Kapitlu Tnejn
Igglorifika lil Jehovah Bħala l-Uniku Alla Veru
1. Min hu l-uniku Alla veru?
IL-BIBBJA tgħid li għalkemm hemm ħafna li huma meqjusin bħala allat, “għalina Alla wieħed hemm: il-Missier.” (1 Korintin 8:5, 6) Dan l-“Alla wieħed” huwa Jehovah, il-Ħallieq taʼ l-affarijiet kollha. (Dewteronomju 6:4; Apokalissi 4:11) Ġesù rrefera għalih bħala “Alla tiegħi u Alla tagħkom.” (Ġwann 20:17) Hu ssieħeb maʼ Mosè, li iktar qabel kien qal: “Il-Mulej hu Alla [veru], u m’hemmx ieħor ħliefu.” (Dewteronomju 4:35) Jehovah huwa ferm iktar superjuri minn kwalunkwe oġġett taʼ qima, bħall-idoli, il-bnedmin magħmulin allat, jew l-għadu tiegħu Satana x-Xitan, “l-alla taʼ din id-dinja.” (2 Korintin 4:3, 4) B’kuntrast maʼ dan kollu, Jehovah huwa, bħalma sejjaħlu Ġesù, ‘Alla waħdu veru.’—Ġwann 17:3.
2. Hekk kif nitgħallmu dwar Alla, ħajjitna kif għandha tiġi effettwata?
2 Nies grati li jitgħallmu dwar il-kwalitajiet sbieħ t’Alla, kif ukoll dwar dak li għamel u li għadu jrid jagħmel, jinġibdu lejh. Hekk kif imħabbithom lejn Jehovah tikber, huma jħossuhom imqanqlin biex jigglorifikawh. Kif? Mod wieħed hu billi jgħidu lil oħrajn dwaru. Wieħed “jistqarr b’xufftejh biex ikollu s-salvazzjoni,” jgħid Rumani 10:10. Mod ieħor hu billi jimitawh fil-kliem u fl-għemil. ‘Ixbhu lil Alla, bħala wlied maħbuba,’ jgħid Efesin 5:1. Biex inwettqu dan b’mod sħiħ, irridu nkunu nafu x’inhuma l-kwalitajiet veri taʼ Jehovah.
3. Liema huma l-kwalitajiet prinċipali t’Alla?
3 Fil-Bibbja hemm ħafna stqarrijiet li jidentifikaw il-kwalitajiet meraviljużi t’Alla. L-erbaʼ attributi prinċipali tiegħu huma l-għerf, il-ġustizzja, il-qawwa, u l-imħabba. ‘Għand Alla hemm l-għerf.’ (Ġob 12:13) ‘Ġusti t-triqat tiegħu.’ (Dewteronomju 32:4) Hu għandu ‘l-qawwa.’ (Isaija 40:26) ‘Alla hu mħabba.’ (1 Ġwann 4:8) Madankollu, mill-erbaʼ kwalitajiet prinċipali t’Alla, liema minnhom l-iktar li tispikka, l-iktar waħda fosthom li tindika x’tip t’Alla hu?
“Alla Hu Mħabba”
4. Liema kwalità t’Alla kienet fundamentali biex qanqlitu joħloq l-univers u l-affarijiet ħajjin kollha?
4 Ikkunsidra x’qanqal lil Jehovah biex joħloq l-univers u l-ħlejjaq intelliġenti kemm spirti u kemm umani. Kien l-għerf jew il-qawwa tiegħu? Le, għax għalkemm Alla użahom, ma kinux dawk il-forzi li qanqluh. U l-ġustizzja tiegħu ma kinitx titlob li hu jaqsam ir-rigal tal-ħajja maʼ ħaddieħor. Pjuttost, l-imħabba kbira t’Alla qanqlitu biex jaqsam il-ferħ taʼ l-eżistenza intelliġenti m’oħrajn. L-imħabba qanqlitu biex iħejji l-iskop li l-bnedmin ubbidjenti għandhom jgħixu għal dejjem f’Ġenna taʼ l-art. (Ġenesi 1:28; 2:15) L-imħabba ġagħlitu jagħmel arranġamenti biex ineħħi l-kundanna li d-dnub taʼ Adam ġab fuq l-umanità.
5. Skond il-Bibbja, Jehovah huwa l-personifikazzjoni taʼ liema kwalità, u għala?
5 B’hekk, mill-kwalitajiet kollha t’Alla, l-iktar li tispikka hija l-imħabba. Hija l-eżistenza, jew in-natura tiegħu. Huma kemm huma importanti l-għerf, il-ġustizzja, u l-qawwa tiegħu, il-Bibbja qatt ma tgħid li Jehovah hu xi waħda minnhom. Imma tgħid li hu mħabba. Iva, Jehovah huwa l-personifikazzjoni taʼ l-imħabba. Din hija mħabba gwidata mill-prinċipji, mhux mill-emozzjonijiet. L-imħabba t’Alla hija mmexxija mill-prinċipji tal-verità u s-sewwa. Hija l-ogħla għamla taʼ mħabba, li bħala eżempju tagħha għandna lil Alla Jehovah innifsu. Din l-imħabba hija espressjoni taʼ nuqqas sħiħ taʼ egoiżmu u dejjem tintwera bil-provi.
6. X’jagħmilha possibbli għalina biex nimitaw lil Alla, avolja hu superjuri minna?
6 Hija din il-kwalità meraviljuża taʼ l-imħabba li tgħinna nimitaw lil Alla. Bħala bnedmin inferjuri, imperfetti, u li niżbaljaw, forsi naħsbu li qatt ma nistgħu nimitawh b’suċċess. Imma għandna eżempju ieħor taʼ l-imħabba kbira taʼ Jehovah: Hu konxju u jifhem il-limitazzjonijiet tagħna u ma jistenniex il-perfezzjoni minna. Hu jaf li ninsabu ’l bogħod ħafna mill-perfezzjoni. (Salm 51:7 [51:5, NW]) Għalhekk Salm 130:3, 4 jgħid: “Jekk tal-ħtijiet int tagħti kas, Mulej, Sidi, min jistaʼ jżomm sħiħ? Imma għandek hemm il-maħfra.” Iva, Jehovah huwa “Alla li jagħder u jħenn; tqil biex jagħdab u kbir fit-tjieba.” (Eżodu 34:6) “Għax int, Sidi, twajjeb u taħfer.” (Salm 86:5) Kemm hu taʼ faraġ dan! Kemm huwa pjaċevoli li taqdi lil dan Alla meraviljuż u li tesperjenza l-mod kif jieħu ħsiebna bil-ħniena u bl-imħabba!
7. L-imħabba taʼ Jehovah kif tistaʼ tidher fix-xogħol tal-ħolqien tiegħu?
7 L-imħabba taʼ Jehovah tistaʼ tidher ukoll fix-xogħol tal-ħolqien tiegħu. Aħseb dwar kemm Jehovah ipprovdielna affarijiet biex ingawduhom, bħall-ġmiel tal-muntanji, il-foresti, il-widien, u l-oċeani. Hu tana varjetà kbira taʼ ikel biex nieħdu pjaċir bit-togħma tiegħu u biex isostnina. Ukoll, Jehovah ipprovda kull xorta taʼ fjuri sbieħ u jfuħu kif ukoll t’annimali li tant nitgħaxxqu bihom. Hu għamel affarijiet li bihom il-bnedmin jieħdu pjaċir, avolja ma kellux għalfejn. Veru, peress li fil-preżent qed ngħixu f’din id-dinja mill-agħar u għandna l-imperfezzjoni ma nistgħux ingawdu l-ħolqien tiegħu b’mod sħiħ. (Rumani 8:22) Imma immaġina ftit x’se jagħmel Jehovah għalina fil-Ġenna taʼ l-art! Is-salmista jassigurana: “Int tiftaħ idek, u xxabbaʼ ’l kulħadd bil-ġid.”—Salm 145:16.
8. Liema hu l-iktar eżempju li jispikka taʼ l-imħabba taʼ Jehovah għalina?
8 Liema hu l-iktar eżempju li jispikka taʼ l-imħabba taʼ Jehovah għall-umanità? Il-Bibbja tispjega: “Għax Alla hekk ħabb lid-dinja li ta lil Ibnu l-waħdieni, biex kull min jemmen fih ma jintilifx, iżda jkollu l-ħajja taʼ dejjem.” (Ġwann 3:16) Għamlu dan Jehovah minħabba t-tjubija tal-bniedem? Rumani 5:8 jwieġeb: “Alla wriena l-imħabba tiegħu meta Kristu miet għalina, aħna li konna għadna midinbin.” Tabilħaqq, Alla bagħat lill-Iben perfett tiegħu fuq l-art biex jissagrifika ħajtu bħala prezz tal-fidwa biex jifdina mill-kundanna tad-dnub u l-mewt. (Mattew 20:28) Dan fetaħ it-triq biex nies li jħobbu lil Alla setgħu jiksbu ħajja taʼ dejjem. Għall-grazzja t’Alla, l-imħabba tiegħu testendi lejn dawk kollha li jridu jagħmlu r-rieda tiegħu, għax il-Bibbja tgħidilna: “Alla ma jħares lejn wiċċ ħadd, imma jilqaʼ lil kull min għandu l-biżaʼ tiegħu u jagħmel is-sewwa, ikun minn liema poplu jkun.”—Atti 10:34, 35.
9. Kif għandna niġu influwenzati mill-fatt li Jehovah ta lil Ibnu bħala fidwa għalina?
9 Il-fatt li Jehovah ta lil Ibnu bħala fidwa għalina, u b’hekk fetħilna t-triq għall-ħajja taʼ dejjem, kif għandu jinfluwenza l-mod kif nużaw ħajjitna issa? Dan għandu jkabbar imħabbitna għal Alla veru, Jehovah. Fl-istess ħin, għandu jġagħalna nkunu rridu nagħtu widen lil Ġesù, li jirrappreżenta lil Alla. “[Ġesù] miet għal kulħadd biex dawk li jgħixu ma jgħixux għalihom infushom, imma għal dak li miet . . . għalihom.” (2 Korintin 5:15) Kemm huwa pjaċevoli li nsegwu l-passi taʼ Ġesù, għax hu kien xempju taʼ kif wieħed jimita l-imħabba u l-mogħdrija taʼ Jehovah! Dan jidher mill-kliem li Ġesù qal lill-umlin: “Ejjew għandi, intom ilkoll li tinsabu mħabbtin u mtaqqlin, u jiena nserraħkom. Ħudu fuqkom il-madmad tiegħi u tgħallmu minni, għaliex jiena taʼ qalb ħelwa u umli, u intom issibu l-mistrieħ għal ruħkom. Għax il-madmad tiegħi ħelu u t-toqol tiegħi ħafif.”—Mattew 11:28-30.
Nuru Mħabba Lejn Oħrajn
10. Liema huma xi modi kif nistgħu nuru l-imħabba għall-Kristjani sħabna?
10 Kif nistgħu nuru li għandna l-istess tip taʼ mħabba għall-Kristjani sħabna bħal dik li Jehovah u Ġesù għandhom għalina? Innota kemm għandna modi kif nistgħu nagħmlu dan: “L-imħabba taf tistabar u tħenn; l-imħabba m’hijiex għajjura, ma tintefaħx biha nfisha, ma titkabbarx fuq l-oħrajn; ma tagħmilx dak li m’hux xieraq; ma tfittixx dak li hu tagħha, xejn ma tinkorla; ma żżommx f’qalbha għad-deni, ma tifraħx bl-inġustizzja, imma tifraħ bil-verità; kollox tagħder, kollox temmen, kollox tittama, kollox tissaporti. L-imħabba ma tintemm qatt.”—1 Korintin 13:4-8; 1 Ġwann 3:14-18; 4:7-12.
11. Lejn min iktar għandna nuru mħabba, u kif?
11 Lejn min iktar għandna nuru mħabba, u kif? Ġesù qal: “Morru, mela, agħmlu dixxipli mill-ġnus kollha, u għammduhom fl-isem tal-Missier u taʼ l-Iben u taʼ l-Ispirtu s-Santu, u għallmuhom iħarsu dak kollu li ordnajtilkom jien.” (Mattew 28:19, 20) Dan jinvolvi li naqsmu l-aħbar tajba, li Alla dalwaqt se jagħmel dinja ġdida li se tkun ġenna taʼ l-art, maʼ dawk li għadhom m’humiex Kristjani sħabna. Ġesù wera b’mod ċar li mħabbitna m’għandhiex tkun biss lejn dawk taʼ l-istess twemmin bħalna, għax hu qal: “Jekk intom tħobbu [biss] lil min iħobbkom, xi ħlas jistħoqqilkom? M’hux il-pubblikani wkoll jagħmluh dan? U jekk issellmu lil ħutkom biss, xi tkunu tagħmlu żejjed? M’hux il-pagani wkoll jagħmluh dan?”—Mattew 5:46, 47; 24:14; Galatin 6:10.
‘Imxi f’Isem Jehovah’
12. Għala l-isem t’Alla jistaʼ japplika biss għalih?
12 Aspett importanti ieħor li bih nigglorifikaw lil Alla veru hu li nsiru nafu l-isem uniku tiegħu, Jehovah, nużawh, u ngħallmuh lil oħrajn. Is-salmista esprima din ix-xewqa ħerqana: “Biex jagħrfu li Jaħweh hu ismek, li int waħdek l-Għoli fuq l-art kollha.” (Salm 83:19 [83:18, NW]) L-isem Jehovah, jew Jaħweh, ifisser “Hu Jikkaġuna li Jsir.” Hu dak Alla Grandjuż li jfassal u dejjem iwettaq b’suċċess l-iskopijiet tiegħu. Alla veru biss jistaʼ bi dritt iġorr dan l-isem, għax il-bnedmin qatt ma jistgħu jkunu żguri li l-isforzi tagħhom se jirnexxu. (Ġakbu 4:13, 14) Jehovah biss jistaʼ jgħid li kelmtu “ttemm” dak li jibgħatha tagħmel. (Isaija 55:11) Ħafna jitqanqlu meta jaraw għall-ewwel darba l-isem t’Alla fil-Bibbji tagħhom u jitgħallmu xi jfisser. (Eżodu 6:3) Imma se jibbenefikaw minn dan l-għarfien biss jekk ‘jimxu f’isem il-Mulej [Jehovah], għal dejjem.’—Mikea 4:5.
13. X’hemm involut f’li tagħraf isem Jehovah u timxi f’ismu?
13 Rigward l-isem t’Alla, Salm 9:11 (9:10, NW) jistqarr: “Fik jittama min jagħraf lil ismek.” Dan jinvolvi iktar milli sempliċement tkun taf l-isem Jehovah, għax b’hekk ma jfissirx li bilfors tafda fih. Tagħraf l-isem t’Alla jfisser li tifhem u tkun grat lejn Jehovah għall-kwalitajiet tiegħu, li tirrispetta l-awtorità tiegħu, tobdi l-kmandamenti tiegħu, u tafdah f’kollox. (Proverbji 3:5, 6) B’mod simili, li nimxu f’isem Jehovah jinvolvi li niddedikaw ħajjitna lilu u li nirrappreżentawh bħala aduraturi tiegħu, billi tassew nużaw ħajjitna fi qbil mar-rieda t’Alla. (Luqa 10:27) Qed tagħmel dan int?
14. Jekk irridu naqdu lil Jehovah għal dejjem, x’għandna bżonn nagħmlu minbarra li nħossuna obbligati?
14 Jekk irridu naqdu lil Jehovah għal dejjem, m’għandniex nagħmlu dan sempliċement għax aħna obbligati. L-appostlu Pawlu ħeġġeġ lil Timotju, li kien ilu jaqdi lil Jehovah għal ħafna snin: ‘Ħarreġ lilek innifsek bid-devozzjoni lejn Alla bħala l-mira tiegħek.’ (1 Timotju 4:7, NW) Id-devozzjoni tiġi minn qalb mimlija gratitudni lejn il-persuna li lilha se tingħata. “Id-devozzjoni lejn Alla” tesprimi unur u rispett profond lil Jehovah personalment. Din hija turija taʼ rabta kollha mħabba lejh minħabba l-istima kbira għalih u għall-mogħdijiet tiegħu. Iġġagħalna nkunu rridu li kulħadd ifaħħar u jonora lil ismu. Għandna nikkultivaw id-devozzjoni lejn Alla f’ħajjitna jekk irridu nimxu f’isem Jehovah, l-uniku Alla veru, għal dejjem.—Salm 37:4; 2 Pietru 3:11.
15. Kif nistgħu nagħtu d-devozzjoni esklużiva tagħna lil Alla?
15 Biex naqdu lil Alla b’mod aċċettabbli, irridu nqimu biss lilu, ladarba hu “Alla għajjur,” li jesiġi devozzjoni esklużiva. (Eżodu 20:5) Ma nistgħux inħobbu lil Alla u fl-istess ħin inħobbu lid-dinja mill-agħar, li l-alla tagħha hu Satana. (Ġakbu 4:4; 1 Ġwann 2:15-17) Jehovah jaf eżattament liema tip taʼ persuna kull wieħed u waħda minna qed jipprova jkun. (Ġeremija 17:10) Jekk tassew inħobbu s-sewwa, hu jarah dan u jgħinna nissaportu l-provi tagħna taʼ kuljum. Billi jappoġġana bl-ispirtu qaddis u qawwi tiegħu, hu se jgħinna nirbħu kontra l-ħażen li tant huwa mifrux f’din id-dinja. (2 Korintin 4:7) Hu se jgħinna wkoll inżommu t-tama qawwija tagħna taʼ ħajja taʼ dejjem fuq l-art magħmula ġenna. Xi prospett glorjuż dan! Għandna nħossuna grati ferm għal dan u għandna naqdu minn qalbna lil Alla veru, Jehovah, li se jagħmel dan kollu possibbli.
16. Xi trid tagħmel flimkien maʼ miljuni oħra?
16 Miljuni taʼ nies mad-dinja kollha aċċettaw bil-ferħ l-istedina tas-salmista li kiteb: “Xandru l-kobor tal-Mulej miegħi; ħa ngħollu ismu flimkien.” (Salm 34:4 [34:3, NW]) Jehovah jistiednek tkun fost il-kotriet li dejjem jiżdiedu fil-ġnus kollha li qed jagħmlu dan.
Diskussjoni Bħala Reviżjoni
• X’tip taʼ persuna hu Jehovah? Kif nibbenefikaw milli jkollna fehma ċara tal-kwalitajiet tiegħu?
• Kif nistgħu ngħinu nies oħra jitgħallmu l-verità dwar Alla?
• X’hemm involut f’li tagħraf isem Jehovah u timxi f’ismu?
[Stampi f’paġna 14]
Jehovah, bl-imħabba kbira li għandu, se ‘jiftaħ idu, u jxabbaʼ ’l kulħadd bil-ġid’