LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • wt kap. 4 pp. 32-40
  • Dak li Xehdu Għalih il-Profeti Kollha

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Dak li Xehdu Għalih il-Profeti Kollha
  • Qim lill-Uniku Alla Veru
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • X’Irrivelaw il-​Profeziji
  • Uri Fidi fi Kristu
  • Il-Wieħed li Għalih il-Profeti Kollha Taw Xiehda
    Magħqudin fil-Qima Taʼ L-Uniku Alla Veru
  • L-Armonija Sħiħa tal-Bibbja
    Il-Bibbja—Il-Kelma tʼAlla jew tal-Bniedem?
  • Iż-Żerriegħa tas-Serpent—Kif Mikxufa?
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1996
  • L-Unika Triq għall-Ħajja taʼ Dejjem
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1999
Ara Iżjed
Qim lill-Uniku Alla Veru
wt kap. 4 pp. 32-40

Kapitlu Erbgħa

Dak li Xehdu Għalih il-​Profeti Kollha

1. Il-​fatti dwar l-​eżistenza taʼ Ġesù qabel sar bniedem x’juru rigward ir-​relazzjoni tiegħu maʼ Jehovah?

“IL-​MISSIER lill-​Iben iħobbu u jurih kull ma jagħmel.” (Ġwann 5:20) X’relazzjoni intima jgawdi l-​Iben maʼ Missieru, Jehovah! Din ir-​relazzjoni mill-​qrib bdiet fiż-​żmien tal-​ħolqien tiegħu, millennji bla għadd qabel ma twieled bħala bniedem. Hu l-​Iben uniġenitu t’Alla, l-​uniku wieħed li nħoloq direttament minn Jehovah innifsu. Kull ħaġa oħra fis-​sema u fl-​art inħolqot permezz taʼ dan l-​Iben ferm maħbub, l-​ewwel imwieled. (Kolossin 1:​15, 16) Hu qeda wkoll bħala l-​Kelma, jew il-​Kelliemi t’Alla, Dak li permezz tiegħu r-​rieda divina twasslet lil oħrajn. Dan l-​Iben li Alla jħobb b’mod speċjali, sar il-​bniedem Ġesù Kristu.—Proverbji 8:​22-30; Ġwann 1:​14, 18, Karm Żammit; 12:​49, 50.

2. Sa liema punt il-​profeziji Bibliċi rreferew għal Ġesù?

2 Minn qabel ma l-​ewwel Iben imwieled t’Alla tnissel mirakolożament bħala bniedem, kienu nkitbu ħafna profeziji ispirati dwaru. L-​appostlu Pietru xehed lil Kornelju: “Il-​profeti kollha jixhdu għalih.” (Atti 10:43) L-​irwol taʼ Ġesù tant issemma fil-​Bibbja li anġlu qal lill-​appostlu Ġwanni: “Ix-​xhieda taʼ Ġesù hi l-​ispirtu tal-​profezija.” (Apokalissi 19:10) Dawn il-​profeziji identifikawh b’mod ċar bħala l-​Messija. Huma ġibdu l-​attenzjoni lejn diversi rwoli li kellu jieħu fit-​twettiq taʼ l-​iskopijiet t’Alla. Dan kollu għandu jkun taʼ interess kbir għalina llum.

X’Irrivelaw il-​Profeziji

3. (a) Fil-​profezija taʼ Ġenesi 3:​15, min hu rappreżentat mis-​serp, mill-​“mara,” u ‘min-​nisel tas-​serp’? (b) Il-​fatt li ‘tinsaħaq ras is-​serp’ għala kellu jkun taʼ interess kbir għall-​qaddejja taʼ Jehovah?

3 L-​ewwel waħda minn dawn il-​profeziji tlissnet wara r-​ribelljoni fl-​Għeden. Jehovah qal lis-​serp: “Jien inqajjem mibegħda bejnek u bejn il-​mara, bejn nislek u nisilha, u hu jisħaqlek rasek u int tisħaqlu għarqubu.” (Ġenesi 3:15) Din il-​profezija kienet fil-​fatt diretta lejn Satana, li hu rappreżentat mis-​serp. “Il-​mara” hija l-​organizzazzjoni leali li Jehovah stess għandu fis-​sema, li għalih hi bħal mara leali lejn żewġha. In-​‘nisel tas-​serp’ jinkludi l-​anġli u l-​bnedmin kollha li juru l-​ispirtu taʼ Satana, dawk li jopponu lil Jehovah u lin-​nies Tiegħu. Il-​fatt li se ‘tinsaħaq ras is-​serp’ ifisser il-​qerda li se sseħħ fuq ir-​ribell, Satana, li mmalafama lil Jehovah u ġab niket kbir fuq l-​umanità. Imma x’inhi l-​identità tal-​parti prinċipali tan-​‘nisel’ li se jisħaq ras is-​serp? Għal sekli sħaħ, dan baqaʼ “misteru [“sigriet sagru,” NW].”—Rumani 16:​20, 25, 26.

4. Il-​linja taʼ l-​antenati taʼ Ġesù kif għenet biex tidentifikah bħala n-​Nisel imwiegħed?

4 Wara xi 2,000 sena taʼ l-​istorja tal-​bniedem, Jehovah ipprovda iktar dettalji. Hu indika li n-​Nisel kellu jidher fil-​linja tal-​familja t’Abraham. (Ġenesi 22:​15-18) Madankollu, il-​linja li kellha twassal għan-​Nisel kellha tiddependi minn dawk li jagħżel Alla, mhux mid-​dixxendenti naturali. Minkejja l-​imħabba t’Abraham għal ibnu Ismagħel, imwieled minn Ħagar, Jehovah qal: “Il-​patt tiegħi nagħmlu maʼ Iżakk, li għad tilidlek Sara.” (Ġenesi 17:​18-21) Iktar tard dan il-​patt ġie konfermat, mhux lil Eżaw, l-​ewwel imwieled taʼ Iżakk, imma lil Ġakobb, li minnu tnisslu t-​12-il tribù taʼ Iżrael. (Ġenesi 28:​10-14) Maż-​żmien, ġie indikat li n-​Nisel kellu jitwieled mit-​tribù taʼ Ġuda, mil-​linja taʼ David.—Ġenesi 49:10; 1 Kronaki 17:​3, 4, 11-14.

5. Meta Ġesù beda l-​ministeru tiegħu fuq l-​art, x’kien li wera biċ-​ċar li hu kien il-​Messija?

5 Liema tagħrif ieħor ngħata dwar l-​identità tan-​Nisel? Iktar minn 700 sena bil-​quddiem, il-​Bibbja semmiet lil Betlehem bħala l-​post fejn in-​Nisel imwiegħed kellu jitwieled bħala bniedem. Irrivelat ukoll li n-​Nisel kien diġà ilu jeżisti “mill-​qedem, sa minn dejjem taʼ dejjem,” minn meta ġie maħluq fis-​sema. (Mikea 5:1 [5:​2, NW]) Bassret ukoll permezz tal-​profeta Danjel, iż-​żmien eżatt meta kellu jidher fuq l-​art bħala l-​Messija. (Danjel 9:​24-26) U meta Ġesù ġie midluk bl-​ispirtu qaddis, u b’hekk sar il-​Wieħed Midluk taʼ Jehovah, il-​leħen t’Alla stess mis-​sema identifikah b’mod ċar bħala Ibnu. (Mattew 3:​16, 17) In-​Nisel ġie rivelat! B’hekk, Filippu setaʼ jgħid b’konvinzjoni: ‘Sibna lil dak li fuqu kitbu Mosè fil-​Liġi, u l-​profeti fil-​kotba tagħhom, lil Ġesù.’—Ġwann 1:45.

6. (a) Skond Luqa 24:​27, x’irrealizzaw is-​segwaċi taʼ Ġesù? (b) Min hu l-​parti prinċipali tan-​‘nisel tal-​mara,’ u xi jfisser li se jisħaq ras is-​serp?

6 Minn dakinhar ’il quddiem, is-​segwaċi taʼ Ġesù rrealizzaw li kien hemm ħafna u ħafna referenzi profetiċi dwaru li jagħmlu parti mill-​Iskrittura ispirata. (Luqa 24:27) Intwera saħansitra iktar biċ-​ċar li Ġesù huwa l-​parti prinċipali tan-​‘nisel tal-​mara,’ dak li se jisħaq ras is-​serp, u b’hekk jeqred għalkollox lil Satana. Permezz taʼ Ġesù, il-​wegħdi kollha t’Alla għall-​bnedmin, l-​affarijiet kollha li ilna tant nistennew bil-​ħerqa, se jitwettqu.—2 Korintin 1:20.

7. Minbarra l-​identità taʼ Dak li jirreferu għalih il-​profeziji, x’hemm bżonn nirrealizzaw iktar għall-​benefiċċju tagħna?

7 Li nkunu nafu dan kif għandu jeffettwana? Il-​Bibbja tgħidilna dwar ewnuku Etjopjan li kien qara ftit minn dawn il-​profeziji dwar il-​Feddej u l-​Messija li kellu jiġi. Minħabba li ma setax jifhem, hu staqsa lill-​evanġelizzatur Filippu: “Għal min qiegħed jgħid dan il-​profeta?” Imma l-​ewnuku ma waqafx hemm meta rċieva t-​tweġiba. Wara li semaʼ bir-​reqqa l-​ispjegazzjoni li tah Filippu, ir-​raġel irrealizza li hu ried jaġixxi biex juri apprezzament għal din il-​profezija mwettqa. Hu fehem li kellu bżonn jitgħammed. (Atti 8:​32-38; Isaija 53:​3-9) Inwieġbu aħna bl-​istess mod?

8. (a) X’kien qed jiffigura bil-​quddiem il-​fatt li Abraham ipprova joffri lil Iżakk? (b) Jehovah għala qal lil Abraham li l-​ġnus kollha kellhom jitbierku permezz tan-​Nisel, u dan kif japplika għalina llum?

8 Ikkunsidra wkoll ir-​rakkont li jqanqal dwar meta Abraham ipprova joffri lil Iżakk, l-​uniku iben tiegħu minn Sara. (Ġenesi 22:​1-18) Dan iffigura bil-​quddiem dak li Jehovah kien se jagħmel—joffri lill-​Iben uniġenitu tiegħu: “Alla hekk ħabb lid-​dinja li ta lil Ibnu l-​waħdieni, biex kull min jemmen fih ma jintilifx, iżda jkollu l-​ħajja taʼ dejjem.” (Ġwann 3:16) Dan jagħtina fiduċja li sewwa sew bħalma Jehovah ta lill-​Iben uniġenitu tiegħu biex iwettaq l-​iskop Tiegħu, b’qalb tajba se jagħtina wkoll l-​affarijiet l-​oħrajn kollha. (Rumani 8:32) X’inhu meħtieġ min-​naħa tagħna? Kif inhu miktub f’Ġenesi 22:​18, Jehovah qal lil Abraham li l-​ġnus kollha kellhom jitbierku permezz tan-​Nisel, talli Abraham semaʼ minn Alla. Aħna wkoll irridu nisimgħu minn Jehovah u Ibnu: “Min jemmen fl-​Iben għandu l-​ħajja taʼ dejjem; iżda min ma joqgħodx għall-​Iben ma jarax il-​ħajja, imma tibqaʼ fuqu l-​korla taʼ Alla.”—Ġwann 3:36.

9. Jekk napprezzaw it-​tama taʼ ħajja taʼ dejjem li ntgħamlet possibbli permezz tas-​sagrifiċċju taʼ Ġesù, x’irridu nagħmlu?

9 Jekk napprezzaw it-​tama taʼ ħajja taʼ dejjem li ntgħamlet possibbli permezz tas-​sagrifiċċju taʼ Ġesù, se nkunu rridu nagħmlu l-​affarijiet li Jehovah qalilna permezz taʼ Ġesù. Dawn għandhom x’jaqsmu maʼ l-​imħabba tagħna għal Alla u għal għajrna. (Mattew 22:​37-39) Ġesù wera li l-​imħabba tagħna għal Jehovah se tqanqalna biex ngħallmu lil oħrajn ‘iħarsu dak kollu li ordnalna’ Ġesù. (Mattew 28:​19, 20) U nkunu rridu naqsmu din l-​imħabba mal-​qaddejja sħabna taʼ Jehovah billi niltaqgħu flimkien magħhom regolarment. (Lhud 10:25; Galatin 6:10) Ukoll, li nisimgħu minn Alla u Ibnu ma jfissirx li huma jistennew il-​perfezzjoni minna. Lhud 4:15 jgħidilna li Ġesù, bħala l-​Qassis il-​Kbir tagħna, jistaʼ “jagħder id-​dgħufija tagħna.” Kemm huwa taʼ faraġ dan, speċjalment meta nersqu lejn Alla bit-​talb permezz taʼ Kristu biex jgħinna negħlbu d-​dgħjufijiet tagħna!—Mattew 6:12.

Uri Fidi fi Kristu

10. Għala m’hemmx salvazzjoni ħlief b’Ġesù Kristu?

10 Wara li spjega lill-​qorti superjuri Lhudija f’Ġerusalemm li l-​profezija Biblika twettqet permezz taʼ Ġesù, l-​appostlu Pietru kkonkluda bil-​qawwa kollha: “F’ħadd ħliefu ma hemm salvazzjoni, għax imkien taħt is-​sema ma hemm isem ieħor mogħti lill-​bnedmin li bih aħna għandna nkunu salvi.” (Atti 4:12) Ladarba n-​nisel kollu taʼ Adam huwa midneb, il-​mewt taʼ l-​ebda wieħed mill-​bnedmin m’għandha valur li jistaʼ jintuża bħala fidwa għal xi ħadd minnhom. Imma Ġesù kien perfett, u ħajtu kellha valur bħala sagrifiċċju. (Salm 49:​7-10 [49:​6-9, NW]; Lhud 2:9) Hu offra lil Alla fidwa li tikkorrispondi eżatt mal-​ħajja perfetta li tilef Adam. (1 Timotju 2:​5, 6) Din fetħet it-​triq għalina biex niksbu ħajja taʼ dejjem fid-​dinja l-​ġdida t’Alla.

11. Spjega kif nistgħu nibbenefikaw ferm mis-​sagrifiċċju taʼ Ġesù.

11 Il-​fidwa fetħitilna wkoll it-​triq biex nirċievu benefiċċji oħra, saħansitra issa. Per eżempju, għalkemm aħna midinbin, is-​sagrifiċċju taʼ Ġesù jagħmilha possibbli għalina li jkollna kuxjenza nadifa minħabba l-​maħfra taʼ dnubietna. Dan huwa bil-​wisq iktar minn dak li l-​Iżraelin setgħu qatt jiksbu permezz tas-​sagrifiċċji taʼ l-​annimali li kienu meħtieġa mil-​Liġi Mosajka. (Atti 13:​38, 39; Lhud 9:​13, 14; 10:22) Madankollu, biex ikollna maħfra bħal din jeħtieġ li nirrikonoxxu onestament kemm tassew għandna bżonn is-​sagrifiċċju taʼ Kristu: “Jekk ngħidu li m’għandniex dnub, nkunu qegħdin inqarrqu bina nfusna u l-​verità ma tkunx fina. Jekk nistqarru dnubietna, hu fidil u ġust, hekk li jaħfrilna dnubietna u jnaddafna minn kull ħażen.”—1 Ġwann 1:​8, 9.

12. It-​tgħaddis fl-​ilma għala huwa fattur importanti biex wieħed jikseb kuxjenza safja quddiem Alla?

12 Il-​midinbin kif jistgħu jesprimu fidi fi Kristu u fis-​sagrifiċċju tiegħu? Meta n-​nies fl-​ewwel seklu saru jemmnu, huma wrew dan pubblikament. Kif? Billi tgħammdu. Għala? Għax Ġesù kkmanda biex id-​dixxipli kollha tiegħu jitgħammdu. (Mattew 28:​19, 20; Atti 8:12; 18:8) L-​individwu mhux se jżomm lura meta qalbu tkun tassew imqanqla mill-​provvediment kollu mħabba li Jehovah għamel permezz taʼ Ġesù. Hu jagħmel kwalunkwe bidla meħtieġa f’ħajtu, jiddedika lilu nnifsu lil Alla fit-​talb, u jissimbolizza d-​dedikazzjoni tiegħu permezz tat-​tgħaddis fl-​ilma. Billi juri fidi b’dan il-​mod hu ‘jitlob lil Alla kuxjenza safja.’—1 Pietru 3:21.

13. Jekk nirrealizzaw li kkommettejna xi dnub, x’irridu nagħmlu dwar dan, u għala?

13 M’għandniex xi ngħidu, saħansitra wara l-​magħmudija se jibqgħu fina l-​karatteristiċi midinba. Imbagħad x’jiġri? L-​appostlu Ġwanni qal: “Dan qiegħed niktibhulkom biex ma tidinbux; imma jekk xi ħadd jidneb, aħna għandna Difensur quddiem il-​Missier, lil Ġesù Kristu, il-​ġust. U hu jħallas għal dnubietna.” (1 Ġwann 2:​1, 2) Ifisser dan li nagħmlu x’nagħmlu, jekk nitolbu maħfra lil Alla se jinħafrilna kollox? Mhux bilfors. Iċ-​ċavetta għall-​maħfra hi l-​indiema ġenwina. Forsi jkun hemm bżonn ukoll taʼ l-​għajnuna mingħand uħud ixjeħ u taʼ iktar esperjenza fil-​kongregazzjoni Kristjana. Irridu nirrikonoxxu l-​ħażen li nkunu għamilna u nħossu dispjaċir sinċier dwaru sabiex nagħmlu sforz ħerqan ħalli ma nerġgħux nagħmluh. (Atti 3:19; Ġakbu 5:​13-16) Jekk nagħmlu hekk, nistgħu nkunu ċerti li Ġesù se jgħinna u li se nerġgħu niksbu l-​favur taʼ Jehovah.

14. (a) Spjega b’liema mod importanti bbenefikajna permezz tas-​sagrifiċċju taʼ Ġesù. (b) Jekk tassew għandna fidi, x’se nagħmlu?

14 Is-​sagrifiċċju taʼ Ġesù fetaħ it-​triq għal ħajja eterna fis-​sema għall-​“merħla ċkejkna,” il-​parti sekondarja tan-​nisel imsemmi f’Ġenesi 3:15. (Luqa 12:32; Galatin 3:​26-29) Fetaħ ukoll it-​triq għal ħajja taʼ dejjem fuq l-​art magħmula ġenna għal biljuni taʼ nies oħra. (Salm 37:29; Apokalissi 20:​11, 12; 21:​3, 4) Il-​ħajja taʼ dejjem hi “d-​don li tana Alla . . . fi Kristu Ġesù Sidna.” (Rumani 6:23; Efesin 2:​8-10) Jekk għandna fidi f’dan id-​don u napprezzaw il-​mod kif intgħamel possibbli, dan se nuruh b’għemilna. Jekk nagħrfu l-​mod meraviljuż li bih Jehovah uża lil Ġesù biex iwettaq ir-​rieda Tiegħu u kemm hu vitali li lkoll kemm aħna nsegwu mill-​qrib il-​passi taʼ Ġesù, se nħarsu lejn il-​ministeru Kristjan bħala xi ħaġa mill-​iktar importanti f’ħajjitna. Il-​fidi tagħna se tintwera mill-​mod kif ngħidu lil oħrajn b’konvinzjoni dwar dan id-​don meraviljuż mingħand Alla.—Atti 20:24.

15. Il-​fidi f’Ġesù Kristu kif għandha effett li jgħaqqad?

15 X’effett mill-​aħjar u li jgħaqqad għandha din il-​fidi! Permezz tagħha, nersqu eqreb lejn Jehovah, lejn Ibnu, u lejn xulxin fil-​kongregazzjoni Kristjana. (1 Ġwann 3:​23, 24) Din iġġagħalna nifirħu li Jehovah b’qalb tajba ta lil Ibnu “l-​Isem li hu fuq kull isem [minbarra l-​isem t’Alla], biex fl-​isem taʼ Ġesù – fis-​sema, fl-​art u f’qiegħ l-​art – il-​ħlejjaq kollha jinżlu għarkubbtejhom, u kull ilsien jistqarr: ‘Ġesù Kristu hu l-​Mulej, għall-​glorja taʼ Alla l-​Missier.’”—Filippin 2:​9-11.

Diskussjoni Bħala Reviżjoni

• Meta deher il-​Messija, għala l-​identità tiegħu kienet ċara għal dawk li tassew kienu jemmnu fil-​Kelma t’Alla?

• X’inhuma xi affarijiet li rridu nagħmlu biex nuru l-​apprezzament tagħna għas-​sagrifiċċju taʼ Ġesù?

• B’liema modi diġà bbenefikajna mis-​sagrifiċċju taʼ Ġesù? Dan kif jgħinna meta nitolbu lil Jehovah għall-​maħfra taʼ dnubietna?

[Stampa f’paġna 36]

Ġesù qal lis-​segwaċi tiegħu li jridu jgħallmu lil oħrajn iħarsu l-​kmandamenti t’Alla

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja