Ngħidu l-verità
“Tkellmu bil-verità maʼ xulxin.”—ŻAKKARIJA 8:16.
1, 2. Liema ħaġa kellha l-agħar effett possibbli fuq l-umanità, u min kien responsabbli għaliha?
IT-TELEFOWN, il-bozza, il-karozza, u l-friġġ huma xi invenzjonijiet li għamlulna l-ħajja aħjar. Invenzjonijiet oħrajn, bħall-bomba nukleari, l-armi tan-nar, il-bombi li jinħbew taħt l-art, u s-sigaretti, ipperikolawlna l-ħajja ħafna iktar. Imma hemm xi ħaġa li hi eqdem minn dawn kollha u li kellha l-agħar effett possibbli fuq l-umanità. X’inhi? Il-gidba! Gidba hi li ngħidu xi ħaġa li nafu li mhijiex vera biex inqarrqu b’xi ħadd. Min qal l-ewwel gidba? Ix-Xitan! Ġesù Kristu sejjaħlu “missier il-gidba.” (Aqra Ġwanni 8:44.) Meta kienet l-ewwel darba li gideb?
2 Din kienet eluf taʼ snin ilu fil-ġnien tal-Għeden. Adam u Eva kienu qed igawdu l-ħajja fil-Ġenna tal-art mill-isbaħ li Ġeħova kien ħalaq għalihom. Alla kien qalilhom li jekk jieklu “mis-siġra taʼ l-għarfien tat-tajjeb u l-ħażin,” kienu se jmutu. Għalkemm Satana kien jaf dan, hu uża serp biex jgħid lil Eva: “Żgur li ma tmutux.” Din kienet l-ewwel gidba. Satana qal ukoll: “Alla jaf li fil-jum li tieklu minnu għajnejkom jinfetħu u tkunu bħal Alla, tagħrfu t-tajjeb u l-ħażin.”—Ġenesi 2:15-17; 3:1-5.
3. Il-gidba taʼ Satana għala kienet malizzjuża, u x’ġara minħabba fiha?
3 Il-gidba taʼ Satana kienet malizzjuża għax kien jaf li jekk Eva temmnu u tiekol mill-frotta, hi kienet se tmut. U eżattament hekk ġara. Eva u iktar tard Adam m’obdewx il-kmand taʼ Ġeħova u fl-aħħar mietu. (Ġenesi 3:6; 5:5) Iktar minn hekk, minħabba d-dnub t’Adam, “il-mewt infirxet fuq il-bnedmin kollha.” Fil-fatt, “il-mewt saltnet . . . , anki fuq dawk li ma dinbux b’mod simili għal kif kiser il-liġi Adam.” (Rumani 5:12, 14) Huwa għalhekk li m’aħniex perfetti u ma ngħixux għal dejjem kif kien l-iskop t’Alla. Minflok, aħna ngħixu madwar “sebgħin sena; u jekk minħabba xi setgħa speċjali jkunu tmenin.” U ħajjitna mimlija bl-“inkwiet u l-uġigħ.” (Salm 90:10) Dan kollu ġara minħabba l-gidba taʼ Satana!
4. (a) X’mistoqsijiet jeħtieġ li nkunu nafu nwieġbu? (b) Skont Salm 15:1, 2, min biss jistaʼ jkun il-ħabib taʼ Ġeħova?
4 Dwar Satana, Ġesù qal: “Ma żammx sħiħ fil-verità, għax il-verità mhix fih.” Satana ma nbidilx. Hu għadu qed “iqarraq bl-art abitata kollha” bil-gideb tiegħu. (Rivelazzjoni 12:9) Imma aħna ma rridux lil Satana jqarraq bina. Allura jeħtieġ inkunu nafu t-tweġiba għal tliet mistoqsijiet. Satana kif qed iqarraq bin-nies illum? In-nies għala jigdbu? U kif nistgħu ngħidu l-verità l-ħin kollu sabiex ma nitilfux il-ħbiberija maʼ Ġeħova, bħalma ġralhom Adam u Eva?—Aqra Salm 15:1, 2.
KIF SATANA QED IQARRAQ BIN-NIES
5. Satana kif qed iqarraq bin-nies illum?
5 Aħna nistgħu nevitaw li nitqarrqu minn Satana. L-appostlu Pawlu qal: “Il-pjanijiet tiegħu nafuhom.” (2 Korintin 2:11) Aħna nafu li Satana jikkontrolla lid-dinja kollha, inkluż lir-reliġjon falza, lill-gvernijiet korrotti, u lin-negozjanti rgħiba. (1 Ġwanni 5:19) Allura ma niħduhiex bi kbira li Satana u d-demonji tiegħu jinfluwenzaw lin-nies f’pożizzjoni għolja biex ‘jigdbu.’ (1 Timotju 4:1, 2) Pereżempju, fir-reklami tagħhom xi negozjanti jigdbu biex ibigħu prodotti li jagħmlu l-ħsara jew biex iqarrqu bin-nies u jiħdulhom il-flus.
6, 7. (a) Il-gideb tal-mexxejja reliġjużi għala hu speċjalment gravi? (b) Inti x’gideb smajthom jgħidu lill-mexxejja reliġjużi?
6 Iktar gravi minn dan huwa l-gideb tal-mexxejja reliġjużi. Għala? Għax jekk xi ħadd jemmen it-tagħlim falz tagħhom u jagħmel affarijiet li Alla jobgħod, hu jistaʼ jitlef l-opportunità li jgħix għal dejjem. (Ħosea 4:9) Ġesù kien jaf li l-mexxejja reliġjużi fi żmienu kienu qed iqarrqu bin-nies. B’kuraġġ qalilhom: “Gwaj għalikom, skribi u Fariżej, ipokriti! Għax taqsmu l-baħar u l-art biex tikkonvertu bniedem wieħed, u meta jikkonverti tagħmluh bniedem li jistħoqqlu jmur Geħenna,” jiġifieri, qerda għal dejjem. (Mattew 23:15, nota taʼ taħt) Ġesù qal li dawn il-mexxejja reliġjużi foloz kienu eżatt bħal missierhom ix-Xitan, li hu “qattiel.”—Ġwanni 8:44.
7 Anke fi żmienna hawn ħafna mexxejja reliġjużi. Dawn forsi jissejħu pastors, qassisin, rabbini, jew b’titli oħrajn. Bħall-Fariżej, dawn ma jgħallmux il-verità mill-Kelma t’Alla imma “bidlu l-verità t’Alla mal-gidba.” (Rumani 1:18, 25) Xi ftit mill-gideb tagħhom hu: in-nar tal-infern, ir-ruħ immortali, ir-riinkarnazzjoni, jiġifieri li wieħed jerġaʼ jgħix bħala bniedem ieħor jew bħala xi ħaġa ħajja oħra, u li Alla jaċċetta stili taʼ ħajja omosesswali u żwiġijiet bejn tnejn tal-istess sess.
8. X’gidba dalwaqt se jgħidu l-politikanti, imma aħna kif għandna nirreaġixxu?
8 Anke l-politikanti użaw il-gideb biex iqarrqu bin-nies. Waħda mill-ikbar gidbiet li l-politikanti dalwaqt se jgħidu hi li ġabu “paċi u sigurtà” fid-dinja. Imma “mbagħad tiġi fuqhom minnufih qerda f’daqqa.” Għalhekk m’għandniex nemmnu lil dawn il-politikanti li jgħidu li l-affarijiet sejrin għall-aħjar. Il-verità hi li aħna ‘nafu tajjeb li jum Ġeħova ġej eżattament bħal ħalliel bil-lejl.’—1 Tessalonikin 5:1-4.
GĦALA N-NIES JIGDBU
9, 10. (a) In-nies għala jigdbu, u dal-gideb għal xiex iwassal? (b) X’għandna niftakru dwar Ġeħova?
9 Illum, mhux in-nies f’pożizzjoni għolja biss jigdbu. L-artiklu “Għala nigdbu,” miktub minn Y. Bhattacharjee, jgħid li “l-gideb sar rikonoxxut bħala karatteristika umana mnaqqxa fil-fond.” Fi kliem ieħor, in-nies jaħsbu li hu naturali u normali li wieħed jigdeb. In-nies spiss jigdbu biex jipproteġu lilhom infushom, forsi biex jaħbu żbalji jew atti kriminali li jkunu għamlu. Huma jigdbu wkoll biex jakkwistaw il-flus jew biex jibbenefikaw b’xi mod ieħor. L-artiklu jgħid ukoll li xi nies m’għandhomx problema biex jigdbu “lil min ma jafuhx, lil sħabhom tax-xogħol, lil ħbiebhom, u lil dawk li jħobbu.”
Il-giddibin jistgħu jqarrqu bin-nies, imma ma jistgħux iqarrqu b’Ġeħova
10 Għal xiex iwassal dan il-gideb kollu? In-nies m’għadhomx jafdaw lil xulxin, u r-relazzjonijiet bejniethom qed jiġu fix-xejn. Pereżempju, immaġina x’diżappunt kbir ikun għal raġel leali li jsir jaf li martu kellha x’taqsam maʼ xi ħadd ieħor u mbagħad gidbitlu biex taħbi dak li għamlet. Jew kemm hi xi ħaġa terribbli li mara u wliedha jiġu trattati ħażin mill-kap tal-familja meta jkunu d-dar, imma mbagħad jagħmilha tabirruħu li jħobbhom u jimpurtah minnhom meta jkun hemm nies oħrajn. Uħud bħal dawn jistgħu jqarrqu bin-nies, imma għandna niftakru li ma jistgħux iqarrqu b’Ġeħova. Il-Bibbja tgħid li “kollox hu għeri u mikxuf beraħ quddiemu.”—Ebrej 4:13.
11. X’jgħallimna l-eżempju ħażin taʼ Ananija u Safira? (Ara l-ewwel stampa.)
11 Fil-Bibbja hemm eżempju taʼ koppja Kristjana li ġew influwenzati minn Satana biex jigdbu lil Alla. Ananija u Safira pprovaw iqarrqu bl-appostli. Huma biegħu biċċa proprjetà minn tagħhom u mbagħad taw biss parti mill-flus lill-appostli. Ananija u Safira riedu jimpressjonaw lil oħrajn fil-kongregazzjoni, allura qalu lill-appostli li kienu taw il-flus kollha li qalgħu. Imma Ġeħova kien jaf li kienu qed jigdbu, u kkastigahom.—Atti 5:1-10.
12. X’se jiġrilhom dawk li jgħidu gideb malizzjuż u ma jindmux, u għala?
12 Ġeħova kif iħossu dwar dawk li jigdbu? Kull min jgħid gideb malizzjuż u ma jindimx se jispiċċa “fl-għadira tan-nar,” l-istess bħal Satana. Fi kliem ieħor, se jinqered għal dejjem. (Rivelazzjoni 20:10; 21:8; Salm 5:6) Għala? Għax lil dawn il-giddibin Ġeħova jpoġġihom fl-istess kategorija taʼ kull min jaġixxi bħall-“klieb,” jiġifieri, dawk li l-prattiki tagħhom huma diżgustanti f’għajnejn Alla.—Rivelazzjoni 22:15.
13. Aħna x’nafu dwar Ġeħova, u dan xi jqanqalna nagħmlu?
13 Aħna nafu li Ġeħova “m’huwiex xi bniedem biex jgħid il-gideb” u li huwa “impossibbli li Alla jigdeb.” (Numri 23:19; Ebrej 6:18) Ġeħova “jobgħod . . . ilsien falz.” (Proverbji 6:16, 17) Jekk irridu nogħġbuh, għandna ngħidu l-verità l-ħin kollu. Allura ma ‘nigdbux lil xulxin.’—Kolossin 3:9.
AĦNA ‘NITKELLMU BIL-VERITÀ’
14. (a) Il-Kristjani veri kif inhuma differenti minn membri taʼ reliġjonijiet foloz? (b) Spjega l-prinċipju f’Luqa 6:45.
14 Liema hu mod wieħed kif il-Kristjani veri huma differenti minn membri taʼ reliġjonijiet foloz? Aħna ‘nitkellmu bil-verità.’ (Aqra Żakkarija 8:16, 17.) Pawlu qal: “Nirrikkmandaw lilna nfusna bħala ministri t’Alla . . . bi kliem mimli verità.” (2 Korintin 6:4, 7) U Ġesù qal li n-nies jitkellmu ‘mill-abbundanza li jkollhom f’qalbhom.’ (Luqa 6:45) Dan ifisser li persuna onesta se tgħid il-verità. Se tgħid il-verità lil min ma tafx, lil sħabha tax-xogħol, lil ħbiebha, u lil dawk li tħobb. Ejja niddiskutu xi eżempji taʼ kif nistgħu nuru li qed nipprovaw inkunu onesti f’kollox.
Tistaʼ tara xi problema fil-ħajja taʼ din l-oħt żagħżugħa? (Ara paragrafi 15, 16)
15. (a) Għala hu ħażin li tgħix ħajja doppja? (b) X’jistaʼ jgħin liż-żgħażagħ jirreżistu l-pressjoni minn dawk tamparhom? (Ara n-nota taʼ taħt.)
15 Jekk int żagħżugħ, forsi tkun trid tiġi aċċettat minn dawk tamparek. Iżda minħabba din ix-xewqa, xi żgħażagħ qed jgħixu ħajja doppja. Huma jagħmluha tabirruħhom li qed jimxu mal-livelli t’Alla meta jkunu mal-familja u l-kongregazzjoni tagħhom, imma jkunu kompletament differenti waqt li qed jużaw il-midja soċjali jew waqt li jkunu maʼ nies li ma jaqdux lil Ġeħova. Huma forsi jgħidu kliem ħażin, jilbsu immodest, jisimgħu mużika b’lirika ħażina, jiskru, jieħdu d-drogi, joħorġu maʼ ġuvni jew tfajla bil-moħbi, jew jagħmlu affarijiet ħżiena oħra. Huma jkunu qed jigdbu lill-ġenituri tagħhom, lil ħuthom fil-kongregazzjoni, u lil Ġeħova. (Salm 26:4, 5) Imma Ġeħova jaf meta aħna ngħidu li qed nonorawh u mbagħad nagħmlu affarijiet li hu jobgħod. (Marku 7:6) Kemm ikun aħjar li nagħmlu bħalma jgħid il-proverbju: “Tħallix qalbek tgħir għall-midinbin, imma ibżaʼ minn Ġeħova l-jum kollu.”—Proverbji 23:17.a (Ara n-nota taʼ taħt.)
16. Kif għandna nwieġbu l-mistoqsijiet li qegħdin fil-formola tas-servizz full-time?
16 Jekk tixtieq issir pijunier regolari jew taqdi fis-servizz full-time speċjali, bħal pereżempju f’Betel, se jkollok timla formola. Hu importanti ħafna li twieġeb b’mod onest il-mistoqsijiet dwar saħħtek, x’tip taʼ divertiment tagħżel, u x’ħajja qed tgħix. (Ebrej 13:18) Imma xi ngħidu jekk għamilt xi ħaġa li Ġeħova jobgħod jew li tniggeż il-kuxjenza tiegħek u għadek ma tkellmitx dwarha mal-anzjani? Itlobhom jgħinuk biex tkun tistaʼ taqdi lil Ġeħova b’kuxjenza nadifa.—Rumani 9:1; Galatin 6:1.
17. X’għandna nagħmlu meta dawk li jippersegwitawna jistaqsuna dwar ħutna?
17 X’għandek tagħmel jekk fil-pajjiż fejn tgħix ix-xogħol tagħna ma jistax isir u l-awtoritajiet jarrestawk u jistaqsuk dwar ħutek? Għandek tgħidilhom dak kollu li taf? Ġesù x’għamel meta gvernatur Ruman interrogah? Ġesù applika l-prinċipju Bibliku li hemm “żmien li toqgħod kwiet u żmien li titkellem,” u xi drabi ma qal xejn affattu! (Ekkleżjasti 3:1, 7; Mattew 27:11-14) Jekk qegħdin f’sitwazzjoni simili, għandna bżonn naġixxu b’mod diskret u b’attenzjoni ħalli ma npoġġux lil ħutna fil-periklu.—Proverbji 10:19; 11:12.
Kif se tiddeċiedi meta tibqaʼ kwiet u meta tgħid il-verità kollha? (Ara paragrafi 17, 18)
18. X’responsabbiltà għandna jekk l-anzjani jistaqsuna dwar ħu jew oħt fil-kongregazzjoni?
18 Xi ngħidu jekk xi ħadd fil-kongregazzjoni għamel dnub serju u int taf b’dan? L-anzjani għandhom ir-responsabbiltà li jżommu l-kongregazzjoni nadifa moralment, u għalhekk għandhom mnejn jistaqsuk x’taf dwar is-sitwazzjoni. X’se tagħmel, speċjalment jekk dan ix-xi ħadd hu ħabib tal-qalb jew jiġi minnek? Il-Bibbja tgħid: “Min jesprimi l-fedeltà se jgħid dak li hu sewwa.” (Proverbji 12:17; 21:28) Għalhekk għandek ir-responsabbiltà li tgħid lill-anzjani l-verità kollha mingħajr ma taħbi xi fatti. L-anzjani għandhom dritt ikunu jafu l-fatti kollha sabiex ikunu jistgħu jsibu l-aħjar mod kif jgħinu lill-individwu jirranġa r-relazzjoni tiegħu maʼ Ġeħova.—Ġakbu 5:14, 15.
19. X’se niddiskutu fl-artiklu li jmiss?
19 David talab lil Ġeħova: “Int tgħaxxaqt bil-verità fil-qalb.” (Salm 51:6) David kien jaf li l-iktar importanti hu dak li aħna minn ġewwa. F’kull ħin u kull mument, Kristjani veri ‘jitkellmu l-verità maʼ xulxin.’ Mod ieħor kif nuru li aħna differenti minn membri taʼ reliġjonijiet foloz hu billi ngħallmu l-verità mill-Bibbja. Fl-artiklu li jmiss, se niddiskutu kif nistgħu nagħmlu dan fil-ministeru tagħna.
a Ara mistoqsija 6, “Kif nistaʼ nirreżisti l-pressjoni minn dawk tampari?” fil-browxer “Tweġibiet għal 10 mistoqsijiet li ż-żgħażagħ jistaqsu” u kapitlu 16, “A Double Life—Who Has to Know?,” fil-ktieb Questions Young People Ask—Answers That Work, Volume 2.