LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • be studju 48 p. 251-p. 254 para. 2
  • Kif Wieħed Jirraġuna ma’ xi Ħadd

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Kif Wieħed Jirraġuna ma’ xi Ħadd
  • Ibbenefika mill-Edukazzjoni tal-Iskola tal-Ministeru Teokratiku
  • Materjal Simili
  • Imita lill-Għalliem Prim
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2002
  • Ikkultiva r-Raġonevolezza
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1994
  • Imita lil Ġeħova—Kun Raġonevoli
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2023
  • L-Użu Effettiv tal-Mistoqsijiet
    Ibbenefika mill-Edukazzjoni tal-Iskola tal-Ministeru Teokratiku
Ara Iżjed
Ibbenefika mill-Edukazzjoni tal-Iskola tal-Ministeru Teokratiku
be studju 48 p. 251-p. 254 para. 2

STUDJU 48

Kif Wieħed Jirraġuna ma’ xi Ħadd

X’hemm bżonn tagħmel?

Uża l-​iskritturi, it-​tixbihat, u l-​mistoqsijiet b’mod loġiku u b’tali mod li tinkuraġġixxi lin-​nies jisimgħu u jaħsbu.

Għala importanti?

Manjiera goffa u dommatika ġeneralment tagħlaq moħħ u qalb is-​semmiegħ. L-​irraġunar jinkuraġġixxi d-​diskussjoni, jagħti lin-​nies xi ħaġa fuqiex jaħsbu iktar tard, u jħalli l-​bieb miftuħ għal iktar konversazzjonijiet fil-​futur. L-​irraġunar jistaʼ jipperswadi b’mod qawwi.

AĦNA grati għall-​bidliet li l-​Kelma taʼ Alla ġabet f’ħajjitna, u rridu lil oħrajn jibbenefikaw ukoll. Iktar minn hekk, aħna nirrealizzaw li l-​mod kif in-​nies iwieġbu għall-​aħbar tajba se jeffettwa l-​prospetti futuri tagħhom. (Mt. 7:13, 14; Ġw. 12:48) Aħna nixtiquhom bil-​ħerqa jaċċettaw il-​verità. Madankollu, il-​konvinzjoni u ż-​żelu qawwi tagħna jridu jkunu bilanċjati bid-​dehen sabiex nagħmlu l-​iktar ġid.

Stqarrija goffa tal-​verità li tikxef twemmin għażiż taʼ persuna oħra bħala li hu falz, anki meta tkun megħjuna b’lista twila taʼ skritturi, ġeneralment ma tkunx milqugħa sew. Pereżempju, jekk sempliċement tikkundanna ċelebrazzjonijiet popolari bħala li għandhom oriġini pagana, in-​nies għandhom mnejn ma jibdlux is-​sentimenti tagħhom dwarhom. Metodu taʼ rraġunar ġeneralment iktar jirnexxi. X’jinvolvi li nkunu raġunevoli?

L-​Iskrittura tgħidilna li “l-​għerf li ġej minn fuq . . . iġib il-​paċi, hu raġunevoli.” (Ġak. 3:17) Il-​kelma Griega tradotta hawnhekk bħala “raġunevoli” tfisser letteralment “li ċċedi.” Xi traduzzjonijiet jagħtuha bħala li turi “tjieba,” li tkun “ġentili,” jew li “tissaporti.” Innota li r-​raġunevolezza hi marbuta maʼ li wieħed iġib il-​paċi. F’​Titu 3:2, din il-​kwalità tissemma mal-​ħlewwa u hija kuntrarju għal li wieħed ikun ġellied. Filippin 4:5 jħeġġiġna biex inkunu magħrufin bħala nies “raġunevoli.” Individwu li hu raġunevoli jikkunsidra l-​isfond, iċ-​ċirkustanzi, u s-​sentimenti tal-​wieħed li jkun qed ikellem. Hu lest li jċedi meta jkun xieraq li jagħmel dan. Jekk nittrattaw maʼ oħrajn b’dan il-​mod niġu megħjunin niftħulhom moħħhom u qalbhom ħalli jkunu iktar lesti jaċċettaw dak li ngħidulhom meta nirraġunaw magħhom mill-​Iskrittura.

Minn Fejn Għandek Tibda. Il-​kittieb tal-​istorja Luqa jikteb li meta l-​appostlu Pawlu kien f’Tessalonika, hu uża l-​Iskrittura, “u spjega u ta prova permezz tar-​referenzi li kien meħtieġ li l-​Kristu jbati u mbagħad iqum mill-​imwiet.” (Atti 17:2, 3) Hu taʼ min jinnota li Pawlu għamel dan f’sinagoga Lhudija. Dawk li lilhom kien qed ikellem irrikonoxxew l-​Iskrittura Ebrajka bħala awtorità. Kien xieraq li jibda b’xi ħaġa li huma kienu jaċċettaw.

Meta Pawlu kien qed ikellem lill-​Griegi fl-​Arjopagu taʼ Ateni, hu ma bediex bir-​referenzi għall-​Iskrittura. Minflok, hu beda b’affarijiet li huma kienu jafuhom u jaċċettawhom, u użahom biex iwassalhom ħalli jaħsbu bis-​serjetà dwar il-​Ħallieq u l-​iskopijiet Tiegħu.—Atti 17:22-​31.

Fiż-​żminijiet moderni, hemm biljuni taʼ nies li ma jirrikonoxxux il-​Bibbja bħala awtorità f’ħajjithom. Imma l-​ħajja taʼ kważi kulħadd hija effettwata minn sitwazzjonijiet ħorox fis-​sistema preżenti. In-​nies jixxennqu għal xi ħaġa aħjar. Jekk l-​ewwel turi interess f’dak li jinkwetahom u mbagħad turi kif il-​Bibbja tispjegah, metodu raġunevoli bħal dan jistaʼ jqanqalhom jagħtu widen għal dak li tgħid il-​Bibbja dwar l-​iskop taʼ Alla għall-​umanità.

Jistaʼ jkun li l-​wirt li jingħata student tal-​Bibbja mill-​ġenituri tiegħu jinkludi ċertu twemmin u drawwiet reliġjużi. Issa, l-​istudent jitgħallem li dak it-​twemmin u d-​drawwiet ma jogħġbux lil Alla, u hu jiċħadhom minħabba dak li ġie mgħallem mill-​Bibbja. Kif jistaʼ student jispjega d-​deċiżjoni tiegħu lill-​ġenituri tiegħu? Huma għandhom mnejn iħossu li minħabba li qed jiċħad il-​wirt reliġjuż li tawh, hu qed jiċħad lilhom. L-​istudent tal-​Bibbja jistaʼ jikkonkludi li qabel ma jibda jipprova jispjega mill-​Bibbja l-​bażi għad-​deċiżjoni tiegħu, hu se jkollu bżonn iserraħ ras il-​ġenituri tiegħu dwar imħabbtu u r-​rispett tiegħu lejhom.

Meta Għandek Iċċedi. Ġeħova nnifsu għalkemm għandu l-​awtorità kollha biex jikkmanda, juri b’mod li jispikka li hu raġunevoli. Meta ħeles lil Lot u l-​familja tiegħu minn Sodoma, l-​anġlu taʼ Ġeħova ħeġġu: “Aħrab lejn ir-​reġjun muntanjuż li ma tmurx tinqered!” Imma Lot talab: “Mhux hekk, jekk jogħġbok, Ġeħova!” Hu talab bil-​ħrara biex jitħalla jaħrab lejn Sogħar. Ġeħova wera konsiderazzjoni lejn Lot billi ħallieh jagħmel dan; allura meta nqerdu l-​bliet l-​oħrajn, Sogħar ġiet meħlusa. Madankollu, iktar tard Lot segwa d-​direzzjoni oriġinali taʼ Ġeħova u mar jgħix fir-​reġjun muntanjuż. (Ġen. 19:17-​30) Ġeħova kien jaf li l-​mod tiegħu kien sewwa, imma hu wera konsiderazzjoni bil-​paċenzja sakemm Lot setaʼ jifhem il-​mod taʼ Ġeħova.

Sabiex jirnexxilna nittrattaw maʼ oħrajn, aħna wkoll irridu nkunu raġunevoli. Jistaʼ jkun li nkunu konvinti li l-​individwu l-​ieħor għandu żball, u jistaʼ jkollna f’moħħna argumenti qawwijin li jagħtu prova taʼ dan. Imma kultant ikun aħjar li ma nagħmlux pressjoni fuq l-​individwu. Biex inkunu raġunevoli ma jfissirx li nagħmlu kompromess fejn jidħlu l-​livelli taʼ Ġeħova. Jistaʼ sempliċement ikun aħjar li tirringrazzja lill-​individwu talli jkun esprima ruħu jew tħalli xi stqarrijiet żbaljati jibqgħu għaddejjin ħalli tkun tistaʼ tiffoka d-​diskussjoni fuq xi ħaġa iktar taʼ ġid. Anki jekk jikkundanna dak li temmen, tagħmilhiex bi kbira. Tistaʼ tistaqsih għala jħossu b’dak il-​mod. Ismaʼ b’attenzjoni t-​tweġiba tiegħu. Dan se jgħinek tifhem kif jaħsibha. Jistaʼ wkoll ipoġġi l-​pedament għal konversazzjoni li tibni fil-​futur.—Prov. 16:23; 19:11.

Ġeħova żejjen lill-​bnedmin bl-​abbiltà li jagħżlu. Hu jippermettilhom jużaw dik l-​abbiltà, avolja għandhom mnejn ma jużawhiex bil-​għaqal. Bħala l-​kelliemi taʼ Ġeħova, Ġożwè rrakkonta mill-​ġdid il-​mod kif Alla ttratta maʼ Israel. Imma mbagħad qal: “Issa jekk hu ħażin f’għajnejkom li taqdu lil Ġeħova, agħżlu għalikom infuskom illum lil min se taqdu, jekk hux l-​allat li qdew missirijietkom li kienu fuq in-​naħa l-​oħra tax-​Xmara jew l-​allat taʼ l-​Amurrin li qed tgħammru f’arthom. Imma ngħid għalija u għan-​nies taʼ dari, aħna se naqdu lil Ġeħova.” (Ġoż. 24:15) L-​inkarigu tagħna llum hu li nagħtu “xiehda,” u aħna nitkellmu b’konvinzjoni, imma ma nipprovawx inġiegħlu lin-​nies jemmnu. (Mt. 24:14) Huma jridu jagħżlu, u aħna ma niċħdulhomx dan id-​dritt.

Staqsi Mistoqsijiet. Ġesù ħalla eżempju li jispikka fil-​mod kif irraġuna man-​nies. Hu kkunsidra l-​isfond tagħhom u uża tixbihat li kienu se jaċċettawhom mill-​ewwel. Hu uża wkoll il-​mistoqsijiet b’mod effettiv. Dan ta l-​opportunità lil oħrajn biex jesprimu ruħhom u kixef x’kellhom f’qalbhom. Ukoll, dan ħeġġiġhom biex jirraġunaw dwar il-​kwistjoni li tkun qed tiġi kunsidrata.

Raġel li kien jaf il-​Liġi staqsa lil Ġesù: “Għalliem, xi rrid nagħmel biex niret il-​ħajja taʼ dejjem?” Ġesù setaʼ jagħtih it-​tweġiba faċilment. Imma hu stieden lir-​raġel jesprimi ruħu. “X’hemm miktub fil-​Liġi? Kif taqraha?” Ir-​raġel wieġeb sew. Intemmet id-​diskussjoni minħabba li ta tweġiba eżatta? Lanqas xejn. Ġesù ħalla lir-​raġel ikompli, u mistoqsija li staqsa r-​raġel stess indikat li hu kien qed jipprova juri li hu raġel sewwa. Hu staqsa: “Min tassew hu l-​proxxmu tiegħi?” Minflok ma tah definizzjoni, li r-​raġel setaʼ argumenta dwarha minħabba l-​attitudni komuni tal-​Lhud lejn il-​Ġentili u s-​Samaritani, Ġesù stiednu jirraġuna dwar tixbiha. Din kienet dwar Samaritan tajjeb li għen lil raġel li kien qed jivvjaġġa u ġie misruq u msawwat, imma li qassis u Levita m’għenuhx. B’mistoqsija sempliċi, Ġesù aċċerta ruħu li r-​raġel fehem il-​punt. Il-​mod kif irraġuna Ġesù ta tifsira lill-​kelma “proxxmu” li dan ir-​raġel qatt ma kien fehemha qabel. (Lq. 10:25-​37) X’eżempju mill-​aqwa li għandna nimitawh! Minflok ma titkellem int biss, u fil-​fatt taħseb għall-​inkwilin tiegħek, tgħallem kif tuża mistoqsijiet u tixbihat bit-​tattika ħalli lis-​semmiegħ tiegħek tinkuraġġih jaħseb.

Agħti Raġunijiet. Meta l-​appostlu Pawlu tkellem fis-​sinagoga taʼ Tessalonika, hu ma qabadx u sempliċement qara minn awtorità li l-​udjenza tiegħu kienet taċċettaha. Luqa jikteb li Pawlu spjega, ta prova, u wera l-​applikar taʼ dak li qara. Minħabba f’hekk, “xi wħud minnhom emmnu u ssieħbu maʼ Pawlu u Sila.”—Atti 17:1-​4.

Tkun min tkun l-​udjenza tiegħek, metodu bħal dan taʼ rraġunar jistaʼ jkun taʼ benefiċċju. Dan hu minnu meta tagħti xhieda lill-​qraba, meta tkellem lil sħabek tax-​xogħol jew tal-​iskola, meta tkellem lil min ma tafx fl-​għoti taʼ xhieda tiegħek fil-​pubbliku, meta tikkonduċi studju tal-​Bibbja, jew meta tagħti taħdita fil-​kongregazzjoni. Meta taqra skrittura, it-​tifsir forsi jkun ċar għalik imma forsi dan ma jkunx il-​każ għal xi ħadd ieħor. L-​ispjegazzjoni tiegħek jew l-​applikar li turi jistaʼ jinstemaʼ bħala dikjarazzjoni dommatika. Taħseb li jkun taʼ għajnuna li tagħżel u tispjega ċerti espressjonijiet fundamentali fl-​iskrittura? Tistaʼ tagħti evidenza li tappoġġa dak li tgħid, forsi mill-​kuntest jew minn skrittura oħra li tittratta dwar is-​suġġett? Tistaʼ tixbiha turi kemm hu raġunevoli dak li għedt? Jistgħu l-​mistoqsijiet jgħinu l-​udjenza tiegħek tirraġuna dwar il-​kwistjoni? Irraġunar bħal dan iħalli impressjoni tajba u jagħti lill-​oħrajn ħafna fuqiex jaħsbu.

KIF TAGĦMEL DAN

  • Meta tiddeċiedi kif tibda d-​diskussjoni tiegħek, ikkunsidra l-​isfond u l-​attitudni tas-​semmiegħa tiegħek.

  • Tisfidax kull stqarrija żbaljata.

  • Tkellem b’konvinzjoni, imma rrikonoxxi li oħrajn għandhom il-​libertà li jagħżlu x’se jemmnu, sewwasew bħalma għandek int.

  • Minflok ma twieġeb il-​mistoqsijiet malajr, uża mistoqsijiet jew tixbihat oħrajn biex tgħin lil min jistaqsik jirraġuna dwar il-​kwistjoni.

  • Ħudha drawwa li tirraġuna fuq skrittura billi tispjega l-​espressjonijiet fundamentali, turi kif il-​kuntest jew skritturi oħrajn jiċċaraw it-​tifsira, jew billi tuża eżempji li juru kif tapplika l-​iskrittura.

TAĦRIĠ: (1) Wara li tagħti xhieda lil xi ħadd li għandu opinjonijiet qawwijin, analizza l-​mod kif ittrattajt id-​diskussjoni. Liema evidenza ppreżentajt? Liema tixbiha inkludejt? Liema mistoqsijiet użajt? Kif urejt konsiderazzjoni għall-​isfond jew is-​sentimenti tiegħu? Jekk ma tkunx tistaʼ tagħmel dan fis-​servizz tal-​għalqa, ipprova agħmel dan f’sessjoni taʼ prattika maʼ pubblikatur ieħor. (2) Ipprattika kif kieku tirraġuna maʼ xi ħadd (tamparek jew tifel) li għandu f’moħħu li jagħmel xi ħaġa ħażina.

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja