Kapitlu Għaxra
Saltna “li Ma Tinqered Qatt”
1. Liema fatt ġie enfasizzat mill-ġrajjiet dinjin matul l-istorja taʼ l-umanità?
IL-ĠRAJJIET dinjin kuljum jenfasizzaw il-fatt li l-bnedmin ma sabux l-hena meta ċaħdu s-sovranità taʼ Jehovah u pprovaw jaħkmu lilhom infushom. L-ebda sistema taʼ gvern uman ma ġabet benefiċċji imparzjali għall-bnedmin. Għalkemm il-bnedmin żviluppaw l-għarfien xjentifiku tagħhom sal-punt li qatt ma kien hawn bħalu, ma kinux kapaċi jegħlbu l-mard jew itemmu l-mewt, lanqas saħansitra għal individwu wieħed. Il-ħakma umana ma neħħietx il-gwerer, il-vjolenza, il-kriminalità, il-korruzzjoni, jew il-faqar. Gvernijiet tiranni għadhom qed jiddominaw lin-nies f’ħafna pajjiżi. (Koħèlet 8:9) It-teknoloġija, ir-regħba, u l-injoranza huma fatturi li qed jingħaqdu flimkien biex iniġġsu l-art, l-ilma, u l-arja. Tmexxija ħażina taʼ l-ekonomija minn xi uffiċjali tagħmilha diffiċli għal ħafna biex jiksbu n-neċessitajiet tal-ħajja. Eluf taʼ snin taʼ ħakma umana għamlu ovvju dan il-fatt: “Triq il-bniedem m’hijiex f’idejh, anqas min jimxi ma jistaʼ jiddirieġi l-passi tiegħu.”—Ġeremija 10:23.
2. X’inhi l-unika soluzzjoni għall-problemi tal-bnedmin?
2 X’inhi s-soluzzjoni? Is-Saltna t’Alla, li dwarha Ġesù għallem lis-segwaċi tiegħu biex jitolbu: “Tiġi saltnatek, ikun li trid int, kif fis-sema, hekkda fl-art.” (Mattew 6:9, 10) Fit-2 Pietru 3:13, is-Saltna t’Alla fis-sema hija deskritta bħala s-“smewwiet ġodda” li se jaħkmu fuq l-“art ġdida,” jiġifieri, fuq soċjetà taʼ nies sewwa. Tant hija importanti s-Saltna t’Alla, li se taħkem mis-sema, li Ġesù għamilha t-tema ċentrali taʼ l-ippridkar tiegħu. (Mattew 4:17) Hu wera l-prijorità li din għandha tieħu f’ħajjitna, meta ħeġġeġ: “Mela fittxu l-ewwel is-Saltna u l-ġustizzja taʼ Alla.”—Mattew 6:33.
3. Li nitgħallmu dwar is-Saltna t’Alla għala huwa taʼ urġenza kbira issa?
3 Il-fatt li nitgħallmu dwar is-Saltna t’Alla huwa taʼ urġenza kbira issa, għax dalwaqt din is-Saltna se tieħu azzjoni biex tbiddel għal dejjem it-tmexxija taʼ din l-art. Danjel 2:44 ibassar: “Fi żmien dawn is-slaten [il-gvernijiet li qed jaħkmu issa], Alla tas-sema jqajjem saltna [fis-sema] li ma tinqered qatt, u li l-ħakma tagħha ma tgħaddix għal poplu ieħor [il-bnedmin qatt iktar ma se jerġgħu jaħkmu l-art]. Hija tfarrak u ttemm is-saltniet [preżenti] l-oħra kollha, waqt li hi tibqaʼ wieqfa għal dejjem.” B’hekk, is-Saltna se ttemm dawn l-aħħar jiem billi teqred din is-sistema t’affarijiet mill-agħar kollha. Il-ħakma taʼ l-art permezz tas-Saltna tas-sema se tkun definita. Kemm għandna għalfejn inkunu grati li s-serħan li din se ġġib huwa tassew fil-qrib!
4. F’konnessjoni mas-Saltna, x’seħħ fis-sema fl-1914, u dan għala huwa importanti għalina?
4 Fl-1914, Kristu Ġesù nħatar bħala Sultan u ġie awtorizzat biex ‘jaħkem f’nofs l-għedewwa tiegħu.’ (Salm 110:1, 2) Ukoll f’dik is-sena, bdew l-aħħar jiem taʼ din is-sistema t’affarijiet preżenti u mill-agħar. (2 Timotju 3:1-5, 13) Fl-istess ħin, il-ġrajjiet li ra Danjel fil-viżjoni profetika seħħew attwalment fis-sema. Ix-“Xiħ fl-għomor,” Alla Jehovah, ta lil Bin il-bniedem, Ġesù Kristu, “ħakma, ġieħ, u saltna, biex lilu jaqdi kull ġens, u poplu, u lsien.” Waqt li rrapporta dwar il-viżjoni, Danjel kiteb: “Ħakmietu ħakma għal dejjem li ma tgħaddix, u saltnatu li ma tinqeridx.” (Danjel 7:13, 14) Huwa permezz taʼ din is-Saltna tas-sema f’idejn Kristu Ġesù li Alla se jġiegħel lil dawk li jħobbu s-sewwa jgawdu l-affarijiet tajbin bla għadd, fi qbil maʼ l-iskop li kellu meta poġġa lill-ewwel ġenituri umani tagħna fil-Ġenna taʼ l-art.
5. Liema dettalji dwar is-Saltna huma taʼ interess kbir għalina, u għala?
5 Hija x-xewqa tiegħek li tkun sudditu leali tas-Saltna? Jekk iva, int se tkun interessat ferm f’li tkun taf kif inhu magħmul dan il-gvern tas-sema u fil-mod kif jaħdem. Trid tkun taf x’qed jagħmel issa, x’se jwettaq fil-futur, u x’jeħtieġ minnek. Hekk kif teżamina s-Saltna mill-qrib, l-apprezzament tiegħek għaliha għandu jikber. Jekk tirreaġixxi favur il-ħakma tagħha, se tkun mgħammar aħjar biex tgħid lil oħrajn dwar l-affarijiet meraviljużi li se tagħmel is-Saltna t’Alla għall-bnedmin ubbidjenti.—Salm 48:13, 14 (48:12, 13, NW).
Il-Ħakkiema tas-Saltna t’Alla
6. (a) L-Iskrittura kif turi liema sovranità hija espressa permezz tas-Saltna Messjanika? (b) Kif għandna niġu effettwati minn dak li nitgħallmu dwar is-Saltna?
6 Waħda mill-affarijiet li jirrivela eżaminar bħal dan hi li din is-Saltna Messjanika hija turija tas-sovranità taʼ Jehovah stess. Kien Jehovah li ta “ħakma, ġieħ, u saltna” lil Ibnu. Wara li Bin Alla ngħata l-qawwa biex jibda jaħkem bħala Sultan, ilħna mis-sema ddikjaraw b’mod xieraq: “Is-saltna tad-dinja saret taʼ Sidna [Alla Jehovah] u tal-Messija tiegħu, u hu [Jehovah] se jsaltan għal dejjem taʼ dejjem.” (Apokalissi 11:15) Għalhekk, kull ħaġa li ninnotaw dwar din is-Saltna u dak li se twettaq tistaʼ tressaqna eqreb taʼ Jehovah innifsu. Dak li nitgħallmu għandu jnaqqax ġewwa fina xewqa li nissottomettu ruħna għas-sovranità tiegħu għal dejjem.
7. Għala huwa taʼ interess speċjali għalina li Ġesù Kristu huwa l-Viċi Ħakkiem taʼ Jehovah?
7 Ikkunsidra wkoll il-fatt li Jehovah poġġa lil Ġesù Kristu fuq it-tron bħala l-Viċi Ħakkiem. Bħala l-Imgħallem użat minn Alla biex jagħmel l-art u l-bnedmin, Ġesù jaf x’inhuma l-bżonnijiet tagħna aħjar milli nafu aħna. Barra minn hekk, mill-bidu taʼ l-istorja umana, hu wera kemm ‘jitgħaxxaq b’ulied il-bnedmin.’ (Proverbji 8:30, 31, KŻ; Kolossin 1:15-17) Tant hija kbira l-imħabba tiegħu għall-bnedmin li hu ġie personalment fuq l-art u ta ħajtu bħala fidwa għalina. (Ġwann 3:16) B’hekk, hu għamel disponibbli għalina l-mezz tal-ħelsien mid-dnub u l-mewt u l-opportunità għal ħajja taʼ dejjem.—Mattew 20:28.
8. (a) B’kuntrast mal-ħakmiet umani, għala l-gvern t’Alla se jibqaʼ? (b) Liema relazzjoni “l-ilsir leali u diskret” għandu mal-gvern tas-sema?
8 Is-Saltna t’Alla hija gvern stabbli u dejjiemi. Il-kwalità dejjiema tagħha hija żgurata mill-fatt li Jehovah innifsu m’huwiex suġġett għall-mewt. (Ħabakkuk 1:12) B’kuntrast mas-slaten umani, Ġesù Kristu, li lilu Alla fdalu l-ħakma f’idejh, huwa immortali wkoll. (Rumani 6:9; 1 Timotju 6:15, 16) Assoċjati maʼ Kristu fuq tronijiet tas-sema se jkun hemm 144,000 ruħ oħra, qaddejja leali t’Alla minn “kull tribù u lsien, minn kull poplu u ġens.” Dawn ukoll jingħataw ħajja immortali. (Apokalissi 5:9, 10; 14:1-4; 1 Korintin 15:42-44, 53) Il-biċċa l-kbira minnhom diġà qegħdin fis-sema, u l-bqija li għadhom fuq l-art jifformaw “l-ilsir leali u diskret” taʼ żmienna, li jmexxi lealment l-interessi taʼ din is-Saltna hawnhekk.—Mattew 24:45-47, NW.
9, 10. (a) Liema influwenzi korrotti u li jġibu firda se tneħħi s-Saltna? (b) Jekk ma rridux insiru għedewwa tas-Saltna t’Alla, f’liema affarijiet m’għandniex ninvolvu ruħna?
9 Dalwaqt, fiż-żmien maħtur minnu, Jehovah se jibgħat il-qawwiet esekuzzjonali tiegħu mis-sema biex jieħdu azzjoni ħalli jnaddfu l-art. Huma se jeqirdu għal dejjem lil dawk il-bnedmin li, minn jeddhom, jirrifjutaw li jagħrfu s-sovranità tiegħu u jżebilħu l-provvedimenti kollha mħabba li hu jagħmel permezz taʼ Ġesù Kristu. (2 Tessalonikin 1:6-9) Dan se jkun jum Jehovah, iż-żmien li ilu mistenni biex jiġi vindikat bħala s-Sovran Universali. “Araw, Jum il-Mulej għad jasal, kiefer, mgħaddab, ħuġġieġa nar bil-korla, . . . u jeqred minnha l-midinbin.” (Isaija 13:9) “Hu jum taʼ korla dak il-Jum, jum taʼ dwejjaq u niket, jum taʼ qerda u diqa, jum taʼ dlam u swied, jum imsaħħab u taʼ ċpar magħqud.”—Sofonija 1:15.
10 Ir-reliġjon falza kollha u l-gvernijiet umani kollha u l-armati tagħhom, li ġew kontrollati mill-ħakkiem mill-agħar li ma jidhirx taʼ din id-dinja, se jinqerdu għal dejjem. Dawk kollha li jissieħbu maʼ din id-dinja billi jsegwu ħajja egoista, diżonesta, u immorali se jinqerdu. Satana u d-demonji tiegħu mhux se jkollhom iktar kuntatt maʼ l-abitanti taʼ l-art, ladarba se jkunu maqfulin fis-sigurtà fl-abbiss għal elf sena. Imbagħad, is-Saltna t’Alla se jkollha kontroll sħiħ fuq kulma jiġri fuq l-art. X’serħan se jkun dan għal dawk kollha li jħobbu s-sewwa!—Apokalissi 18:21, 24; 19:11-16, 19-21; 20:1, 2.
Il-Miri tas-Saltna—Kif Jinkisbu
11. (a) Is-Saltna Messjanika kif se twettaq l-iskop taʼ Jehovah għall-art? (b) X’se tkun tfisser il-ħakma tas-Saltna għan-nies li jkunu qed jgħixu fuq l-art dak iż-żmien?
11 Is-Saltna Messjanika se twettaq bis-sħiħ l-iskop oriġinali t’Alla għall-art. (Ġenesi 1:28; 2:8, 9, 15) Sa llum, il-bnedmin fallew li jappoġġaw dan l-iskop. Madankollu, “id-dinja li għandha tiġi” se tkun suġġetta għal Bin il-bniedem, Ġesù Kristu. Dawk kollha li jsalvaw mill-esekuzzjoni tal-ġudizzju taʼ Jehovah fuq din is-sistema qadima se jaħdmu magħqudin flimkien taħt Kristu s-Sultan, filwaqt li jagħmlu b’ferħ dak kollu li hu jidderieġi, sabiex l-art issir ġenna globali. (Lhud 2:5-9) L-umanità kollha se tgawdi xogħol idejha u tibbenefika bis-sħiħ mill-abbundanza taʼ dak li tipproduċi l-art.—Salm 72:1, 7, 8, 16-19; Isaija 65:21, 22.
12. Il-perfezzjoni fil-moħħ u l-ġisem kif se sseħħ għas-sudditi tas-Saltna?
12 Meta Adam u Eva ġew maħluqin, kienu perfetti, u l-iskop t’Alla kien li l-art timtela bin-nisel tagħhom. Ilkoll riedhom igawdu perfezzjoni fil-moħħ u l-ġisem. Dan l-iskop se jsir realtà meraviljuża taħt il-ħakma tas-Saltna. Dan jirrikjedi t-tneħħija taʼ l-effetti kollha tad-dnub, u għal dan l-iskop, Kristu jaqdi mhux biss bħala Sultan imma wkoll bħala l-Qassis il-Kbir. Bil-paċenzja, hu se jgħin lis-sudditi ubbidjenti tiegħu biex jibbenefikaw mis-sagrifiċċju tal-ħajja umana tiegħu li jiswa biex ipatti għad-dnub.
13. Liema benefiċċji fiżiċi se jiġu realizzati taħt il-ħakma tas-Saltna?
13 Taħt il-ħakma tas-Saltna, l-abitanti taʼ l-art se jgawdu benefiċċji fiżiċi meraviljużi. “Mbagħad jinfetħu għajnejn l-għomja, jinfetħu widnejn it-torox. Mbagħad iz-zopp jaqbeż bħal għażżiela u lsien l-imbikkma jinħall bil-ferħ.” (Isaija 35:5, 6) Il-ġisem sfigurat mill-età jew mard se jsir iktar f’sikktu minn dak taʼ tifel żgħir, u minflok dgħjufijiet kroniċi se jkun hemm saħħa u enerġija. “Jixxettel ġismu bħal meta kien tfajjel u jerġaʼ għaż-żmien taʼ żgħożitu.” (Ġob 33:25) Se jiġi ż-żmien meta ħadd ma jkollu għalfejn jgħid, “Jien marid.” Għala? Għax il-bnedmin li għandhom il-biżaʼ t’Alla se jinħelsu mit-toqol tad-dnub u l-effetti kollha niket tiegħu. (Isaija 33:24; Luqa 13:11-13) Iva, Alla se “jixxuttalhom kull demgħa minn għajnejhom: ma jkunx hemm iżjed mewt, anqas biki jew għajat jew tbatija ma jkun hemm iżjed, għax għabu l-ħwejjeġ taʼ qabel.”—Apokalissi 21:4.
14. X’jinkludi li wieħed jikseb il-perfezzjoni umana?
14 Madankollu, biex niksbu l-perfezzjoni jinvolvi ħafna iktar minn ġisem u moħħ f’saħħithom. Jinkludi li nirriflettu b’mod xieraq il-kwalitajiet taʼ Jehovah, ladarba ġejna magħmulin ‘fuq is-sura u x-xbieha t’Alla.’ (Ġenesi 1:26) Biex nilħqu dan l-għan hemm bżonn taʼ ħafna edukazzjoni. Fid-dinja l-ġdida, se “tgħammar il-ġustizzja.” Għalhekk, bħalma bassar Isaija, “in-nies tad-dinja jitgħallmu l-ġustizzja.” (2 Pietru 3:13; Isaija 26:9) Din il-kwalità twassal għall-paċi—bejn in-nies taʼ kull razza, fost dawk li jassoċjaw mill-qrib, fil-familja, u fuq kollox, m’Alla nnifsu. (Salm 85:11-14 [85:10-13, NW]; Isaija 32:17) Dawk li jitgħallmu l-ġustizzja u s-sewwa se jiġu mgħallmin b’mod progressiv dwar x’inhi r-rieda t’Alla għalihom. Hekk kif l-imħabba għal Jehovah tinżeraʼ profondament fi qlubhom, huma se jsegwu l-mogħdijiet tiegħu f’kull aspett taʼ ħajjithom. Se jkunu jistgħu jgħidu bħalma qal Ġesù, ‘Jiena dejjem nagħmel dak li jogħġob lil Missieri.’ (Ġwann 8:29) Kemm se tkun pjaċevoli l-ħajja meta nkunu nistgħu ngħidu dan għall-umanità kollha!
Twettiq li Diġà Huwa Evidenti
15. Permezz tal-mistoqsijiet f’dan il-paragrafu, enfasizza t-twettiq tas-Saltna u uri x’għandna nkunu qegħdin nagħmlu issa.
15 It-twettiq impressjonanti tas-Saltna t’Alla u s-sudditi tagħha huwa evidenti. Il-mistoqsijiet u l-iskritturi li ġejjin se jfakkruk dwar ftit minn dan it-twettiq, kif ukoll dwar l-affarijiet li s-sudditi kollha tas-Saltna jistgħu u għandhom ikunu qed jagħmlu issa.
Kontra min ħadet azzjoni l-ewwel is-Saltna, u b’liema riżultat? (Apokalissi 12:7-10, 12)
Il-ġbir tal-fdal mill-membri taʼ liema grupp qed jingħata attenzjoni minn mindu Kristu tqiegħed fuq it-tron? (Apokalissi 14:1-3)
Liema xogħol bassar Ġesù li kellu jagħmel wara li tfaqqaʼ t-tribulazzjoni l-kbira, kif insibu f’Mattew 25:31-33?
Liema xogħol taʼ tħejjija qed jitwettaq illum? Min qed jieħu sehem fih? (Salm 110:3, Saydon; Mattew 24:14; Apokalissi 14:6, 7)
L-opponenti politiċi u reliġjużi għala ma kinux kapaċi jwaqqfu x-xogħol taʼ l-ippridkar? (Żakkarija 4:6; Atti 5:38, 39)
Liema bidliet seħħew fil-ħajjiet taʼ dawk li jissottomettu ruħhom għall-ħakma tas-Saltna? (Isaija 2:4; 1 Korintin 6:9-11)
Saltna t’Elf Sena
16. (a) Kemm se jdum jaħkem Kristu? (b) Liema affarijiet meraviljużi se jseħħu matul u wara dak iż-żmien?
16 Wara li Satana u d-demonji tiegħu jiġu mitfugħin fl-abbiss, Ġesù Kristu u l-144,000 werrieta sħabu se jaħkmu bħala slaten u qassisin għal elf sena. (Apokalissi 20:6) Matul dan il-perijodu, l-umanità se titwassal għall-perfezzjoni, filwaqt li d-dnub u l-mewt minn Adam se jinqerdu għal dejjem. Fit-tmiem tar-Renju t’Elf Sena, wara li jkun wettaq b’suċċess l-inkarigu tiegħu bħala l-Qassis il-Kbir Messjaniku, Ġesù “jerħi s-saltna” lil Missieru, “sabiex Alla jkun kollox f’kollox.” (1 Korintin 15:24-28) F’dan il-punt, Satana jiġi meħlus għal ftit sabiex jittestja lill-umanità mifdija dwar l-appoġġ tagħha lejn is-sovranità universali taʼ Jehovah. Wara li jitlesta dan it-test finali, Jehovah se jeqred lil Satana u lir-ribelli li jkunu appoġġawh. (Apokalissi 20:7-10) Dawk li jkunu appoġġaw is-sovranità taʼ Jehovah—id-dritt tiegħu li jaħkem—ikunu wrew bis-sħiħ il-lealtà soda tagħhom. Imbagħad, huma se jinġiebu fir-relazzjoni xierqa tagħhom maʼ Jehovah, billi jiġu aċċettati minnu bħala wliedu, approvati b’mod divin għal ħajja taʼ dejjem.—Rumani 8:21.
17. (a) X’se jiġrilha s-Saltna fi tmiem l-elf sena? (b) F’liema sens huwa minnu li s-Saltna “ma tinqered qatt”?
17 Għalhekk, f’dak li għandu x’jaqsam maʼ l-art, l-irwol taʼ Ġesù u dak tal-144,000 se jinbidel. X’se tkun l-attività futura tagħhom? Il-Bibbja ma tgħidilniex. Imma jekk nappoġġaw lealment is-sovranità taʼ Jehovah, se nkunu ħajjin fi tmiem ir-Renju t’Elf Sena biex inkunu nafu x’inhu l-iskop taʼ Jehovah għalihom kif ukoll għall-univers taʼ l-għaġeb tiegħu. Minkejja dan, il-ħakma t’elf sena taʼ Kristu se tkun “għal dejjem” u Saltnatu “ma tinqeridx.” (Danjel 7:14) F’liema sens? Fattur wieħed hu li l-ħakma mhix se tgħaddi f’idejn oħrajn li għandhom miri differenti, għax Jehovah se jkun il-Ħakkiem. Ukoll, is-Saltna “ma tinqered qatt” għax dak li tkun wettqet se jibqaʼ għal dejjem. (Danjel 2:44) Barra minn hekk, il-Qassis il-Kbir Messjaniku u s-slaten u l-qassisin imseħbin miegħu se jkunu onorati għal dejjem minħabba s-servizz leali tagħhom lejn Jehovah.
Diskussjoni Bħala Reviżjoni
• Għala s-Saltna t’Alla hija l-unika soluzzjoni għall-problemi tal-bnedmin? Meta beda jaħkem is-Sultan tas-Saltna t’Alla?
• X’inhu li jqanqlek b’mod speċjali dwar is-Saltna t’Alla u dak li se twettaq?
• Liema twettiq tas-Saltna nistgħu diġà naraw, u liema parti għandna aħna f’dan?
[Stampa f’paġna 92, 93]
Taħt is-Saltna t’Alla, in-nies kollha se jitgħallmu s-sewwa