3
  • Skritturi Introdotti b’Mod Effettiv

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Skritturi Introdotti b’Mod Effettiv
  • Ibbenefika mill-Edukazzjoni tal-Iskola tal-Ministeru Teokratiku
  • Materjal Simili
  • L-Użu tal-Bibbja Inkuraġġit
    Ibbenefika mill-Edukazzjoni tal-Iskola tal-Ministeru Teokratiku
  • Introduzzjoni li Tqajjem Interess
    Ibbenefika mill-Edukazzjoni tal-Iskola tal-Ministeru Teokratiku
  • Skritturi introdotti b’mod xieraq
    Irsisti fil-qari u t-tagħlim
  • Informattiva għall-​Udjenza Tiegħek
    Ibbenefika mill-Edukazzjoni tal-Iskola tal-Ministeru Teokratiku
Ara Iżjed
Ibbenefika mill-Edukazzjoni tal-Iskola tal-Ministeru Teokratiku
be studju 20 p. 147-p. 149 para. 3

STUDJU 20

Skritturi Introdotti b’Mod Effettiv

X’hemm bżonn tagħmel?

Ħejji l-​imħuħ tas-​semmiegħa tiegħek qabel taqra xi skrittura.

Għala importanti?

Introduzzjoni effettiva taʼ skrittura tistaʼ tgħin lill-​udjenza tiegħek tifhem it-​tifsir veru taʼ dak li jgħid il-​vers.

L-​ISKRITTURA tipprovdi l-​bażi għall-​istruzzjoni mogħtija fil-​laqgħat tal-​kongregazzjoni. Il-​versi Bibliċi huma wkoll punti prinċipali f’dak li ngħidu fil-​ministeru tal-​għalqa. Madankollu, kemm dawn jikkontribwixxu għad-​diskussjoni tagħna jiddependi xi ftit minn kemm jiġu introdotti b’mod effettiv.

Jeħtieġ iktar milli sempliċement tirreferi għall-​iskrittura u tistieden lil xi ħadd jaqraha miegħek. Meta tintroduċi skrittura, stinka biex twettaq żewġ miri: (1) Qajjem l-​interess, u (2) iffoka l-​attenzjoni fuq ir-​raġuni għala qed tuża l-​vers. Dawn il-​miri jistgħu jintlaħqu b’diversi modi.

Staqsi Mistoqsija. Dan hu l-​iktar effettiv jekk it-​tweġiba ma tkunx diġà ovvja għall-​udjenza. Stinka biex tpoġġi l-​mistoqsija b’mod li ġġiegħel lin-​nies jaħsbu. Ġesù hekk għamel. Meta l-​Fariżej resqu quddiemu fit-​tempju u ttestjaw quddiem kulħadd il-​fehma tiegħu tal-​Iskrittura, Ġesù staqsiehom: “X’taħsbu intom dwar il-​Kristu? Bin min hu?” Qalulu: “Bin David.” Imbagħad Ġesù staqsiehom: “Allura David, b’ispirazzjoni, kif isejjaħlu ‘Mulej’?” U wara dan kompla billi kkwota Salm 110:1. Il-​Fariżej immutaw. Madankollu, il-​folla ħadet gost tismaʼ lil Ġesù.—Mt. 22:41-​46.

Fil-​ministeru tal-​għalqa għandek mnejn tuża mistoqsijiet taʼ introduzzjoni bħal dawn: “Jien u int għandna isem persunali. Alla għandu isem persunali? Nistgħu nsibu t-​tweġiba f’​Salm 83:18.” “Qatt se jkun hemm gvern wieħed għall-​umanità kollha? Innota kif dan jiġi mwieġeb f’​Danjel 2:44.” “Tassew li l-​Bibbja titkellem dwar kundizzjonijiet li jeżistu fi żmienna? Qabbel dak li hemm miktub fit-​2 Timotju 3:1-​5 mal-​kundizzjonijiet li taf bihom int.” “Qatt se jkun hemm tmiem għat-​tbatija u l-​mewt? It-​tweġiba mill-​Bibbja qiegħda f’​Rivelazzjoni 21:4, 5.”

F’taħdita, l-​użu bir-​reqqa tal-​mistoqsijiet biex tintroduċi skritturi jistaʼ jqanqal lil dawk fl-​udjenza tiegħek iħarsu mill-​ġdid lejn il-​versi, anki dawk familjari magħhom. Iżda se jagħmlu hekk? Dan jistaʼ jiddependi minn jekk il-​mistoqsijiet li tqajjem ikunux taʼ interess ġenwin għalihom jew le. Anki meta s-​suġġett ikun taʼ interess għal dawk fl-​udjenza, moħħhom jistaʼ jiġi aljenat meta tkun qed taqra versi li setgħu semgħu ħafna drabi. Sabiex tevita li dan jiġri, ikollok bżonn taħseb biżżejjed fuq il-​kwistjoni biex il-​preżentazzjoni tiegħek tiġbed l-​attenzjoni.

Semmi Problema. Għandek mnejn tippreżenta problema u mbagħad tidderieġi l-​attenzjoni lejn skrittura li għandha x’taqsam mas-​soluzzjoni. Iġġegħelx lill-​udjenza taħseb li se tagħtiha s-​soluzzjoni kollha. Spiss skrittura tipprovdi parti biss mis-​soluzzjoni. Madankollu, forsi tistaqsi lill-​udjenza biex waqt li int qed taqra l-​vers hi tikkunsidra liema gwida jagħti biex tkampa mas-​sitwazzjoni.

B’mod simili, tistaʼ forsi ssemmi prinċipju taʼ kondotta divina u mbagħad tuża rakkont Bibliku biex turi kemm hu għaqli li nsegwuh. Jekk skrittura jkun fiha żewġ punti speċifiċi (jew forsi iktar) relatati maʼ dak li qed jiġi diskuss, xi kelliema jistaqsu lill-​udjenza biex joqogħdu attenti għalihom. Jekk problema tidher li hi diffiċli wisq għal udjenza partikulari, tistaʼ tqanqal il-​ħsieb billi tippreżenta diversi possibbiltajiet u mbagħad tħalli l-​vers u l-​applikar tiegħu jipprovdu t-​tweġiba.

Irreferi għall-​Bibbja Bħala l-​Awtorità. Jekk diġà qajjimt l-​interess fis-​suġġett tiegħek u semmejt ħarsa waħda jew iktar fuq xi aspett minnu, forsi tintroduċi skrittura billi sempliċement tgħid: “Innota x’tgħid il-​Kelma taʼ Alla dwar dan il-​punt.” Dan juri għala l-​materjal li se taqra għandu l-​awtorità.

Ġeħova uża rġiel bħal Ġwanni, Luqa, Pawlu, u Pietru biex jiktbu siltiet mill-​Bibbja. Iżda dawn kienu biss kittieba; Ġeħova hu l-​Awtur. Speċjalment meta titkellem maʼ nies li mhumiex studenti tal-​Iskrittura Mqaddsa, li tintroduċi vers billi tgħid “Pietru kiteb” jew “Pawlu qal” jistaʼ ma jkollux l-​istess qawwa daqs introduzzjoni li tidentifika l-​vers bħala l-​kelma taʼ Alla. Taʼ min jinnota li xi drabi, Ġeħova istruwixxa lil Ġeremija biex jintroduċi proklamazzjonijiet billi jgħid: “Isimgħu l-​kelma taʼ Ġeħova.” (Ġer. 7:2; 17:20; 19:3; 22:2) Sew jekk nużaw l-​isem taʼ Ġeħova biex nintroduċu l-​iskritturi u sew jekk le, qabel nikkonkludu d-​diskussjoni tagħna għandna nistinkaw biex niġbdu l-​attenzjoni li dak li hemm fil-​Bibbja hu l-​kelma tiegħu.

Ikkunsidra l-​Kuntest. Għandek tkun konxju tal-​kuntest meta tiddeċiedi kif se tintroduċi skrittura. F’xi każi int se ssemmi direttament il-​kuntest; madankollu, il-​kuntest jistaʼ jinfluwenza dak li tgħid b’modi oħrajn. Pereżempju, int kieku tintroduċi l-​kliem taʼ Ġob li kellu l-​biżaʼ taʼ Alla bl-​istess mod li tintroduċi stqarrija li saret mill-​farraġa foloz tiegħu? Il-​ktieb tal-​Atti nkiteb minn Luqa, iżda hu jikkwota, fost l-​oħrajn, lil Ġakbu, Pietru, Pawlu, Filippu, Stiefnu, u l-​anġli, kif ukoll lil Gamaljel, u Lhud oħrajn li ma kinux Kristjani. Min se tgħid li qal il-​kliem tal-​vers li tikkwota? Ftakar, pereżempju, li mhux is-​salmi kollha kienu komponuti minn David u mhux il-​ktieb kollu tal-​Proverbji kien miktub minn Salamun. Huwa wkoll taʼ benefiċċju li nkunu nafu min qed jiġi indirizzat mill-​kittieb Bibliku u liema suġġett ġenerali kien qed jiġi diskuss.

Uża Informazzjoni Oħra. Dan hu effettiv b’mod speċjali jekk tistaʼ turi li ċ-​ċirkustanzi li kienu jeżistu fiż-​żmien tar-​rakkont Bibliku huma simili għal dawk li qed tiddiskuti. Drabi oħrajn informazzjoni oħra hi meħtieġa sabiex xi vers partikulari jiġi mifhum. Pereżempju, kieku kellek tuża Ebrej 9:12, 24 f’taħdita dwar il-​fidwa forsi jkun hemm bżonn li tintroduċi l-​qari tiegħek bi spjegazzjoni qasira tal-​kamra taʼ ġewwa nett tat-​tabernaklu, li kif tindika l-​iskrittura, tagħti stampa tal-​post li fih daħal Ġesù meta telaʼ s-​sema. Iżda tinkludix wisq materjal miżjud, tant li l-​vers li qed tintroduċi ma jibqax jispikka.

Biex ittejjeb il-​mod li bih tintroduċi l-​iskritturi, analizza x’jagħmlu kelliema tal-​esperjenza. Innota l-​metodi differenti li jużaw. Analizza kemm dawn il-​metodi huma effettivi. Meta tipprepara t-​taħditiet tiegħek, identifika l-​iskritturi prinċipali, u aħseb sew dwar għal xiex għandu jwassal kull vers. Ippjana bir-​reqqa l-​introduzzjoni għal kull wieħed sabiex jiġi użat bl-​iktar mod effettiv. Iktar tard, kompli iftaħ biex tinkludi l-​versi kollha li tuża. Hekk kif dan l-​aspett tal-​preżentazzjoni tiegħek jitjieb, int se tkun qed tiffoka iktar attenzjoni fuq il-​Kelma taʼ Alla.

KIF TAGĦMEL DAN

  • Meta tagħżel metodu li se jqanqal l-​interess, ikkunsidra dak li l-​udjenza tiegħek diġà taf u kif tħossha dwar is-​suġġett.

  • Kun żgur li taf għal xiex għandu jwassal kull vers, u ħalli l-​kummenti tiegħek tal-​ftuħ jirriflettu dan.

TAĦRIĠ: Agħżel skrittura li int fiduċjuż li tistaʼ tuża b’mod effettiv fit-​territorju tiegħek. Ippjana (1) liema mistoqsija jew problema se tippreżenta biex tqanqal l-​interess tal-​inkwilin u (2) kif se tiffoka l-​attenzjoni fuq ir-​raġuni għala qed taqra l-​vers.

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja