LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • be studju 42 p. 230-p. 233 para. 4
  • Informattiva għall-​Udjenza Tiegħek

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Informattiva għall-​Udjenza Tiegħek
  • Ibbenefika mill-Edukazzjoni tal-Iskola tal-Ministeru Teokratiku
  • Materjal Simili
  • Kaxxa għall-Mistoqsija
    Il-Ministeru tas-Saltna—2000
  • Introduzzjoni li Tqajjem Interess
    Ibbenefika mill-Edukazzjoni tal-Iskola tal-Ministeru Teokratiku
  • L-Użu tal-Bibbja Inkuraġġit
    Ibbenefika mill-Edukazzjoni tal-Iskola tal-Ministeru Teokratiku
  • Skritturi Introdotti b’Mod Effettiv
    Ibbenefika mill-Edukazzjoni tal-Iskola tal-Ministeru Teokratiku
Ara Iżjed
Ibbenefika mill-Edukazzjoni tal-Iskola tal-Ministeru Teokratiku
be studju 42 p. 230-p. 233 para. 4

STUDJU 42

Informattiva għall-​Udjenza Tiegħek

X’hemm bżonn tagħmel?

Aqsam l-​għarfien mal-​udjenza tiegħek b’tali mod li jqanqal il-​ħsieb u jħalliha tħossha li tgħallmet xi ħaġa taʼ valur.

Għala importanti?

Jekk sempliċement tgħid lil oħrajn affarijiet li jafuhom diġà, x’aktarx li mhux se jdumu jagħtuk l-​attenzjoni tagħhom.

BIEX il-​preżentazzjoni tiegħek tkun informattiva għall-​udjenza tiegħek trid tagħmel iktar milli titkellem dwar suġġett taʼ valur. Staqsi lilek innifsek: ‘Għala din l-​udjenza għandha bżonn tismaʼ dan is-​suġġett? X’se ngħid li se jħalli lill-​udjenza tħossha li tassew ibbenefikat mid-​diskussjoni?’

Fl-​iskola, jekk tiġi inkarigat turi kif tagħti xhieda lil xi ħadd, min jagħmilha tal-​inkwilin se jkun l-​udjenza tiegħek. F’każi oħrajn, tistaʼ tkun qed tkellem lill-​kongregazzjoni kollha kemm hi.

Dak li Taf l-​Udjenza Tiegħek. Staqsi lilek innifsek, ‘L-​udjenza x’taf dwar is-​suġġett?’ Dan għandu jkun il-​bażi li minnha tiżviluppa t-​taħdita. Jekk qed tkellem kongregazzjoni li tinkludi ħafna Kristjani maturi, taqbadx u sempliċement tirripeti veritajiet fundamentali, li ħafna minnhom jafuhom diġà. Ibni fuq dawn il-​veritajiet. M’għandniex xi ngħidu, jekk ħafna wħud interessati ġodda jkunu fl-​attendenza wkoll, għandek tikkunsidra l-​bżonnijiet taż-​żewġ gruppi.

Aġġusta l-​pass taʼ kif tagħti t-​taħdita tiegħek skont dak li taf l-​udjenza tiegħek. Jekk tinkludi xi dettalji li x’aktarx huma familjari għal ħafna minnhom, ara li tkoprihom raġunevolment malajr. Imma naqqas il-​pass meta tippreżenta ideat li jistgħu jkunu ġodda għall-​maġġuranza tas-​semmiegħa tiegħek ħalli jifhmuhom b’mod ċar.

X’Se Jinforma. Il-​fatt li l-​materjal ikun informattiv mhux dejjem ifisser li jkollok xi ħaġa ġdida x’tgħid. Xi kelliema għandhom mod kif jesprimu ċerti veritajiet familjari b’tant sempliċità li ħafna fl-​udjenza se jifhmuhom bis-​sħiħ għall-​ewwel darba.

Imma fil-​ministeru tal-​għalqa, mhuwiex biżżejjed li ssemmi xi ħaġa li ssemmiet fl-​aħbarijiet biex turi li qed ngħixu fl-​aħħar jiem. Uża l-​Bibbja biex turi t-​tifsir tal-​ġrajja. Dan se jkun tassew informattiv għall-​inkwilin. B’mod simili, meta ssemmi dettall dwar xi liġi tan-​natura jew dwar il-​ħajja tal-​pjanti jew tal-​annimali, il-​mira tiegħek m’għandhiex tkun li tippreżenta fatt xjentifiku affaxxinanti li l-​inkwilin qatt ma semaʼ bih qabel. Minflok, il-​mira tiegħek għandha tkun li tgħaqqad l-​evidenza min-​natura maʼ stqarrijiet fil-​Bibbja li juru li hemm Ħallieq li jħobbna. Dan se jgħin lill-​inkwilin jara l-​affarijiet minn angolu ġdid.

Jistaʼ jkun taʼ sfida li tippreżenta suġġett lil udjenza li diġà semgħetu ħafna drabi. Imma biex tkun għalliem effettiv, trid titgħallem tirnexxi f’li tagħmel dan. Kif?

Ir-​riċerka se tgħinek. Minflok ma sempliċement tinkludi fit-​taħdita tiegħek fatti li jiġuk f’moħħok dak il-​ħin, uża l-​għodod tar-​riċerka diskussi f’paġni 33 sa 38. Żomm f’moħħok is-​suġġerimenti li ngħataw hemmhekk dwar il-​miri li għandek tkun qed tistinka biex tilħaq. Fir-​riċerka tiegħek, forsi ssib li ġrajja storika li ma tantx hi magħrufa tkun konnessa direttament mas-​suġġett tiegħek. Jew forsi tiltaqaʼ maʼ stqarrija reċenti fl-​aħbarijiet li tagħti stampa ċara tal-​punt li qed tippjana li tiddiskuti.

Int u teżamina l-​materjal, ipprova aħseb iktar fil-​fond billi tistaqsi lilek innifsek mistoqsijiet bħal x’inhu? għala? meta? fejn? min? u kif? Pereżempju: Għala huwa minnu dan? Kif nistaʼ nuri li hu minnu? Liema twemmin popolari jagħmilha diffiċli għal xi wħud li jifhmu din il-​verità Biblika? Għala hi importanti? Kif għandha teffettwa l-​ħajja taʼ individwu? Liema eżempju juri l-​benefiċċju taʼ li tiġi applikata? Din il-​verità Biblika x’turi dwar il-​personalità taʼ Ġeħova? Skont il-​materjal li qed tiddiskuti, għandek mnejn tistaqsi: Dan meta seħħ? Kif nistgħu napplikaw dan il-​materjal b’mod prattiku llum? Tistaʼ anki tagħti t-​taħdita tiegħek b’mod iktar ħaj billi tistaqsi u twieġeb xi ftit minn dawn il-​mistoqsijiet meta tkun qed tagħti t-​taħdita.

It-​taħdita tiegħek tistaʼ teħtieġ minnek li tuża skritturi li l-​udjenza tiegħek huma midħla tagħhom. Kif tistaʼ tużahom b’mod li jkun informattiv? M’għandekx sempliċement taqrahom; spjegahom.

Diskussjoni taʼ vers familjari tistaʼ ssir iktar informattiva jekk taqsam il-​vers biċċa biċċa, billi tiżola siltiet li huma konnessi mat-​tema tat-​taħdita tiegħek u mbagħad tispjegahom. Ikkunsidra l-​possibbiltajiet b’vers bħal Mikea 6:8 fit-​Traduzzjoni tad-​Dinja l-​Ġdida. X’inhi l-​ġustizzja? Il-​livell tal-​ġustizzja taʼ min qed jiġi diskuss? Kieku kif turi xi jfisser li wieħed ‘ikun ġust’? Jew li jkun ‘iħobb il-​qalb tajba’? X’inhi l-​modestja? Kieku kif tapplika l-​materjal fil-​każ taʼ individwu mdaħħal fiż-​żmien? M’għandniex xi ngħidu, għandek tagħżel il-​materjal skont fatturi bħalma huma t-​tema, il-​mira tiegħek, l-​udjenza tiegħek, u l-​ħin disponibbli.

Definizzjonijiet sempliċi tal-​kliem spiss ikunu taʼ għajnuna. Meta xi nies jitgħallmu t-​tifsira tas-​“saltna” msemmija f’​Mattew 6:10 jħossu li nfetħulhom għajnejhom. Anki Kristjan li ilu fil-​verità jistaʼ jifhem b’iktar eżattezza x’inhu jgħid fil-​fatt il-​vers jekk jiġi mfakkar dwar xi definizzjoni. Dan jidher ċar meta naqraw it-​2 Pietru 1:5-​8 u mbagħad jiġu spjegati d-​diversi aspetti msemmijin f’dawn il-​versi: il-​fidi, il-​virtù, l-​għarfien, ir-​rażan, is-​sabar, id-​devozzjoni lejn Alla, l-​affezzjoni lejn l-​aħwa, u l-​imħabba. Meta kliem li jkollu tifsir simili jidher fl-​istess kuntest, tistaʼ turi d-​differenza minn kelma għall-​oħra billi tispjegah. Dan hu minnu dwar kliem bħal għerf, għarfien, dixxerniment, u l-​abbiltà li wieħed jifhem, kif użati fi Proverbji 2:1-​6.

Anki jekk int sempliċement tirraġuna dwar vers, l-​udjenza tiegħek tistaʼ tqis l-​informazzjoni bħala informattiva. Ħafna nies jibqgħu skantati meta jirrealizzaw għall-​ewwel darba li f’​Ġenesi 2:7 f’xi traduzzjonijiet Bibliċi, hemm miktub li Adam kien ruħ ħajja u li skont Eżekjel 18:4, ir-​ruħ tmut. Darba minnhom, Ġesù ssorprenda lis-​Sadduċej billi rrefera għall-​kliem f’​Eżodu 3:6, li huma kienu jgħidu li jemmnu fih, u mbagħad applikah għall-​irxoxt tal-​mejtin.—Lq. 20:37, 38.

Kultant ikun informattiv li ssemmi l-​kuntest taʼ skrittura, iċ-​ċirkustanzi li fihom inkitbet, u li tidentifika l-​kelliemi jew is-​semmiegħ. Il-​Fariżej kienu jafuh sew Salm 110. Xorta waħda, Ġesù ġibed l-​attenzjoni lejn dettall importanti misjub fl-​ewwel vers. Hu staqsa: “‘X’taħsbu intom dwar il-​Kristu? Bin min hu?’ Qalulu: ‘Bin David.’ Qalilhom: ‘Allura David, b’ispirazzjoni, kif isejjaħlu “Mulej” u jgħid, “Ġeħova qal lill-​Mulej tiegħi: ‘Oqgħod bil-​qiegħda fuq il-​lemin tiegħi sakemm inqiegħed l-​għedewwa tiegħek taħt saqajk’”? Għalhekk, jekk David isejjaħlu “Mulej,” kif inhu ibnu?’” (Mt. 22:41-​45) Meta tirraġuna fuq l-​Iskrittura bħalma għamel Ġesù, se tgħin lin-​nies jaqraw il-​Kelma taʼ Alla iktar bir-​reqqa.

Meta kelliemi jsemmi ż-​żmien meta nkiteb ktieb Bibliku jew iż-​żmien meta seħħet xi ġrajja, hu għandu wkoll jiddeskrivi l-​kundizzjonijiet li kienu jeżistu f’dak iż-​żmien. B’dan il-​mod, l-​udjenza se tifhem b’mod iktar ċar l-​importanza tal-​ktieb jew il-​ġrajja.

Il-​paraguni jistgħu jagħmlu dak li tgħid iktar informattiv. Tistaʼ tagħmel kuntrast bejn il-​ħarsa komuni u dak li tgħid il-​Bibbja fuq l-​istess punt. Jew tistaʼ tqabbel żewġ rakkonti Bibliċi li huma dwar l-​istess ħaġa. Hemm differenzi? Għala? X’nitgħallmu minnhom? Jekk tagħmel dan, tkun tistaʼ tgħin lis-​semmiegħa tiegħek ikollhom ħarsa ġdida lejn is-​suġġett.

Jekk tiġi inkarigat tiddiskuti xi aspett tal-​ministeru Kristjan, tistaʼ ttejjeb il-​preżentazzjoni tiegħek billi tibda b’ġabra fil-​qosor tal-​materjal. Iddiskuti x’għandu jsir, għala għandu jsir, u kif inhu marbut mal-​miri ġenerali tagħna bħala Xhieda taʼ Ġeħova. Imbagħad spjega fejn, meta, u kif għandu jsir ix-​xogħol.

Xi ngħidu jekk it-​taħdita tiegħek teħtieġ minnek li tiddiskuti xi ftit mill-​“affarijiet profondi t’Alla”? (1 Kor. 2:10) Jekk tibda billi tidentifika u tispjega ċerti aspetti fundamentali tas-​suġġett, id-​dettalji se jinftiehmu iktar malajr. U jekk tikkonkludi b’reviżjoni fil-​qosor tal-​materjal tiegħek, l-​udjenza tiegħek x’aktarx li se tħalliha sodisfatta li tassew tgħallmet xi ħaġa.

Pariri Dwar il-​Ħajja Kristjana. Dawk fl-​udjenza tiegħek se jibbenefikaw b’mod speċjali jekk tgħinhom jaraw kif l-​informazzjoni fit-​taħdita tiegħek tapplika għal ħajjithom. Int u teżamina l-​iskritturi fil-​materjal li int inkarigat bih, staqsi lilek innifsek, ‘Din l-​informazzjoni għala ġiet preservata fl-​Iskrittura sa żmienna?’ (Rum. 15:4; 1 Kor. 10:11) Aħseb dwar sitwazzjonijiet fil-​ħajja li dawk fl-​udjenza tiegħek qed jiffaċċjaw. Ikkunsidra s-​sitwazzjonijiet stess fid-​dawl tal-​pariri u l-​prinċipji fl-​Iskrittura. Fit-​taħdita tiegħek, irraġuna fuq l-​Iskrittura biex turi kif din tistaʼ tgħin individwu jittratta bl-​għaqal maʼ sitwazzjonijiet bħal dawn. Evita li titkellem b’mod ġenerali. Iddiskuti attitudnijiet u azzjonijiet speċifiċi.

Biex tibda, f’taħdita li qed tipprepara applika suġġeriment jew tnejn minn dawn li semmejna. Hekk kif tikseb l-​esperjenza, applika iktar minn dawn is-​suġġerimenti. Maż-​żmien se ssib li dawk fl-​udjenza se jkunu qed iħarsu ’l quddiem għat-​taħditiet tiegħek, għaliex ikunu kunfidenti li se jisimgħu xi ħaġa li tassew se tkun taʼ benefiċċju għalihom.

KIF TAGĦMEL DAN

  • Ikkunsidra x’taf diġà l-​udjenza tiegħek dwar is-​suġġett.

  • Irregola l-​pass taʼ kif tippreżenta l-​informazzjoni—iktar bil-​ħeffa għal punti magħrufin sew, iktar bil-​mod għal punti iżjed ġodda.

  • Tgħidx sempliċement il-​fatti; iddiskuti t-​tifsir jew il-​valur tagħhom.

  • Qanqal l-​interess tiegħek stess billi tistaqsi: X’inhu? Għala? Meta? Fejn? Min? Kif?

  • Ħu l-​ħin biex tirraġuna fuq l-​Iskrittura; iftaħ fuq siltiet speċifiċi minnha.

  • Uża l-​paraguni u l-​kuntrasti.

  • Inkludi ġabra fil-​qosor tal-​materjal tiegħek.

  • Uri kif l-​informazzjoni tistaʼ tintuża biex jiġu solvuti l-​problemi u jittieħdu d-​deċiżjonijiet.

TAĦRIĠ: (1) Agħmel riċerka biex issib aspett informattiv fi skrittura familjari, bħal Mattew 24:14 jew Ġwanni 17:3. (2) Aqra Proverbji 8:30, 31 u Ġwanni 5:20. Jekk timmedita dwar ir-​relazzjoni bejn Alla Ġeħova u Kristu Ġesù, bħalma hi deskritta f’dawn il-​versi, kif se tkun tistaʼ tużahom għall-​benefiċċju taʼ familja?

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja