Il-Messaġġ li Għandna Nxandru
Ġeħova tana responsabbiltà u privileġġ kbir meta qalilna: “Intom ix-xhieda tiegħi, . . . u jien Alla.” (Is. 43:12) Aħna m’għandniex sempliċi fidi passiva f’Alla. Aħna xhieda li nixhdu pubblikament għall-veritajiet vitali li jinsabu fil-Kelma ispirata taʼ Alla. X’inhu l-messaġġ li tana Ġeħova biex inwassluh fi żmienna? Dan jiffoka l-attenzjoni fuq Alla Ġeħova, Ġesù Kristu, u s-Saltna Messjanika.
“IBŻAʼ MILL-ALLA L-VERU U ĦARES IL-KMANDAMENTI TIEGĦU”
ĦAFNA qabel l-era Kristjana, Ġeħova qal lil-leali Abraham dwar provvediment għall-“ġnus kollha taʼ l-art” biex jitbierku. (Ġen. 22:18) Hu ispira wkoll lil Salamun biex jikteb dwar xi ħaġa fundamentali li hija meħtieġa mill-umanità kollha: “Ibżaʼ mill-Alla l-veru u ħares il-kmandamenti tiegħu. Għax dan hu l-obbligu kollu tal-bniedem.” (Ekk. 12:13) Imma kif kellhom in-nies li jgħixu fil-ġnus kollha jitgħallmu dwar dawn l-affarijiet?
Għalkemm minn dejjem kien hemm xi nies li jemmnu l-kelma taʼ Alla, il-Bibbja tindika li x-xhieda globali intensiva li fil-fatt kienet se tilħaq il-ġnus kollha bl-aħbar tajba kienet merfugħa għal “jum il-Mulej.” Dan beda fl-1914. (Riv. 1:10) Dwar dan iż-żmien, Rivelazzjoni 14:6, 7 bassar li proklamazzjoni vitali taħt id-direzzjoni tal-anġli kienet se ssir “lil kull ġens u tribù u lsien u poplu.” Dawn kienu se jiġu mħeġġin: “Ibżgħu minn Alla u agħtuh glorja, għax waslet is-siegħa biex jagħmel il-ġudizzju, u għalhekk qimu lil Dak li għamel is-sema u l-art u l-baħar u l-għejun taʼ l-ilmijiet.” Hija r-rieda taʼ Alla li dan il-messaġġ jingħata. Aħna għandna l-privileġġ li nieħdu sehem f’dan ix-xogħol.
“L-Alla l-Veru.” Ġeħova ddikjara, “Intom ix-xhieda tiegħi” meta kien hemm dibattitu dwar il-kwistjoni tad-Divinità. (Is. 43:10) Il-messaġġ li jrid jitwassal mhuwiex sempliċement li n-nies għandhom ikollhom reliġjon jew jemmnu f’xi alla. Minflok, għandhom bżonn jingħataw l-opportunità li jitgħallmu li l-Ħallieq tas-sema u l-art hu l-uniku Alla veru. (Is. 45:5, 18, 21, 22; Ġw. 17:3) L-Alla l-veru biss jistaʼ jgħid il-futur b’mod li tistaʼ toqgħod fuqu. Huwa l-privileġġ tagħna li nuru li t-twettiq tal-kelma taʼ Ġeħova fil-passat jagħti bażi soda għal fiduċja li kulma wiegħed għall-futur se jseħħ.—Ġoż. 23:14; Is. 55:10, 11.
M’għandniex xi ngħidu, ħafna li nagħtuhom xhieda jqimu allat oħrajn jew jgħidu li ma jqimu lil ebda alla. Biex jagħtuna widen, forsi jkun meħtieġ li nibdew b’xi ħaġa li tinteressa kemm lilhom u kemm lilna. Nistgħu nibbenefikaw mill-eżempju mniżżel f’Atti 17:22-31. Innota li għalkemm l-appostlu Pawlu uża t-tattika, hu qal b’mod ċar li n-nies kollha jridu jagħtu kont lill-Alla li hu l-Ħallieq tas-sema u l-art.
Nagħmlu l-Isem taʼ Alla Magħruf. Toqgħodx lura milli tidentifika lill-Alla l-veru b’ismu. Ġeħova jħobbu lil ismu. (Eżo. 3:15; Is. 42:8) Irid li n-nies ikunu jafu dak l-isem. Hu ġiegħel li l-isem glorjuż tiegħu jkun inkluż fil-Bibbja iktar minn 7,000 darba. Hija r-responsabbiltà tagħna li ngħinu lin-nies ikunu jafuh.—Dt. 4:35.
Il-prospetti għal ħajja futura tal-bnedmin kollha jiddependu milli jkunu jafu lil Ġeħova u jsejħulu bil-fidi. (Ġoel 2:32; Mal. 3:16; 2 Tess. 1:8) Però, il-maġġuranza tan-nies ma jafuhx lil Ġeħova. Dan jinkludi lil għadd kbir taʼ wħud li jgħidu li jqimu lill-Alla tal-Bibbja. Anki jekk għandhom Bibbja u jaqrawha, xorta għandhom mnejn ma jkunux jafu l-isem persunali taʼ Alla minħabba li ġie mneħħi minn ħafna mit-traduzzjonijiet moderni. L-unika raġuni li minħabba fiha xi nies jafu bl-isem taʼ Ġeħova hi li l-mexxejja reliġjużi tagħhom qalulhom biex ma jużawhx.
Kif nistgħu ngħinu lin-nies isiru jafu bl-isem taʼ Alla? M’hemm xejn iktar effettiv milli nuruhulhom fil-Bibbja—fil-kopja tagħhom stess jekk inhu possibbli. F’xi traduzzjonijiet, dan l-isem jidher eluf taʼ drabi. F’oħrajn, forsi jidher biss f’Salm 83:18 jew f’Eżodu 6:3-6, jew forsi jkun f’xi nota taʼ taħt f’Eżodu 3:14, 15 jew 6:3. F’għadd taʼ traduzzjonijiet jitpoġġew espressjonijiet oħrajn, bħal “Mulej” u “Alla,” u dawn jiġu stampati b’ittri li jispikkaw meta l-lingwa oriġinali jkun fiha l-isem persunali taʼ Alla. Meta t-tradutturi moderni jkunu neħħew l-isem persunali taʼ Alla għalkollox, forsi jkollok bżonn tuża Bibbja iktar antika biex turi xi jkun ġara. F’xi pajjiżi, tistaʼ turi l-isem divin fl-innijiet reliġjużi jew fi skrizzjoni fuq bini pubbliku.
Anki għal dawk li jqimu allat oħrajn, Ġeremija 10:10-13 fit-Traduzzjoni tad-Dinja l-Ġdida tistaʼ tintuża b’mod effettiv. Hemmhekk mhux biss insibu l-isem taʼ Alla imma wkoll hemm spjegazzjoni ċara dwar min hu.
Taħbix l-isem taʼ Ġeħova wara titli bħal “Alla” jew “Mulej,” bħalma jagħmel il-Kristjaneżmu. Dan ma jfissirx li dan l-isem għandu jintuża fil-bidu taʼ kull konversazzjoni. Minħabba l-preġudizzju, xi nies kieku jtemmu ħesrem id-diskussjoni. Imma wara li tistabbilixxi bażi għall-konversazzjoni, toqgħodx lura milli tuża l-isem divin.
Taʼ min jinnota li l-Bibbja tuża l-isem persunali taʼ Alla iktar spiss mill-għadd taʼ drabi kollha flimkien li tuża titli bħal “Mulej” u “Alla.” Xorta waħda, il-kittieba tal-Bibbja ma jipprovawx jinkludu l-isem divin f’kull sentenza. Huma sempliċement jużawh b’mod naturali, liberalment, u bir-rispett. Dan hu eżempju tajjeb biex insegwuh.
Il-Persuna Identifikata bl-Isem. Għalkemm il-fatt li Alla għandu isem persunali hu fih innifsu verità importanti, dan hu biss il-bidu.
Biex ikunu jħobbu lil Ġeħova u jsejħulu bil-fidi, in-nies għandhom bżonn ikunu jafu x’tip taʼ Alla hu. Meta Ġeħova għarraf ismu lil Mosè fuq il-Muntanja Sinaj, Hu għamel ħafna iktar milli sempliċement irripeta l-isem “Ġeħova.” Hu ġibed l-attenzjoni lejn xi wħud mill-kwalitajiet Tiegħu li jispikkaw. (Eżo. 34:6, 7) Dan hu eżempju għalina biex nimitawh.
Kemm jekk qed tagħti xhieda lil uħud interessati ġodda u kemm jekk tkun qed tagħti taħditiet fil-kongregazzjoni, meta titkellem dwar il-barkiet tas-Saltna, uri x’jindikaw dwar l-Alla li jagħmel wegħdi bħal dawn. Meta tirreferi għall-kmandamenti tiegħu, enfasizza l-għerf u l-imħabba li jirriflettu. Agħmilha ċara li l-ħtiġijiet taʼ Alla ma jimponux tbatija fuqna imma, minflok, huma disinjati biex ikunu taʼ ġid għalina. (Is. 48:17, 18; Mik. 6:8) Uri kif kull espressjoni taʼ qawwa li juri Ġeħova tikxef xi ħaġa dwar il-personalità, il-livelli, u l-iskop tiegħu. Iġbed l-attenzjoni lejn il-bilanċ muri fil-mod kif Ġeħova juri l-kwalitajiet tiegħu. Ħalli lin-nies jisimgħuk tesprimi kif tħossok int stess dwar Ġeħova. L-imħabba tiegħek għal Ġeħova tistaʼ tgħinek tqanqal imħabba bħal din f’oħrajn.
Il-messaġġ urġenti għal żmienna jħeġġeġ lin-nies kollha biex jibżgħu minn Alla. B’dak li ngħidu, għandna nfittxu li nibnu biżaʼ bħal dan minn Alla. Dan hu biżaʼ bnin, rispett lejn Ġeħova, riverenza profonda lejh. (Salm 89:7) Dan jinkludi li nkunu nafu li Ġeħova hu l-Imħallef suprem u li l-prospetti tagħna għal ħajja fil-futur jiddependu milli jkollna l-approvazzjoni tiegħu. (Lq. 12:5; Rum. 14:12) Għalhekk, biżaʼ bħal dan imur id f’id mal-imħabba profonda għalih u jirriżulta f’xewqa qawwija li nogħġbuh. (Dt. 10:12, 13) Il-biżaʼ minn Alla jqanqalna wkoll biex nobogħdu dak li hu ħażin, nobdu l-kmandamenti taʼ Alla, u nqimuh b’qalb sħiħa. (Dt. 5:29; 1 Kron. 28:9; Prov. 8:13) Dan iħarisna kontra li nipprovaw naqdu lil Alla waqt li nkunu nħobbu l-affarijiet tad-dinja.—1 Ġw. 2:15-17.
L-Isem taʼ Alla—“Torri b’Saħħtu.” Dawk li tassew isiru jafu lil Ġeħova jgawdu protezzjoni kbira. Dan mhuwiex sempliċement għaliex jużaw l-isem persunali tiegħu jew għaliex jistgħu jsemmu lista taʼ xi ftit mill-kwalitajiet tiegħu. Huwa minħabba li jpoġġu l-fiduċja tagħhom f’Ġeħova nnifsu. Dwarhom Proverbji 18:10 jgħid: “Isem Ġeħova hu torri b’saħħtu. Fih jidħol jiġri l-ġust u jingħata l-protezzjoni.”
Uża sew l-opportunitajiet biex tħeġġeġ lil oħrajn jafdaw f’Ġeħova. (Salm 37:3; Prov. 3:5, 6) Fiduċja bħal din turi fidi f’Ġeħova u fil-wegħdi tiegħu. (Ebr. 11:6) Meta n-nies ‘isejħu isem Ġeħova’ minħabba li jkunu jafu li hu s-Sovran Universali, iħobbu l-mogħdijiet tiegħu, u jemmnu bis-sħiħ li salvazzjoni vera tistaʼ tiġi minnu biss, imbagħad—il-Kelma taʼ Alla tiżgurana—se jiġu salvati. (Rum. 10:13, 14) Int u tgħallem lil oħrajn, għinhom jibnu dan it-tip taʼ fidi b’konnessjoni maʼ kull aspett tal-ħajja.
Ħafna nies jiffaċċjaw problemi persunali li jifnuhom. Forsi ma jarawx soluzzjoni. Ħeġġiġhom jitgħallmu x’inhi r-rieda taʼ Ġeħova, jafdaw fih, u japplikaw dak li jitgħallmu. (Salm 25:5) Ħeġġiġhom jitolbu bil-ħerqa għall-għajnuna taʼ Alla u jirringrazzjawh għall-barkiet tiegħu. (Flp. 4:6, 7) Meta jsiru jafu lil Ġeħova, mhux sempliċement billi jaqraw ċerti stqarrijiet fil-Bibbja imma wkoll billi jesperjenzaw it-twettiq tal-wegħdi tiegħu f’ħajjithom stess, imbagħad jibdew igawdu s-sigurtà li tiġi meta jifhmu verament x’jirrappreżenta isem Ġeħova.—Salm 34:8; Ġer. 17:7, 8.
Uża tajjeb kull opportunità biex tgħin lin-nies japprezzaw l-għerf li hemm f’li wieħed jibżaʼ mill-Alla l-veru, Ġeħova, u jżomm il-kmandamenti tiegħu.
‘NIXHDU DWAR ĠESÙ’
WARA l-irxoxt tiegħu u qabel ma mar lura s-sema, Ġesù Kristu ta istruzzjonijiet lid-dixxipli tiegħu, billi qalilhom: “Tkunu xhieda tiegħi . . . sa l-iktar parti mbiegħda taʼ l-art.” (Atti 1:8) Il-qaddejja leali taʼ Alla fi żmienna huma deskritti bħala dawk li “għandhom ix-xogħol li jixhdu dwar Ġesù.” (Riv. 12:17) Kemm tħabrek int f’dan ix-xogħol tal-għoti taʼ xhieda?
Ħafna nies li jgħidu sinċerament li jemmnu f’Ġesù ma jafu xejn dwar l-eżistenza tiegħu qabel ma sar bniedem. Ma jirrealizzawx li hu kien tassew bniedem meta kien fuq l-art. Ma jifhmux xi jfisser li hu kien l-Iben taʼ Alla. Ftit li xejn jafu dwar l-irwol tiegħu fit-twettiq tal-iskop taʼ Alla. Ma jafux x’inhu jagħmel issa, u ma jirrealizzawx kif ħajjithom se tiġi effettwata minn dak li se jagħmel fil-futur. Saħansitra għandhom mnejn bi żball jaħsbu li x-Xhieda taʼ Ġeħova ma jemmnux f’Ġesù. Huwa l-privileġġ tagħna li nistinkaw biex nagħmlu magħruf il-verità dwar dawn il-kwistjonijiet.
Jerġaʼ oħrajn ma jemmnux li xi ħadd bħal Ġesù kif inhu deskritt fil-Bibbja għex tassew. Xi wħud iħarsu lejn Ġesù sempliċement bħala raġel tal-għaġeb. Ħafna jiċħdu l-ħsieb li hu l-Iben taʼ Alla. Teħtieġ ħafna sforz, paċenzja, u tattika biex ‘tixhed dwar Ġesù’ fost dan it-tip taʼ nies.
Minkejja l-opinjoni tas-semmiegħa tiegħek, huma jridu jieħdu għarfien dwar Ġesù Kristu jekk iridu jibbenefikaw mill-provvediment taʼ Alla għall-ħajja taʼ dejjem. (Ġw. 17:3) Alla wera biċ-ċar li r-rieda tiegħu hi li dawk kollha li huma ħajjin għandhom ‘jistqarru quddiem kulħadd li Ġesù Kristu hu Mulej,’ u jissottomettu ruħhom għall-awtorità tiegħu. (Flp. 2:9-11) Għalhekk, aħna ma nistgħux sempliċement nevitaw il-kwistjoni meta niltaqgħu maʼ nies li għandhom opinjonijiet qawwijin imma żbaljati jew li għandhom preġudizzju sfaċċat. Waqt li f’xi każi nistgħu nitkellmu bil-miftuħ dwar Ġesù Kristu—anki fl-ewwel żjara tagħna—f’każi oħrajn, jistaʼ jkun hemm bżonn li nagħmlu kummenti diskreti li jgħinu lis-semmiegħa tagħna jibdew jaħsbu b’mod korrett dwaru. Jistaʼ jkollna bżonn ukoll naħsbu dwar metodi kif nintroduċu iktar aspetti tas-suġġett fiż-żjajjar futuri tagħna. Madankollu, jistaʼ ma jkunx possibbli li niddiskutu dak kollu li hu involut sakemm nikkonduċu studju tal-Bibbja fid-dar mal-individwu.—1 Tim. 2:3-7.
L-Irwol Vitali taʼ Ġesù fl-Iskop taʼ Alla. Irridu ngħinu lin-nies jifhmu li ladarba Ġesù hu “t-triq” u ‘ħadd ma jiġi għand il-Missier ħlief permezz tiegħu,’ mhuwiex possibbli li jkollhom relazzjoni approvata maʼ Alla mingħajr fidi f’Ġesù Kristu. (Ġw. 14:6) Jekk individwu ma jirrealizzax xi rwol vitali Ġeħova ta lil Ibnu, l-ewwel imwieled tiegħu, ma jkunx possibbli għalih li jifhem il-Bibbja. Għala? Għax lil dan l-Iben, Ġeħova għamlu l-wieħed prinċipali li kellu jwettaq l-iskopijiet kollha Tiegħu. (Kol. 1:17-20) Il-profezija Biblika tiffoka fuq dan il-fatt. (Riv. 19:10) Ġesù Kristu hu l-wieħed li permezz tiegħu s-soluzzjoni hi provduta għall-problemi kollha li ġabu r-ribelljoni taʼ Satana u d-dnub taʼ Adam.—Ebr. 2:5-9, 14, 15.
Biex jifhem l-irwol taʼ Kristu, individwu jrid jirrikonoxxi li l-bnedmin jinsabu fi stat tal-biki li ma jistgħux jeħilsu lilhom infushom minnu. Ilkoll kemm aħna nitwieldu bid-dnub. Dan jistaʼ jeffettwana b’diversi modi matul ħajjitna. Madankollu, illum jew għada dan iwassal għall-mewt. (Rum. 3:23; 5:12) Irraġuna dwar dan il-fatt maʼ dawk li tagħtihom xhieda. Imbagħad urihom li permezz tas-sagrifiċċju taʼ Ġesù Kristu bħala fidwa, Ġeħova bi mħabba għamel possibbli l-ħelsien mid-dnub u l-mewt għal dawk li jeżerċitaw fidi f’dan il-provvediment. (Mk. 10:45; Ebr. 2:9) Dan jiftħilhom it-triq biex igawdu ħajja taʼ dejjem fil-perfezzjoni. (Ġw. 3:16, 36) Dan mhu possibbli b’ebda mod ieħor. (Atti 4:12) Bħala għalliem, kemm jekk fil-privat u kemm jekk fil-kongregazzjoni, taqbadx u ssemmi biss dawn il-fatti. B’qalb tajba u bil-paċenzja, ibni fis-semmiegħa tiegħek sentiment taʼ gratitudni lejn l-irwol taʼ Kristu bħala l-Feddej tagħna. Il-gratitudni għal dan il-provvediment jistaʼ jkollha effett qawwi fuq l-attitudni, l-imġiba, u l-miri fil-ħajja taʼ individwu.—2 Kor. 5:14, 15.
M’għandniex xi ngħidu, Ġesù ta ħajtu bħala sagrifiċċju darba biss. (Ebr. 9:28) Madankollu, issa hu jinsab attiv jaqdi bħala Qassis il-Kbir. Għin lil oħrajn jifhmu xi jfisser dan. Qegħdin huma jesperjenzaw xi tip taʼ stress, diżappunt, tbatija, jew problemi minħabba li dawk taʼ madwarhom ma juruhomx qalb tajba? Meta Ġesù kien bniedem, hu esperjenza dawn l-affarijiet kollha. Hu jaf kif inħossuna. Minħabba l-imperfezzjoni, inħossu aħna li għandna bżonn il-ħniena taʼ Alla? Jekk nitolbu lil Alla għall-maħfra fuq il-bażi tas-sagrifiċċju taʼ Ġesù, Ġesù jaġixxi bħala “ajjutant mal-Missier.” B’mogħdrija, hu “jitlob bil-ħniena għalina.” (1 Ġw. 2:1, 2; Rum. 8:34) Fuq il-bażi tas-sagrifiċċju taʼ Ġesù u permezz tas-servizzi tiegħu bħala Qassis il-Kbir, aħna nistgħu nersqu lejn “it-tron tal-qalb tajba mhix mistħoqqa” taʼ Ġeħova biex nirċievu l-għajnuna f’waqtha. (Ebr. 4:15, 16) Għalkemm aħna imperfetti, l-għajnuna li jipprovdilna Ġesù bħala Qassis il-Kbir tippermettilna naqdu lil Alla b’kuxjenza nadifa.—Ebr. 9:13, 14.
Ukoll, Ġesù jeżerċita awtorità kbira bħala l-wieħed inkarigat minn Alla biex ikun il-Kap tal-kongregazzjoni Kristjana. (Mt. 28:18; Efes. 1:22, 23) Bħala tali, hu jipprovdi d-direzzjoni meħtieġa fi qbil mar-rieda taʼ Alla. Meta tgħallem lil oħrajn, għinhom jifhmu li Ġesù Kristu, u mhux xi bniedem, hu l-Kap tal-kongregazzjoni. (Mt. 23:10) Mill-ewwel kuntatt li jkollok maʼ wħud interessati, stidinhom għal-laqgħat tal-kongregazzjoni lokali, fejn nistudjaw il-Bibbja bl-għajnuna tal-materjal li hu provdut permezz tal-“ilsir leali u għaqli.” Tispjegalhomx biss min hu l-“ilsir” imma wkoll min hu s-Sid ħalli jirrealizzaw li Ġesù hu l-kap. (Mt. 24:45-47) Introduċihom lill-anzjani, u spjegalhom il-kwalifiki Skritturali li dawn iridu jilħqu. (1 Tim. 3:1-7; Titu 1:5-9) Semmi li l-kongregazzjoni mhijiex tal-anzjani imma li huma jgħinuna nimxu fil-passi taʼ Ġesù Kristu. (Atti 20:28; Efes. 4:16; 1 Pt. 5:2, 3) Għin lil dawn l-uħud interessati jaraw li hemm soċjetà globali u organizzata li qed taħdem taħt it-tmexxija taʼ Kristu bħala l-kap.
Mill-Evanġelji nitgħallmu li meta Ġesù daħal Ġerusalemm ftit qabel mewtu, id-dixxipli tiegħu faħħruh bil-kliem “Dak li ġej bħala s-Sultan f’isem Ġeħova!” (Lq. 19:38) Hekk kif in-nies jistudjaw il-Bibbja iktar fil-fond, huma jitgħallmu li Ġeħova issa ta lil Ġesù l-awtorità biex jaħkem li teffettwa lin-nies tal-ġnus kollha. (Dan. 7:13, 14) Meta tagħti taħditiet fil-kongregazzjoni jew tikkonduċi studji, ibni l-apprezzament għal dak li għandha tfisser għalina lkoll il-ħakma taʼ Ġesù.
Enfasizza li l-mod kif ngħixu ħajjitna juri jekk nemmnux tassew li Ġesù Kristu hu Sultan u jekk nissottomettux ruħna minn jeddna għall-ħakma tiegħu. Enfasizza x-xogħol li Ġesù, wara li ġie midluk bħala Sultan, inkariga lis-segwaċi tiegħu biex jagħmlu. (Mt. 24:14; 28:18-20) Iddiskuti x’qal Ġesù, il-Kunsillier tal-Għaġeb, dwar il-prijoritajiet fil-ħajja. (Is. 9:6, 7; Mt. 6:19-34) Idderieġi l-attenzjoni lejn dak li qal il-Prinċep tal-Paċi rigward l-ispirtu li kellhom juru s-segwaċi tiegħu. (Mt. 20:25-27; Ġw. 13:35) Oqgħod attent li ma tiħux ir-responsabbiltà f’idejk biex tiġġudika jekk oħrajn humiex qed jagħmlu kemm għandhom jagħmlu, imma inkuraġġihom jikkunsidraw x’jindika għemilhom dwar is-sottomissjoni tagħhom lejn il-ħakma taʼ Kristu bħala Sultan. Int u tagħmel dan, irrikonoxxi li int ukoll għandek bżonn tagħmel l-istess.
Inqiegħdu Bħala Pedament lil Kristu. Il-Bibbja xxebbah ix-xogħol taʼ li jsir dixxiplu Kristjan mal-bini taʼ struttura fuq Ġesù Kristu bħala l-pedament. (1 Kor. 3:10-15) Biex twettaq dan, għin lin-nies ikunu jafu lil Ġesù kif inhu deskritt fil-Bibbja. Oqgħod attent li ma jħarsux lejk bħala l-wieħed li qed isegwu. (1 Kor. 3:4-7) Idderieġi l-attenzjoni tagħhom lejn Ġesù Kristu.
Jekk il-pedament ikun tqiegħed sew, l-istudenti se jifhmu li Kristu ħallielna mudell biex ‘nimxu mill-qrib wara l-passi tiegħu.’ (1 Pt. 2:21) Biex tibni fuq dan, ħeġġeġ lill-istudenti biex jaqraw l-Evanġelji bħala eżempju li għandhom isegwu u mhux biss bħala sempliċi storja vera. Għinhom jiftakru u jagħtu kas l-attitudnijiet u l-kwalitajiet li kellu Ġesù. Ħeġġiġhom josservaw kif ħassu Ġesù dwar Missieru, kif issaporta t-tentazzjonijiet u l-provi, kif wera sottomissjoni lejn Alla, u kif ittratta mal-bnedmin f’diversi ċirkustanzi. Enfasizza l-attività li biha Ġesù mela ħajtu. Imbagħad meta jiffaċċja deċiżjonijiet u provi f’ħajtu, student se jistaqsi lilu nnifsu: ‘Kieku Ġesù x’jagħmel f’din is-sitwazzjoni? L-għażla tiegħi se turi apprezzament xieraq għal dak li għamel għalija?’
Meta titkellem quddiem il-kongregazzjoni, tikkonkludix li ladarba ħutek diġà għandhom fidi f’Ġesù, allura m’hemmx bżonn tiġbed attenzjoni speċjali lejh. Dak li tgħid se jkun iktar sinifikanti jekk tibni fuq dik il-fidi. Meta titkellem dwar il-laqgħat, agħmel konnessjoni mal-irwol taʼ Ġesù bħala l-Kap tal-kongregazzjoni. Meta tiddiskuti l-ministeru tal-għalqa, iġbed l-attenzjoni lejn l-attitudni li wera Ġesù hekk kif wettaq il-ministeru tiegħu, u ppreżenta l-ministeru bil-fehma taʼ dak li qed jagħmel Kristu bħala Sultan biex jiġbor lin-nies ħalli jsalvahom għal ġod-dinja l-ġdida.
Jidher ċar li mhuwiex biżżejjed li jiġu mgħallmin fatti bażiċi dwar Ġesù. Biex isiru Kristjani veri, in-nies iridu jeżerċitaw fidi fih u jsiru jħobbuh tassew. Imħabba bħal din tqanqalhom jobdu lealment. (Ġw. 14:15, 21) Tgħin lin-nies biex jieħdu waqfa soda fil-fidi meta jiffaċċjaw l-għawġ, biex ikomplu jimxu fil-passi taʼ Kristu tul il-jiem kollha taʼ ħajjithom, u biex juru li huma Kristjani maturi li għandhom ‘l-għeruq sodi u stabbiliti fuq il-pedament.’ (Efes. 3:17) Ħajja bħal din tagħti glorja lil Ġeħova, l-Alla u l-Missier taʼ Ġesù Kristu.
“DIN L-AĦBAR TAJBA TAS-SALTNA”
META pprovda dettalji dwar is-sinjali tal-preżenza tiegħu u tmiem is-sistema, Ġesù bassar: “Din l-aħbar tajba tas-saltna tiġi pridkata fl-art abitata kollha bħala xiehda lill-ġnus kollha; u mbagħad jiġi t-tmiem.”—Mt. 24:14.
X’inhu eżattament dan il-messaġġ li kellu jinfirex daqshekk? Hu dwar is-Saltna li għaliha Ġesù għallimna nitolbu lil Alla, meta qal: “Ħa tiġi saltnatek.” (Mt. 6:10) Rivelazzjoni 11:15 jiddeskriviha bħala “s-saltna tal-Mulej tagħna [Ġeħova] u tal-Kristu tiegħu” għaliex l-awtorità tal-ħakma toriġina minn Ġeħova u tingħata lil Kristu bħala Sultan. Madankollu, innota li l-messaġġ li Ġesù qal li kellu jiġi proklamat fi żmienna hu iktar mifrux minn dak li ppritkaw is-segwaċi tiegħu fl-ewwel seklu. Huma qalu lin-nies: “Is-saltna t’Alla qorbot lejkom.” (Lq. 10:9) Ġesù, il-wieħed midluk biex ikun Sultan, kien f’nofshom. Imma kif inhu mniżżel f’Mattew 24:14, Ġesù bassar li madwar id-dinja kellha tinxtered aħbar taʼ żvilupp ieħor fit-twettiq tal-iskop taʼ Alla.
Il-profeta Danjel ngħata viżjoni taʼ dan l-iżvilupp. Hu ra “xi ħadd bħal bin il-bniedem,” Ġesù Kristu, jirċievi mix-“Xiħ fil-Jiem,” Alla Ġeħova, “ħakma, dinjità, u saltna, sabiex il-popli, il-ġnus, u l-lingwi jaqdu kollha lilu.” (Dan. 7:13, 14) Din il-ġrajja taʼ importanza universali seħħet fis-sema fl-1914. Wara dan, ix-Xitan u d-demonji tiegħu twaddbu lejn l-art. (Riv. 12:7-10) Din is-sistema qadima daħlet fl-aħħar jiem tagħha. Imma qabel ma titneħħa għalkollox, qed issir proklamazzjoni globali li s-Sultan Messjaniku taʼ Ġeħova issa qed jaħkem mit-tron tiegħu fis-sema. In-nies kullimkien qed jiġu informati dwar dan. It-tweġiba tagħhom tagħti evidenza tal-attitudni tagħhom lejn l-Iktar Għoli bħala Ħakkiem “fis-saltna tal-bnedmin.”—Dan. 4:32.
Veru, għad hemm iktar xi jrid iseħħ—ħafna iktar! Aħna għadna nitolbu “Ħa tiġi saltnatek,” imma mhux bil-ħsieb li s-Saltna taʼ Alla għadha ma ġietx stabbilita. Minflok, hu bil-ħsieb li s-Saltna taʼ Alla se taġixxi b’mod finali ħalli twettaq profeziji bħal Danjel 2:44 u Rivelazzjoni 21:2-4. Din se tibdel l-art f’ġenna mimlija nies li jħobbu ’l Alla u lil ġarhom. Hekk kif nippritkaw “din l-aħbar tajba tas-saltna,” aħna niġbdu l-attenzjoni lejn dawn il-prospetti futuri. Imma wkoll, aħna b’fiduċja nagħmlu magħruf li Ġeħova diġà ta lil Ibnu l-awtorità sħiħa biex jaħkem. Qiegħed int tenfasizza din l-aħbar tajba meta tagħti xhieda dwar is-Saltna?
Kif Nispjegaw is-Saltna. Kif nistgħu nwettqu bis-sħiħ l-inkarigu tagħna biex inħabbru s-Saltna taʼ Alla? Nistgħu nqanqlu l-interess billi nibdew konversazzjonijiet fuq varjetà taʼ suġġetti, imma m’għandniex indumu biex nuru ċar li l-messaġġ tagħna hu dwar is-Saltna taʼ Alla.
Aspett importanti taʼ dan ix-xogħol jinvolvi li naqraw jew nikkwotaw skritturi li jirreferu għas-Saltna. Meta tirreferi għas-Saltna, kun ċert li dawk li tkellem jifhmu x’inhi. Forsi ma jkunx biżżejjed li sempliċement tgħid li s-Saltna taʼ Alla hi gvern. Xi nies forsi jsibuha diffiċli jaħsbu li xi ħaġa inviżibbli hija gvern. Tistaʼ tirraġuna magħhom b’diversi modi. Pereżempju, ir-riħ huwa inviżibbli, imma għandu effett qawwi fuq ħajjitna. Ma nistgħux naraw il-Wieħed li jikkontrollah, imma huwa ovvju li għandu qawwa kbira. Il-Bibbja tirreferi għalih bħala “s-Sultan tal-eternità.” (1 Tim. 1:17) Jew forsi tistaʼ tirraġuna li f’pajjiż kbir, ħafna nies forsi qatt ma żaru l-belt kapitali jew raw il-ħakkiem tagħhom wiċċ imb wiċċ. Huma jitgħallmu dwar dawn l-affarijiet mir-rapporti tal-aħbarijiet. B’mod simili, il-Bibbja, li tiġi pubblikata b’iktar minn 2,200 lingwa, tgħidilna dwar is-Saltna taʼ Alla; turina min ġie fdat bl-awtorità u x’qed tagħmel is-Saltna. It-Torri tal-Għassa, pubblikat b’iktar lingwi minn kwalunkwe rivista oħra, hu dedikat biex “Iħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova,” kif hemm miktub fil-qoxra taʼ quddiem.
Biex tgħin lin-nies jifhmu x’inhi s-Saltna, tistaʼ ssemmi xi affarijiet li jixtiequ li l-gvernijiet jipprovdu: sigurtà ekonomika, paċi, ħelsien mill-kriminalità, edukazzjoni, kura tas-saħħa, u li l-gruppi etniċi kollha jiġu trattati mingħajr parzjalità. Uri li hu biss permezz tas-Saltna taʼ Alla li dawn ix-xewqat u xewqat tajbin oħrajn tal-umanità se jiġu sodisfati għalkollox.—Salm 145:16.
Stinka biex tqanqal xewqa fin-nies li jkunu sudditi tas-Saltna li fiha Ġesù Kristu jaħkem bħala Sultan. Semmi l-mirakli li wettaq bħala dehra bil-quddiem taʼ dak li se jagħmel bħala Sultan tas-sema. Tkellem spiss dwar il-kwalitajiet mill-isbaħ li wera hu. (Mt. 8:2, 3; 11:28-30) Spjega li hu ta ħajtu għalina u li wara dan Alla rxoxtah għal ħajja immortali fis-smewwiet. Hu minn hemm li issa qed jaħkem bħala Sultan.—Atti 2:29-35.
Enfasizza li s-Saltna taʼ Alla issa qed taħkem mis-smewwiet. Madankollu, trid tirrealizza li ħafna nies ma jarawx il-kundizzjonijiet li jaħsbu li jagħtu evidenza taʼ ħakma bħal din. Irrikonoxxi dan, u staqsi jekk jafux x’qal Ġesù Kristu dwar x’kellha tkun l-evidenza taʼ din il-ħakma. Enfasizza xi aspetti tas-sinjal magħmul minn ħafna affarijiet misjub f’Mattew kapitlu 24, Marku kapitlu 13, jew Luqa kapitlu 21. Imbagħad staqsi għala l-fatt li Kristu tpoġġa fuq tron fis-sema kellu jwassal għal ġrajjiet bħal dawn fuq l-art. Idderieġi l-attenzjoni lejn Rivelazzjoni 12:7-10, 12.
Bħala evidenza li tidher taʼ dak li qed tagħmel is-Saltna taʼ Alla, aqra Mattew 24:14, u ddeskrivi l-programm globali taʼ edukazzjoni Biblika li qed iseħħ bħalissa. (Is. 54:13) Għid lin-nies dwar id-diversi skejjel li x-Xhieda taʼ Ġeħova jibbenefikaw minnhom—ilkoll ibbażati fuq il-Bibbja u lkoll jinżammu mingħajr ħlas. Spjega li minbarra l-ministeru minn dar għal dar, aħna noffru tagħlim bla ħlas mill-Bibbja lil individwi u familji f’iktar minn 230 art. Liema gvern uman jinsab f’pożizzjoni li jipprovdi programm taʼ edukazzjoni daqshekk estensiv mhux biss għas-sudditi tiegħu imma wkoll għan-nies madwar id-dinja? Stieden lin-nies jiġu fis-Sala tas-Saltna u jattendu l-assembleat u l-konvenzjonijiet tax-Xhieda taʼ Ġeħova biex jaraw l-evidenza taʼ kif din l-edukazzjoni qed teffettwa l-ħajja tan-nies.—Is. 2:2-4; 32:1, 17; Ġw. 13:35.
Imma se jirrealizza l-inkwilin kif tiġi effettwata ħajtu stess? Tistaʼ turi bit-tattika li l-iskop taż-żjara tiegħek hu li tiddiskuti l-opportunità li hi miftuħa għal kulħadd biex jagħżel ħajja bħala sudditu tas-Saltna taʼ Alla. Kif? Billi dak li jkun jitgħallem x’jirrikjedi Alla u jgħix fi qbil maʼ dan minn issa.—Dt. 30:19, 20; Riv. 22:17.
Kif Ngħinu lil Oħrajn Ipoġġu s-Saltna l-Ewwel. Anki wara li individwu jaċċetta l-messaġġ tas-Saltna, hemm deċiżjonijiet li jrid jieħu. Liema prijorità se jagħti lis-Saltna taʼ Alla f’ħajtu stess? Ġesù ħeġġeġ lid-dixxipli tiegħu biex ‘jibqgħu jfittxu l-ewwel is-saltna.’ (Mt. 6:33) Kif nistgħu ngħinu lil Kristjani sħabna biex jagħmlu dan? Billi nagħtu eżempju tajjeb aħna stess u billi niddiskutu opportunitajiet li huma disponibbli. Kultant billi nistaqsu jekk l-individwu kkunsidrax ċerti possibbiltajiet u billi naqsmu esperjenzi biex nuru x’inhuma jagħmlu oħrajn. Billi niddiskutu rakkonti Bibliċi b’tali mod li dawn ikabbru l-imħabba tal-individwu lejn Ġeħova. Billi nenfasizzaw kemm hi reali s-Saltna. Billi nenfasizzaw kemm hu tassew importanti x-xogħol tal-proklamazzjoni tas-Saltna. L-akbar ġid spiss isir billi titqanqal xewqa fl-individwu biex jagħmel dak li hu meħtieġ u mhux billi jingħadlu x’hemm bżonn isir.
Mingħajr dubju, il-messaġġ vitali li lkoll kemm aħna rridu nipproklamaw jiffoka l-attenzjoni primarja fuq Alla Ġeħova, Ġesù Kristu, u s-Saltna. Il-veritajiet vitali dwarhom għandhom jiġu enfasizzati fl-għoti taʼ xhieda tagħna fil-pubbliku, fil-kongregazzjonijiet tagħna, u fil-ħajjiet persunali tagħna. Meta nagħmlu dan, aħna nuru li qed nibbenefikaw tassew mill-edukazzjoni tagħna tal-Iskola tal-Ministeru Teokratiku.