LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • lr kap. 22 pp. 117-121
  • Għala m’Għandniex Nigdbu

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Għala m’Għandniex Nigdbu
  • Tgħallem mill-Għalliem il-Kbir
  • Materjal Simili
  • Pietru u Ananija Gidbu—X’Lezzjoni Nistgħu Nitgħallmu?
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2013
  • Ngħidu l-verità
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2018
  • “It-Tfakkiriet Tiegħek Huma Dak li Jien Ngħożż”
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2006
  • L-‘Għajnejn Ileqqu’ taʼ Ġeħova Jeżaminaw lil Kulħadd
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2008
Tgħallem mill-Għalliem il-Kbir
lr kap. 22 pp. 117-121

KAPITLU 22

Għala m’Għandniex Nigdbu

IMMAĠINA li waħda tifla tgħid lil ommha: “Iva, wara l-​iskola nibqaʼ ġejja dritt id-​dar.” Imma mbagħad hi tibqaʼ hemm tilgħab mal-​ħbieb tagħha u iktar tard tgħid lil ommha: “L-​għalliema tiegħi żammitni wara l-​ħin taʼ l-​iskola.” Huwa sewwa li tgħid xi ħaġa bħal din?—

Tifel ikellem lil missieru wara li l-ballun tiegħu spiċċa fid-dar u waqqaʼ lampa

Dan it-​tifel x’għamel ħażin?

Jew forsi tifel jgħid lil missieru: “Le, jien ma qgħadtx nilgħab bil-​ballun fid-​dar.” Imma jekk veru jkun għamel hekk? Huwa ħażin li jgħid li m’għamilx hekk?—

L-Għalliem il-​Kbir qalilna x’suppost nagħmlu. Hu qal: “Iżda l-​kelma tagħkom Iva ħa tfisser Iva, u l-​Le, Le; għax dak li hu iżjed minn hekk ikun ġej mill-​Ħażin.” (Mattew 5:37) Ġesù x’ried ifisser b’dan?— Ried ifisser li aħna għandna nagħmlu dak li ngħidu.

Fil-​Bibbja hemm storja li turi kemm hu importanti li ngħidu l-​verità. Din hija dwar tnejn min-​nies li qalu li kienu dixxipli taʼ Ġesù. Ejja naraw x’ġara.

Inqas minn xahrejn wara li jmut Ġesù, ħafna nies minn postijiet ’il bogħod jiġu Ġerusalemm għal festa importanti tal-​Lhud li tissejjaħ Pentekoste. L-​appostlu Pietru jagħmel taħdita sabiħa ħafna u jgħid lin-​nies dwar Ġesù, li Ġeħova qajmu mill-​mewt. Għal ħafna min-​nies li ġew Ġerusalemm, din hija l-​ewwel darba li qed jitgħallmu dwar Ġesù. Issa jixtiequ jkunu jafu iktar. Allura, x’jagħmlu?

Huma jibqgħu hemmhekk iktar milli ppjanaw. Imma wara ftit, xi wħud minnhom jispiċċaw bla flus, u għandhom bżonn l-​għajnuna sabiex jixtru l-​ikel. Id-​dixxipli f’Ġerusalemm jixtiequ jgħinuhom lil dawn in-​nies li ġew fil-​belt. Għalhekk, ħafna minnhom ibigħu xi affarijiet li għandhom u jagħtu l-​flus lill-​appostli taʼ Ġesù. Imbagħad l-​appostli jagħtu l-​flus lil min għandu bżonnhom.

Ananija u l-​mara tiegħu, Safira, huma membri tal-​kongregazzjoni Kristjana f’Ġerusalemm u huma jbigħu għalqa li kienet tagħhom. Ħadd ma jgħidilhom biex ibigħuha. Huma jiddeċiedu waħedhom. Imma ma jagħmlux dan għax iħobbu lid-​dixxipli ġodda taʼ Ġesù. Fil-​fatt, Ananija u Safira jridu li n-​nies jaħsbu li huma persuni aħjar milli tassew huma. Għalhekk jiddeċiedu li jgħidu li se jagħtu l-​flus kollha biex jgħinu lil nies oħra. Fil-​fatt se jagħtu biss ftit mill-​flus imma jgħidu li se jagħtuhom kollha. X’taħseb fuq dan?—

Sewwa, Ananija jiġi biex jara l-​appostli u jagħtihom il-​flus. Alla żgur jaf li dan mhux qed jagħtihom il-​flus kollha. Għalhekk, Alla juri lill-​appostlu Pietru li Ananija mhux qed jgħid il-​verità dwar din il-​ħaġa.

Ananija jigdeb lill-appostlu Pietru

Ananija x’gidba qed jgħid lil Pietru?

Imbagħad Pietru jgħid: ‘Ananija, għala ħallejt lil Satana jġagħlek tagħmel dan? L-​għalqa kienet tiegħek. Ma kellikx għalfejn tbigħha. U anki wara li begħt l-​għalqa, stajt tiddeċiedi int x’tagħmel bil-​flus. Imma għala qiegħed taparsi tagħti l-​flus kollha meta qed tagħti biss ftit minnhom? B’hekk qed tigdeb, mhux biss lilna, imma lil Alla.’

Din hija xi ħaġa serja ħafna. Ananija qed jigdeb! Mhux qed jagħmel dak li qal li qed jagħmel. Qiegħed biss jagħmel hekk taparsi. Il-​Bibbja tgħidilna x’ġara mbagħad. Din tgħid: ‘Malli jismaʼ kliem Pietru, Ananija jaqaʼ u jmut.’ Alla joqtol lil Ananija! Wara dan, in-​nies joħorġu barra l-​ġisem mejjet u jidfnuh.

Ananija jaqaʼ u jmut

X’jiġrilu Ananija talli gideb?

Madwar tliet sigħat wara, tidħol Safira. Hi ma tafx xi ġralu r-​raġel tagħha. Għalhekk Pietru jistaqsiha: ‘Intom daqs kemm tajtuna flus begħtu l-​għalqa?’

Safira twieġeb: ‘Iva, daqshekk begħnieha l-​għalqa.’ Imma din gidba! Huma żammew għalihom ftit mill-​flus li qalgħu meta biegħu l-​għalqa. Għalhekk Alla joqtol lil Safira wkoll.—Atti 5:​1-11.

X’għandna nitgħallmu minn dak li ġara lil Ananija u Safira?— Nitgħallmu li Alla ma jħobbx lil min jigdeb. Iridna ngħidu dejjem il-​verità. Imma ħafna nies jgħidu li ma jimpurtax jekk tgħid il-​gideb. Taħseb li dawn in-​nies qed jgħidu sew?— Kont taf li l-​mard, l-​uġigħ, u l-​mewt fuq l-​art ġew kollha minħabba gidba?—

Ġesù

Ġesù min qal li gideb l-​ewwel, u x’kien ir-​riżultat?

Ftakar li x-​Xitan kien gideb lill-​ewwel mara, Eva. Qalilha li ma kinitx se tmut jekk ma tobdix lil Alla u tiekol il-​frotta li Alla kien qalilha biex ma tikolx. Eva emmnitu lix-​Xitan u kielet il-​frotta. Hi kkonvinċiet lil Adam biex jikolha wkoll. Malli kielu huma saru midinbin, u t-​tfal kollha tagħhom kienu se jitwieldu midinbin. U peress li kienu midinbin, it-​tfal kollha t’Adam batew u mietu. Dawn il-​problemi kollha kif bdew?— Bdew permezz taʼ gidba.

Mhux taʼ b’xejn li Ġesù qal li x-​Xitan “hu giddieb u missier il-​gidba”! Hu kien l-​ewwel wieħed li qal gidba. Meta xi ħadd jgħid gidba, ikun qed jagħmel dak li x-​Xitan għamel l-​ewwel. Fuq dan irridu naħsbu jekk xi darba jkollna t-​tentazzjoni li ngħidu gidba.—Ġwanni 8:44.

Meta tistaʼ tiġi ttantat biex tigdeb?— Mhux meta tkun għamilt xi ħaġa ħażina?— Forsi tkisser xi ħaġa avolja bi żball. Jekk xi ħadd jistaqsik dwarha, għandek int tgħid li ħuk jew oħtok kissritha? Jew forsi tgħid li ma tafx kif inkisret?—

Omm tgħid lit-tifla tagħha biex tispiċċa l-homework

Meta tistaʼ tiġi ttantat biex tigdeb?

U x’taħseb jekk suppost kellek tagħmel il-​ħowmwerk imma għamilt parti minnu biss? Għandek int tgħid li lestejtu kollu, anki jekk ma jkunx veru?— Għandna niftakru f’Ananija u Safira. Huma ma qalux il-​verità kollha. U Alla wera kemm dan kien ħażin billi qatilhom.

Mela nagħmlu x’nagħmlu, dejjem ikun agħar jekk nigdbu, u lanqas m’għandna ngħidu biss nofs il-​verità. Il-​Bibbja tgħid: “Għidu l-verità.” Tgħid ukoll: “Tigdbux lil xulxin.” Ġeħova dejjem jgħid il-​verità, u jistenna li aħna nagħmlu l-istess.—Efesin 4:25; Kolossin 3:9.

Għandna dejjem ngħidu l-​verità. Dan il-​punt insibuh f’Eżodu 20:16; Proverbji 6:​16-19; 12:19; 14:5; 16:6; u Ebrej 4:13.

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja