LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w94 8/1 pp. 27-32
  • Ikkultiva r-Raġonevolezza

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Ikkultiva r-Raġonevolezza
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1994
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • ‘Lest Li Jaħfer’
  • Flessibiltà Meta Ffaċċjat Minn Ċirkostanzi Li Jinbidlu
  • Ir-​Raġonevolezza Fl-​Eżerċitar Taʼ L-​Awtorità
  • Imita lil Ġeħova—Kun Raġonevoli
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2023
  • Jehovah Hu Raġonevoli!
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1994
  • Apprezza l-Ġenerożità u r-Raġunevolezza ta’ Ġeħova
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2013
  • “Għaref f’qalbu”—Imma umli
    Ersaq Qrib Lejn Ġeħova
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1994
w94 8/1 pp. 27-32

Ikkultiva r-Raġonevolezza

“Ħallu r-​raġonevolezza tagħkom issir magħrufa mill-​bnedmin kollha. Il-​Mulej qrib.”—FILIPPIN 4:5.

1. Għala huwa sfida li tkun raġonevoli fid-​dinja tal-​lum?

“IR-​RAĠEL raġonevoli”​—il-​ġurnalista Ingliż Sir Alan Patrick Herbert laqqmu figura mitika. Tabilħaqq, jistaʼ jidher xi drabi li ma baqaʼ ebda nies raġonevoli f’din id-​dinja kollha nkwiet. Il-​Bibbja bassret li f’dawn “l-​aħħar jiem” kritiċi, in-​nies se jkunu “feroċi,” “rashom iebsa,” u “m’huma lesti għal ebda ftehim”​—fi kliem ieħor, kollox barra raġonevoli. (2 Timotew 3:1-5) Minkejja dan, il-​veri Kristjani għandhom stima kbira għar-​raġonevolezza, billi jafu li hija marka taʼ għerf divin. (Ġakbu 3:17) Aħna ma nħossux li huwa impossibbli li tkun raġonevoli f’dinja mhix raġonevoli. Minflok, bis-​sħiħ naċċettaw l-​isfida fil-​parir ispirat taʼ l-​appostlu Pawlu li nsibuh f’​Filippin 4:5: “Ħallu r-​raġonevolezza tagħkom issir magħrufa mill-​bnedmin kollha.”

2. Il-​kliem taʼ l-​appostlu Pawlu f’​Filippin 4:5 kif jgħinna niddeterminaw jekk aħniex raġonevoli?

2 Innota kif il-​kliem taʼ Pawlu jgħinna neżaminaw jekk aħniex raġonevoli. Mhix daqstant kwistjoni taʼ kif naraw lilna nfusna; hija kwistjoni taʼ kif oħrajn jarawna, taʼ kif aħna magħrufin. It-​traduzzjoni taʼ Phillips tittraduċi dan il-​vers: “Ħa jkollkom reputazzjoni li intom raġonevoli.” Kull wieħed minna jagħmel tajjeb li jistaqsi, ‘Jien kif jien magħruf? Għandi reputazzjoni li jien raġonevoli, li nċedi, u ġentili? Jew jien magħruf bħala li jien riġidu, aħrax, jew rasi iebsa?’

3. (a) Il-​kelma Griega tradotta “raġonevoli” xi tfisser, u din il-​kwalità għala tiġbdek? (b) Kristjan kif jistaʼ jitgħallem ikun iżjed raġonevoli?

3 Ir-​reputazzjoni tagħna f’dan ir-​rigward sempliċement se tirrifletti sa liema punt qegħdin nimitaw lil Ġesù Kristu. (1 Korintin 11:1) Meta kien hawn fuq l-​art, Ġesù b’mod perfett irrifletta l-​eżempju suprem tar-​raġonevolezza taʼ Missieru. (Ġwann 14:9) Fil-​fatt, meta Pawlu kiteb dwar “il-​ħlewwa u l-​qalb tajba tal-​Kristu,” il-​kelma Griega li uża għal qalb tajba (e·pi·ei·kiʹas) tfisser ukoll “raġonevolezza” jew, litteralment, “li wieħed iċedi.” (2 Korintin 10:1) The Expositor’s Bible Commentary isejjaħ din “waħda mill-​aqwa kelmiet taʼ deskrizzjoni taʼ karattru fit-​T[estment il-​]Ġ[did].” Din tiddeskrivi kwalità li tant tiġbdek li wieħed studjuż jittraduċi l-​kelma “raġonevolezza ħelwa.” Ejjew, għalhekk, niddiskutu tliet modi li bihom Ġesù, bħal Missieru, Jehovah, wera raġonevolezza. B’hekk nistgħu nitgħallmu kif insiru iktar raġonevoli aħna nfusna.—1 Pietru 2:21.

‘Lest Li Jaħfer’

4. Ġesù kif wera ruħu ‘lest li jaħfer’?

4 Bħal Missieru, Ġesù wera raġonevolezza billi kien ‘lest li jaħfer’ għal darba wara l-​oħra. (Salm 86:5) Ikkunsidra meta Pietru, sieħeb mill-​qrib, ċaħad lil Ġesù tliet darbiet fil-​lejl taʼ l-​arrest u l-​ġuri taʼ Ġesù. Ġesù nnifsu kien stqarr qabel: “Kulmin jiċħadni quddiem il-​bnedmin, jien ukoll se niċħdu quddiem Missieri.” (Mattew 10:33) Applika Ġesù b’mod riġidu u bla ħniena din ir-​regola fuq Pietru? Le; wara l-​irxoxt Tiegħu, Ġesù għamel żjara persunali lil Pietru, bla dubju biex ifarraġ u jassigura lil dan l-​appostlu niedem, b’qalbu maqsuma. (Luqa 24:34; 1 Korintin 15:5) Ftit wara dan, Ġesù ppermetta li Pietru jkollu responsabbiltà kbira. (Atti 2:1-41) Hawn dehret raġonevolezza ħelwa fl-​aqwa tagħha! Mhux taʼ faraġ li taħseb li Jehovah ħatar lil Ġesù bħala Mħallef fuq l-​umanità kollha?—Isaija 11:1-4; Ġwann 5:22.

5. (a) L-​anzjani liema reputazzjoni għandhom ikollhom fost in-​ngħaġ? (b) L-​anzjani liema materjal jistgħu jirrevedu qabel jittrattaw każi ġudizzjarji, u għala?

5 Meta l-​anzjani jaġixxu taʼ mħallfin fil-kongregazzjoni, jipprovaw isegwu l-​eżempju raġonevoli taʼ Ġesù. Ma jridux li n-​ngħaġ jibżgħu minnhom bħala dawk li jikkastigaw. Minflok, ifittxu li jimitaw lil Ġesù sabiex in-​ngħaġ iħossuhom protetti magħhom bħala ragħajja taʼ mħabba. F’każi ġudizzjarji, huma jagħmlu kull sforz biex ikunu raġonevoli, lesti li jaħfru. Qabel ma jittrattaw ħaġa bħal din, xi anzjani sabuha taʼ għajnuna li jirrevedu l-​artikli tat-​ Torri Taʼ L-​Għassa taʼ l-​1 t’Ottubru, 1992, “Jehovah, L-​‘Imħallef [Imparzjali] Taʼ L-​Art Kollha’” u “Anzjani, Iġġudikaw Bit-​Tjieba.” Huma b’hekk iżommu f’moħħhom il-​qofol tal-​mod taʼ ġġudikar taʼ Jehovah: “Sodizza fejn neċessarja, ħniena fejn possibbli.” M’huwiex żball li xxaqleb lejn il-​ħniena fil-​ġudizzju meta hemm bażi raġonevoli biex tagħmel dan. (Mattew 12:7) Huwa żball serju li tkun aħrax jew bla ħniena. (Eżekjel 34:4) L-​anzjani b’hekk jevitaw li jieħdu żball billi jfittxu b’mod attiv l-​iktar korsa taʼ mħabba u taʼ ħniena possibbli ġewwa l-​limiti tal-​ġustizzja.—Qabbel Mattew 23:23; Ġakbu 2:13.

Flessibiltà Meta Ffaċċjat Minn Ċirkostanzi Li Jinbidlu

6. Ġesù kif wera raġonevolezza meta ttratta mal-​mara mill-​Ġentili li bintha kienet iddemonjata?

6 Bħal Jehovah, Ġesù ta prova li kien ħafif biex ibiddel il-​korsa jew jaddatta għal sitwazzjonijiet ġodda hekk kif dawn iqumu. F’okkażjoni minnhom mara mill-​Ġentili talbitu jfejqilha lil bintha li kienet iddemonjata bl-​ikrah. Bi tliet modi differenti, Ġesù għall-​ewwel indika li ma kienx se jgħinha​—l-​ewwel, billi ma weġibhiex; it-​tieni, billi stqarr direttament li hu kien mibgħut, mhux għall-​Ġentili, imma għal-​Lhud; u t-​tielet, billi ta tixbieha li bil-​ħlewwa għamlet l-​istess punt. Madankollu, il-​mara ppersistiet minkejja dan kollu, billi tat evidenza taʼ fidi straordinarja. Meta qies din iċ-ċirkostanza eċċezzjonali, Ġesù setaʼ jara li dan ma kienx waqt biex jinforza regola ġenerali; kien waqt li jkun flessibbli b’rispons għal prinċipji ogħla.a B’hekk, Ġesù għamel eżatt dak li kien tliet darbiet indika li ma kienx se jagħmel. Hu fejjaq lit-​tifla taʼ dik il-​mara!—Mattew 15:21-28.

7. Il-​ġenituri b’liema modi jistgħu juru raġonevolezza, u għala?

7 Magħrufin aħna b’mod simili dwar kemm aħna lesti li nkunu flessibbli meta jkun xieraq? Il-​ġenituri taʼ spiss ikollhom bżonn juru raġonevolezza bħal din. Ladarba kull tifel (tifla) hu uniku, metodi li huma taʼ suċċess maʼ wieħed jistgħu ma jkunux addattati għal ieħor. Iktar minn hekk, hekk kif it-​tfal jikbru, il-​bżonnijiet tagħhom jinbidlu. Għandu l-​ħin stipulat mill-​ġenituri biex uliedhom jidħlu d-​dar jiġi aġġustat? L-​istudju tal-​familja se jibbenefika minn forma iżjed vivaċi? Meta ġenitur jirreaġixxi żżejjed għal xi nuqqas żgħir, lest (lesta) li jkun umli u jirranġa l-​affarijiet? Ġenituri li jċedu b’modi bħal dawn jevitaw li jirritaw bla bżonn lil uliedhom u jbegħduhom minn Jehovah.—Efesin 6:4.

8. Anzjani tal-​kongregazzjoni kif jistgħu jieħdu t-​tmexxija f’li jaddattaw għall-​bżonnijiet tat-​territorju?

8 L-​anzjani wkoll għandhom bżonn jaddattaw ruħhom hekk kif iqumu ċirkostanzi ġodda, fil-​waqt li qatt ma jagħmlu kompromess rigward liġijiet speċifiċi t’Alla. Hekk kif tkun tindokra x-​xogħol taʼ l-​ippridkar, tkun int attent għal xi bidliet fit-​territorju? Hekk kif jinbidel l-​istil taʼ ħajja tan-​nies fejn toqgħod, forsi għoti taʼ xiehda fil-​għaxija, fit-​toroq, jew bit-​telefon għandu jiġi nkuraġġit. Li naddattaw b’modi bħal dawn jgħinna nwettqu l-​ħatra tagħna taʼ ppridkar b’mod iżjed effettiv. (Mattew 28:19, 20; 1 Korintin 9:26) Pawlu qagħad attent ukoll li jaddatta ruħu għal kull tip taʼ nies fil-​ministeru tiegħu. Nagħmlu aħna l-​istess, per eżempju, billi nitgħallmu biżżejjed dwar reliġjonijiet u kulturi lokali sabiex inkunu nistgħu ngħinu lin-​nies?—1 Korintin 9:19-23.

9. Anzjan għala m’għandux jinsisti li dejjem jittratta problemi bil-​mod kif għamel fil-​passat?

9 Hekk kif l-​aħħar jiem isiru dejjem iżjed kritiċi, ir-​ragħajja forsi jkollhom bżonn jaddattaw għall-​komplessità li tbellhek u taʼ dwejjaq taʼ xi wħud mill-​problemi li qegħdin issa jiffaċċjaw lill-​merħla tagħhom. (2 Timotew 3:1) Anzjani, dan m’huwiex żmien li tkunu riġidi! Ċertament anzjan m’għandux jinsisti li jittratta maʼ problemi bil-​mod kif għamel fil-​passat jekk il-​metodi tiegħu saru ineffettivi jew jekk “l-​irsir fidil u diskret” ra xieraq li jippubblika materjal ġdid fuq suġġetti bħal dawn. (Mattew 24:45; qabbel Ekkleżjasti 7:10; 1 Korintin 7:31.) Wieħed anzjan leali b’mod sinċier ipprova jgħin lil waħda oħt dipressa li kellha bżonn kbir taʼ semmiegħ tajjeb. Madankollu, hu ma ħasibx li d-​dipressjoni tagħha kienet serja ħafna u offrielha soluzzjonijiet sempliċi wisq. Imbagħad il-​Watch Tower Society ippubblikat xi informazzjoni bbażata fuq il-​Bibbja li kienet tittratta eżatt dwar il-​problema tagħha. L-​anzjan ħa ħsieb li jerġaʼ jitkellem magħha, billi din id-​darba applika l-​materjal il-​ġdid u wera empatija għall-​istat imwiegħer tagħha. (Qabbel 1 Tessalonkin 5:14, 15.) X’eżempju mill-​aħjar taʼ raġonevolezza!

10. (a) Anzjani kif għandhom juru attitudni li jċedu lejn xulxin u lejn il-​ġemgħa taʼ l-​anzjani inġenerali? (b) Il-​ġemgħa taʼ l-​anzjani kif għandha tħares lejn dawk li juru ruħhom mhux raġonevoli?

10 L-​anzjani wkoll għandhom bżonn juru attitudni li jċedu lil xulxin. Meta tiltaqaʼ l-​ġemgħa taʼ l-​anzjani, kemm huwa importanti li ebda anzjan wieħed ma jiddomina f’dak li jkun għaddej! (Luqa 9:48) Dak li jkun qed jippresiedi b’mod partikulari jeħtieġ ir-​rażna f’dan ir-​rigward. U meta anzjan jew tnejn ma jaqblux maʼ xi deċiżjoni tal-​ġemgħa taʼ l-​anzjani inġenerali, dawn ma jinsistux li tgħaddi tagħhom. Minflok, dment li ebda prinċipju Skritturali ma qed jiġi miksur, iridu jċedu, billi jiftakru li r-​raġonevolezza hija meħtieġa mill-​anzjani. (1 Timotew 3:2, 3) Mill-​banda l-​oħra, il-​ġemgħa taʼ l-​anzjani għandhom iżommu f’moħħhom li Pawlu ċanfar lill-​kongregazzjoni taʼ Korintu talli ‘ssaportiet persuni mhux raġonevoli’ li ppreżentaw lilhom infushom bħala “appostli mill-​aħjar iżżejjed.” (2 Korintin 11:5, 19, 20) Mela huma għandhom ikunu lesti biex jagħtu parir lil anzjan seħibhom li jġib ruħu b’manjiera stinata u mhux raġonevoli, imma huma nfushom għandhom ikunu ġwejdin u qalbhom tajba meta jagħmlu dan.—Galatin 6:1.

Ir-​Raġonevolezza Fl-​Eżerċitar Taʼ L-​Awtorità

11. X’kuntrast kien hemm bejn kif il-​mexxejja reliġjużi Lhud taʼ żmien Ġesù eżerċitaw awtorità u kif Ġesù għamel dan?

11 Meta Ġesù għex fuq l-​art, ir-​raġonevolezza tiegħu verament kienet tiddi fil-​mod kif hu uża l-​awtorità tiegħu mogħtija minn Alla. Kemm kien differenti mill-​mexxejja reliġjużi taʼ żmienu! Ikkunsidra eżempju wieħed. Il-​liġi t’Alla kienet ordnat li l-​ebda xogħol, lanqas saħansitra l-​ġbir taʼ njam, ma jsir nhar is-​Sabat. (Eżodu 20:10; Numri 15:32-36) Il-​mexxejja reliġjużi riedu jikkontrollaw il-​mod eżatt taʼ kif in-​nies japplikaw dik il-​liġi. Mela ddeċidew huma stess li jordnaw eżatt persuna x’setgħet terfaʼ nhar is-​Sabat. Għamlu regola li: xejn itqal minn żewġ tiniet nexfin. Huma saħansitra ħarġu projbizzjoni fuq il-​qrieq imsammrin bl-​imsiemer, billi sostnew li jekk wieħed jerfaʼ l-​piż miżjud taʼ l-​imsiemer ikun qiegħed jaħdem! Jintqal li, kollox maʼ kollox, ir-​rabbini żiedu 39 regola mal-​liġi t’Alla dwar is-​Sabat u mbagħad għamlu żjidiet bla tmiem maʼ dawk ir-​regoli. Ġesù, mill-​banda l-​oħra, ma fittixx li jikkontrolla lin-​nies permezz taʼ l-​għajb billi jqiegħed regoli restrittivi bla tmiem jew billi jpoġġi livelli riġidi u li ma jintlaħqux.—Mattew 23:2-4; Ġwann 7:47-49.

12. Għala nistgħu ngħidu li Ġesù ma ċediex fejn kienu involuti l-​livelli taʼ tjieba taʼ Jehovah?

12 Għandna nassumu, allura, li Ġesù ma appoġġjax b’mod sod il-​livelli taʼ tjieba t’Alla? Hu ċertament li appoġġjahom! Hu fehem li l-​liġijiet huma l-​iktar effettivi meta l-​bnedmin idaħħlu f’qalbhom il-​prinċipji wara dawk il-​liġijiet. Fil-​waqt li l-​Fariżej kienu mehdijin f’li jipprovaw jikkontrollaw lin-​nies b’regoli bla għadd, Ġesù fittex li jilħaq il-​qlub. Per eżempju, hu kien jaf tajjeb li ma tistax iċċedi rigward liġijiet divini bħal “aħarbu miż-​żina.” (1 Korintin 6:18) Mela Ġesù wissa lin-​nies dwar il-​ħsibijiet li setgħu jwasslu għall-​immoralità. (Mattew 5:28) Tagħlim bħal dak kien jirrikjedi ħafna iżjed għerf u dehen milli sempliċement tqegħid taʼ regoli riġidi u bi kliem speċifikat.

13. (a) L-​anzjani għala għandhom jevitaw li joħolqu liġijiet u regoli inflessibbli? (b) Liema huma xi oqsma fejn huwa importanti li tirrispetta l-​kuxjenza taʼ l-​individwu?

13 Aħwa responsabbli llum huma ugwalment interessati f’li jilħqu l-​qlub. B’hekk, jevitaw it-​tqegħid taʼ regoli arbitrarji u inflessibbli jew li jdawru l-​puntidivista u l-​opinjonijiet tagħhom persunali f’liġi. (Qabbel Danjel 6:7-16.) Minn żmien għal żmien, tfakkiriet bil-​ħlewwa fuq affarijiet bħal ilbies u apparenza jistgħu jkunu addattati u f’waqthom, imma anzjan jistaʼ jipperikola r-​reputazzjoni tiegħu bħala raġel raġonevoli jekk hu dejjem iredden fuq affarijiet bħal dawn jew jipprova jimponi dawk li huma primarjament indikazzjonijiet tal-​gosti persunali tiegħu. Verament, kulħadd fil-​kongregazzjoni għandu jevita li jipprova jikkontrolla lil oħrajn.—Qabbel 2 Korintin 1:24; Filippin 2:12.

14. Ġesù kif wera li kien raġonevoli f’dak li jistenna minn oħrajn?

14 L-​anzjani forsi jkollhom jeżaminaw lilhom infushom dwar kwistjoni oħra: ‘Raġonevoli jien f’dak li nistenna minn oħrajn?’ Ġesù ċertament li kien. Hu b’mod konsistenti wera lis-​segwaċi tiegħu li ma kienx jistenna iżjed mill-​isforzi tagħhom b’ruħhom kollha u li dawn kien jistmahom ħafna. Hu faħħar lill-​armla fqira talli tat il-​muniti tagħha taʼ valur żgħir. (Mark 12:42, 43) Ċanfar lid-​dixxipli tiegħu meta kkritikaw il-​kontribut għali taʼ Marija, billi qal: “Ħalluha waħedha. . . . Hi għamlet dak li setgħet.” (Mark 14:6, 8) Hu kien raġonevoli saħansitra meta s-​segwaċi tiegħu naqsuh. Per eżempju, avolja kien ħeġġeġ lit-​tliet appostli tiegħu tal-​qalb biex jibqgħu mqajmin u jibqgħu għassa miegħu fil-​lejl taʼ l-​arrest tiegħu, huma ddiżappuntawh billi raqdu b’mod ripetut. Madankollu, hu rrimarka b’mod simpatetiku: “L-​ispirtu, m’għandniex xi ngħidu, huwa ħerqan, imma l-​laħam huwa dgħajjef.”—Mark 14:34-38.

15, 16. (a) L-​anzjani għala għandhom joqogħdu attenti biex ma jippressawx jew jintimidaw il-​merħla? (b) Waħda oħt leali kif kellha taġġusta dak li kienet tistenna minn oħrajn?

15 Veru, Ġesù inkuraġġixxa lis-​segwaċi tiegħu biex ‘jistinkaw b’mod vigoruż.’ (Luqa 13:24) Imma qatt ma ppressahom biex jagħmlu dan! Hu ispirahom, tahom eżempju, ħa t-​tmexxija, u fittex li jilħaq qlubhom. Kien jafda fil-​qawwa taʼ l-​ispirtu taʼ Jehovah biex jagħmel il-​kumplament. Anzjani llum għandhom bl-​istess mod jinkuraġġixxu lill-​merħla biex jaqdu lil Jehovah b’qalbhom kollha imma għandhom jevitaw li jintimidawhom bil-​ħtija jew bl-​għajb, billi jinsinwaw li dak li qegħdin jagħmlu fil-​preżent f’servizz lil Jehovah huwa b’xi mod insuffiċjenti jew inaċċettabbli. Atteġġjament riġidu, dejjem “agħmel iżjed, agħmel iżjed, agħmel iżjed!” jistaʼ jiskuraġġixxi lil dawk li qegħdin jagħmlu kulma jistgħu. Kemm tkun ħaġa taʼ niket jekk anzjan jibni reputazzjoni li hu ‘diffiċli biex togħġbu’​—’il bogħod ferm minn raġonevolezza!—1 Pietru 2:18.

16 Ilkoll kemm aħna għandna nkunu raġonevoli f’dak li nistennew minn oħrajn! Waħda oħt, wara li hi u żewġha ħallew l-​inkarigu missjunarju tagħhom biex jieħdu ħsieb taʼ ommha li kienet marida, kitbet: “Dawn iż-​żminijiet huma verament diffiċli għalina l-​pubblikaturi hawn fil-​kongregazzjonijiet. Peress li konna fix-​xogħol tas-​circuit u tad-​district, imħarsin minn ħafna pressjonijiet bħal dawn, ġejna f’daqqa waħda u b’niket magħmulin konxji taʼ dan. Jien kont ngħid lili nnifsi, per eżempju, ‘Dik l-​oħt għala ma toffrix il-​letteratura korretta dan ix-​xahar? Mela ma taqrahiex il-​Kingdom Ministry?’ Issa naf għala. Għal xi wħud huwa dak kollu li jistgħu jagħmlu li joħorġu [fis-servizz].” Kemm hu aħjar li tfaħħar lil ħutna taʼ dak li jagħmlu milli tiġġudikahom għal dak li ma jagħmlux!

17. Ġesù kif ħalla eżempju għalina rigward ir-​raġonevolezza?

17 Ikkunsidra eżempju finali taʼ kif Ġesù juża l-​awtorità tiegħu b’mod raġonevoli. Bħal Missieru, Ġesù ma jgħassisx b’ġelosija l-​awtorità tiegħu. Hu wkoll delegatur prim, billi jaħtar lill-​klassi taʼ l-​irsir fidil tiegħu biex tieħu ħsieb taʼ “dak kollu li jippossjedi” hawn fuq l-​art. (Mattew 24:45-47) U ma jibżax jismaʼ l-​ideat taʼ oħrajn. Taʼ spiss kien jistaqsi lis-​semmiegħa tiegħu: “X’taħsbu intom?” (Mattew 17:25; 18:12; 21:28; 22:42) Hekk għandu jkun fost is-​segwaċi kollha taʼ Kristu llum. L-​ebda ammont taʼ awtorità m’għandu jagħmilhom m’humiex lesti li jagħtu widen. Ġenituri, agħtu widen! Irġiel miżżewġin, agħtu widen! Anzjani, agħtu widen!

18. (a) Kif nistgħu nsiru nafu jekk għandniex reputazzjoni għal raġonevolezza? (b) X’nistgħu lkoll kemm aħna nagħmlu tajjeb li niddeterminaw?

18 B’mod deċiż, kull wieħed jew waħda minna jrid li “jkollu reputazzjoni li hu raġonevoli.” (Filippin 4:5, Phillips) Imma kif nafu jekk għandniex reputazzjoni bħal din? Sewwa, meta Ġesù kien kurjuż dwar x’kienu qegħdin jgħidu n-​nies fuqu, hu staqsa lill-​imseħbin fdati tiegħu. (Mattew 16:13) Għala ma ssegwix l-​eżempju tiegħu? Tistaʼ tistaqsi lil xi ħadd li tistaʼ toqgħod fuqu għas-​sinċerità jekk għandekx reputazzjoni li int persuna raġonevoli, li ċċedi. Ċertament li hemm ħafna x’nistgħu nagħmlu lkoll kemm aħna biex nimitaw iżjed mill-​qrib l-​eżempju perfett taʼ Ġesù tar-​raġonevolezza! B’mod speċjali jekk għandna xi ammont taʼ awtorità fuq oħrajn, ejjew dejjem insegwu l-​eżempju taʼ Jehovah u taʼ Ġesù, billi dejjem nużawha b’mod raġonevoli, dejjem lesti li naħfru, inkunu flessibbli, jew inċedu fejn xieraq. Tabilħaqq, jalla kull wieħed jew waħda minna jistinka biex “ikun raġonevoli”!—Titus 3:2. (w94 8/1)

[Nota taʼ taħt]

a Il-ktieb New Testament Words jikkummenta: “Ir-​raġel li hu epieikēs [raġonevoli] jaf li hemm waqtiet meta ħaġa tistaʼ tkun legalment iġġustifikata kompletament u madankollu moralment żbaljata kompletament. Ir-​raġel li hu epieikēs jaf meta jrattab il-​liġi taħt il-​pressjoni taʼ forza li hi ogħla u aqwa mil-​liġi.”

Kif Twieġeb Int?

◻ Il-​Kristjani għala għandhom iridu jkunu raġonevoli?

◻ L-​anzjani kif jistgħu jimitaw lil Ġesù f’li jkunu lesti li jaħfru?

◻ Għala għandna nistinkaw biex inkunu flessibbli kif kien Ġesù?

◻ Kif nistgħu nuru raġonevolezza fil-​mod li neżerċitaw awtorità?

◻ Kif nistgħu neżaminaw lilna nfusna rigward aħniex tassew raġonevoli?

[Stampa f’paġna 27]

Ġesù fil-​pront ħafer lil Pietru li nidem

[Stampa f’paġna 28]

Meta waħda mara wriet fidi straordinarja, Ġesù ra li ma kienx il-​waqt li jinforza regola ġenerali

[Stampa f’paġna 30]

Ġenituri agħtu widen!

[Stampa f’paġna 30]

Irġiel miżżewġin agħtu widen!

[Stampa f’paġna 30]

Anzjani agħtu widen!

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja