Kapitlu 10
Iż-Żwieġ—Għotja Mingħand Alla taʼ Mħabba
“Ħabel bi tlieta ma jinqatax malajr fi tnejn.” —EKKLEŻJASTI 4:12.
1, 2. (a) Rigward koppji miżżewġin friski, kultant x’jistaʼ jgħaddilna minn moħħna, u għala? (b) Liema mistoqsijiet se niddiskutu f’dan il-kapitlu?
TIEĦU gost tmur xi tieġ? Ħafna jieħdu gost, għax dawn l-okkażjonijiet jistgħu jkunu taʼ ferħ kbir. Il-koppja jkunu lebsin sabiħ ħafna. Iżjed minn hekk, wiċċhom ikun jixgħel bil-ferħ! Dakinhar ikunu kuntenti ħafna u l-futur tagħhom jidher mimli tama u prospetti sbieħ.
2 Xorta waħda, irridu nammettu li f’ħafna aspetti ż-żwieġ jinsab f’rovina llum. Filwaqt li nittamaw li koppji miżżewġin friski jirnexxu, kultant nistgħu naħsbu: ‘Se jkun hieni dan iż-żwieġ? Se jkun wieħed dejjiemi?’ It-tweġibiet għal dawn il-mistoqsijiet jiddependu minn jekk ir-raġel u l-mara jafdawx u japplikawx il-pariri t’Alla fuq iż-żwieġ. (Proverbji 3:5, 6) Hekk iridu jagħmlu sabiex jibqgħu fl-imħabba t’Alla. Issa ejja niffokaw fuq it-tweġiba tal-Bibbja għal dawn l-erbaʼ mistoqsijiet: Għala tiżżewweġ? Jekk tiżżewweġ, lil min għandek tagħżel bħala sieħeb jew sieħba? Kif tistaʼ tipprepara għaż-żwieġ? U x’jistaʼ jgħin lil koppja jibqgħu ferħanin fiż-żwieġ tagħhom?
GĦALA TIŻŻEWWEĠ?
3. Għala ma jkunx għaqli li tiżżewweġ għal raġunijiet fjakki?
3 Xi wħud jemmnu li ż-żwieġ huwa essenzjali għall-hena—li ma tistax issib sodisfazzjon jew hena fil-ħajja jekk ma tiżżewwiġx. Dan assolutament m’huwiex minnu! Ġesù, raġel mhux miżżewweġ, tkellem dwar l-istat taʼ li wieħed ma jiżżewwiġx bħala għotja u ħeġġeġ lil dawk li jistgħu biex jagħmlu l-wisaʼ għalih. (Mattew 19:11, 12) L-appostlu Pawlu wkoll iddiskuta l-vantaġġi taʼ li ma tiżżewwiġx. (1 Korintin 7:32-38) La Ġesù u lanqas Pawlu m’għamlu regola rigward dan; fil-fatt, li wieħed ‘jipprojbixxi lin-nies milli jiżżewġu’ huwa fost it-“tagħlim tad-demonji.” (1 Timotju 4:1-3) Minkejja dan, l-istat taʼ li wieħed ma jiżżewwiġx għandu ħafna x’joffri lil dawk li jridu jaqdu lil Ġeħova mingħajr tfixkil. Għalhekk, ma jkunx għaqli li tiżżewweġ għal raġunijiet fjakki, bħal pressjoni minn dawk taʼ mparek.
4. Żwieġ tajjeb jipprovdi liema pedament għat-trobbija tat-tfal?
4 Mill-banda l-oħra, hemm raġunijiet validi biex tiżżewweġ? Iva. Iż-żwieġ ukoll huwa għotja mingħand Alla tagħna kollu mħabba. (Ġenesi 2:18) Allura fih ċerti vantaġġi u l-potenzjal li jġib barkiet. Per eżempju, żwieġ tajjeb huwa l-aħjar pedament għall-ħajja tal-familja. It-tfal għandhom bżonn ambjent stabbli b’ġenituri biex irabbuhom, biex jagħtuhom l-imħabba, id-dixxiplina, u l-gwida. (Salm 127:3; Efesin 6:1-4) Madankollu, it-trobbija tat-tfal m’hijiex l-unika raġuni biex tiżżewweġ.
5, 6. (a) Skond Ekkleżjasti 4:9-12, liema huma xi ftit mill-benefiċċji prattiċi taʼ ħbiberija intima? (b) Żwieġ kif jistaʼ jkun bħal ħabel bi tlieta?
5 Ikkunsidra l-iskrittura tat-tema għal dan il-kapitlu flimkien mal-kuntest: “Tnejn aħjar minn wieħed, għax jiġu premjati tajjeb għax-xogħol iebes tagħhom. Għax jekk wieħed minnhom jaqaʼ, l-ieħor jistaʼ jqajjem lil sieħbu. Imma wieħed li jkun waħdu, x’jiġrilu jekk jaqaʼ meta ma jkunx hemm min iqajmu? Iktar minn hekk, jekk tnejn jimteddu flimkien jissaħħnu; imma wieħed waħdu kif jistaʼ jżomm sħun? U wieħed li jkun waħdu jistaʼ jingħeleb minn xi ħadd, imma jekk ikunu tnejn flimkien jistgħu jiqfulu. Ħabel bi tlieta ma jinqatax malajr fi tnejn.”—Ekkleżjasti 4:9-12.
6 Primarjament, din is-silta hi dwar il-valur tal-ħbiberija. M’għandniex xi ngħidu, iż-żwieġ jinvolvi waħda mill-iktar ħbiberiji intimi. Bħalma turi l-iskrittura, għaqda bħal din tistaʼ tkun t’għajnuna, taʼ faraġ, u taʼ protezzjoni. Żwieġ ikun b’saħħtu speċjalment jekk ikun iktar minn sempliċement rabta bejn tnejn min-nies. Ħabel bi tnejn, kif jindika dan il-vers, jistaʼ jinqataʼ. Imma tliet ħbula minsuġin jew immaljati flimkien se jkunu iżjed diffiċli biex jinqatgħu. Meta l-interess ewlieni tar-raġel u tal-mara jkun li jogħġbu lil Ġeħova, iż-żwieġ tagħhom ikun bħal dak il-ħabel bi tlieta. Ġeħova huwa parti reali miż-żwieġ, u għalhekk l-għaqda hija b’saħħitha ħafna.
7, 8. (a) Pawlu liema pariri kiteb għal Kristjani mhux miżżewġin li jissieltu b’xewqat sesswali? (b) Il-Bibbja tagħtina liema ħarsa realistika lejn iż-żwieġ?
7 Iż-żwieġ huwa wkoll l-uniku kuntest li fih ix-xewqat sesswali jistgħu jiġu sodisfati b’mod xieraq. B’dan f’moħħna, l-għaqda sesswali bix-xieraq titqies bħala sors taʼ pjaċir. (Proverbji 5:18) Meta xi ħadd mhux miżżewweġ ikun għadda dak li l-Bibbja ssejjaħlu “l-fjur taż-żgħożija”—dak iż-żmien meta t-tqanqil sesswali jkun qawwi ħafna—hu jew hi għandha mnejn tkun għadha tissielet b’xewqat sesswali. Jekk ma jiġux kontrollati, dawn ix-xewqat jistgħu jwasslu għal kondotta mhix nadifa jew mhix xierqa. Pawlu ġie mnebbaħ biex jikteb dan il-parir għal nies mhux miżżewġin: “Jekk m’għandhomx rażna, ħa jiżżewġu, għax aħjar jiżżewġu milli jinħarqu bil-passjoni.”—1 Korintin 7:9, 36; Ġakbu 1:15.
8 Huma x’inhuma r-raġunijiet li jqanqlu lil dak li jkun jiżżewweġ, huwa tajjeb li tkun realistiku. Kif poġġieha Pawlu, dawk li jiżżewġu “jkollhom tribulazzjoni f’laħamhom.” (1 Korintin 7:28) Nies miżżewġin jiffaċċjaw sfidi li dawk li m’humiex miżżewġin ma jiffaċċjawx. Però, jekk tiddeċiedi li tiżżewweġ, kif tistaʼ tnaqqas l-isfidi u żżid il-barkiet? Mod wieħed hu li tagħżel is-sieħeb jew is-sieħba b’mod għaqli.
KIF TISTAʼ TAGĦŻEL SIEĦEB JEW SIEĦBA FIŻ-ŻWIEĠ TAJBA GĦALIK?
9, 10. (a) Pawlu kif ta tixbiha dwar il-periklu li nifformaw rabtiet intimi maʼ wħud li m’humiex taʼ l-istess twemmin? (b) Spiss x’riżultat ikun hemm għal dawk li jinjoraw il-parir t’Alla biex ma jiżżewġux lil xi ħadd li ma jkunx taʼ l-istess twemmin?
9 Pawlu ġie mnebbaħ biex jikteb prinċipju vitali li għandu jintuża meta tagħżel sieħeb jew sieħba fiż-żwieġ: “Tintrabtux taħt madmad li mhux indaqs maʼ dawk li ma jemmnux.” (2 Korintin 6:14) It-tixbiha tiegħu kienet ibbażata fuq fatt mill-ħajja taʼ l-agrikultura. Jekk żewġ annimali li huma differenti ħafna fid-daqs jew fis-saħħa jintrabtu taħt madmad, it-tnejn se jbatu. B’mod simili, jekk wieħed li jemmen u waħda li ma temminx jintrabtu flimkien taħt madmad fiż-żwieġ, żgur li se jiffaċċjaw nuqqas taʼ qbil u tensjoni. Jekk hu jrid jibqaʼ fl-imħabba taʼ Ġeħova u hi ftit li xejn jinteressaha minn dan, il-prijoritajiet tagħhom fil-ħajja mhux se jaqblu, u x’aktarx li se jkun hemm ħafna niket. B’hekk, Pawlu ħeġġeġ lill-Kristjani biex jiżżewġu “biss fil-Mulej.”—1 Korintin 7:39.
10 F’xi każi, Kristjani mhux miżżewġin waslu għall-konklużjoni li rbit f’madmad mhux indaqs ikun aħjar mis-solitudni li jkunu qed iħossu. Xi wħud jiddeċiedu li jinjoraw il-parir tal-Bibbja, u jiżżewġu lil xi ħadd li ma jaqdix lil Ġeħova. Spiss, ir-riżultat ikun taʼ niket. Dawn l-uħud isibu lilhom infushom miżżewġin lil xi ħadd li ma jistgħux jaqsmu magħhom l-iktar affarijiet importanti fil-ħajja. Is-solitudni li dan iġib miegħu tistaʼ tkun ħafna akbar minn dik li esperjenzaw qabel ma żżewġu. B’ferħ, hemm ħafna eluf taʼ Kristjani mhux miżżewġin li jafdaw il-pariri divini f’dan ir-rigward u jżommu magħhom lealment. (Salm 32:8) Għalkemm jittamaw li xi darba jiżżewġu, jibqgħu waħedhom sakemm isibu sieħeb jew sieħba fost dawk li jqimu lil Alla Ġeħova.
11. X’jistaʼ jgħinek tagħżel sieħeb jew sieħba fiż-żwieġ b’mod għaqli? (Ara wkoll il-kaxxa f’paġna 114.)
11 M’għandniex xi ngħidu, mhux kull qaddej taʼ Ġeħova awtomatikament hu sieħeb tajjeb għaż-żwieġ. Jekk qed tikkunsidra ż-żwieġ, fittex lil xi ħadd li l-personalità, il-miri spiritwali, u l-imħabba tiegħu għal Alla huma kompatibbli maʼ tiegħek. Il-klassi taʼ l-ilsir leali tatna ħafna artikli fuq dan is-suġġett, u int tagħmel tajjeb jekk tikkunsidra pariri Skritturali bħal dawn bit-talb, billi tħallihom jiggwidawk f’din id-deċiżjoni importanti.a—Salm 119:105.
12. Liema drawwa rigward iż-żwieġ hija komuni f’ħafna pajjiżi, u liema eżempju Bibliku jagħti xi gwida?
12 F’ħafna pajjiżi, hija d-drawwa li l-ġenituri jagħżlu s-sieħeb jew is-sieħba għal uliedhom. F’dawn il-kulturi, il-maġġuranza jaqblu li l-ġenituri għandhom iktar għerf u esperjenza li huma meħtiġin biex jieħdu deċiżjoni importanti bħal din. Żwiġijiet irranġati spiss jirnexxu, kif ġara fi żminijiet Bibliċi. L-eżempju t’Abraham li bagħat lill-qaddej tiegħu biex isib mara għal Iżakk jistaʼ jkun t’għajnuna għall-ġenituri li forsi jinsabu f’pożizzjoni simili llum. Abraham ma kienx interessat fil-flus u fil-pożizzjoni soċjali. Minflok, għamel ħiltu biex isib mara għal Iżakk minn fost in-nies li kienu jqimu lil Ġeħova.b—Ġenesi 24:3, 67.
KIF TISTAʼ TIPPREPARA GĦAL ŻWIEĠ LI JIRNEXXI?
13-15. (a) Il-prinċipju fi Proverbji 24:27 kif jistaʼ jgħin lil raġel żagħżugħ li qed jaħseb dwar iż-żwieġ? (b) Mara żagħżugħa x’tistaʼ tagħmel biex tipprepara għaż-żwieġ?
13 Jekk qed taħseb bis-serjetà dwar iż-żwieġ, tagħmel tajjeb jekk tistaqsi lilek innifsek, ‘Verament lest jien?’ It-tweġiba ma tiddependix sempliċement minn kif tħossok dwar l-imħabba, is-sess, is-sħubija, jew it-trobbija tat-tfal. Minflok, hemm miri speċifiċi li kull raġel jew mara prospettiva għandha taħseb dwarhom.
14 Raġel żagħżugħ li qed ifittex mara għandu jaħseb bis-serjetà dwar dan il-prinċipju: “Ipprepara xogħlok barra, u ħejjih għalik fl-għalqa. Imbagħad ibni wkoll lil taʼ darek.” (Proverbji 24:27) X’inhu l-punt? F’dak iż-żmien, jekk raġel ried ‘jibni lil dawk taʼ daru,’ jew jistabbilixxi familja billi jiżżewweġ, kellu jistaqsi lilu nnifsu, ‘Lest jien li nieħu ħsieb u nappoġġa lill-mara u kwalunkwe tfal li jistaʼ jkollna?’ L-ewwel kellu jaħdem, billi jieħu ħsieb l-għelieqi, jew l-uċuħ tar-rabaʼ. L-istess prinċipju japplika llum. Raġel li jrid jiżżewweġ għandu bżonn jipprepara għar-responsabbiltà. Sakemm saħħtu tagħtih ikollu jibqaʼ jaħdem. Il-Kelma t’Alla tindika li raġel li ma jiħux ħsieb il-bżonnijiet fiżiċi, emozzjonali, u spiritwali taʼ familtu hu agħar minn wieħed mingħajr fidi!—1 Timotju 5:8.
15 Bl-istess mod, mara li tiddeċiedi li tiżżewweġ tkun qed taċċetta li terfaʼ għadd taʼ responsabbiltajiet kbar. Il-Bibbja tfaħħar uħud mill-abbiltajiet u l-kwalitajiet li mara għandha mnejn ikollha bżonn hekk kif tgħin lil żewġha u tieħu ħsieb dawk taʼ darha. (Proverbji 31:10-31) Irġiel u nisa li jgħaġġlu biex jiżżewġu mingħajr ma jippreparaw biex jerfgħu r-responsabbiltajiet involuti fil-fatt ikunu egoisti, billi jonqsu li jaħsbu dwar x’jistgħu joffru lil sieħeb jew sieħba prospettiva. Però, fuq kollox, dawk li jixtiequ jiżżewġu jridu jkunu preparati spiritwalment.
16, 17. Dawk li qed jippreparaw biex jiżżewġu għandhom jimmeditaw fuq liema prinċipji Skritturali?
16 Il-preparazzjoni għaż-żwieġ tinvolvi meditazzjoni fuq l-irwoli li Alla ta lir-raġel u lill-mara. Raġel irid ikun jaf xi jfisser li tkun kap taʼ familja Kristjana. Dan l-irwol mhux liċenzja biex jagħmilha taʼ tirann. Minflok, għandu jimita l-mod kif Ġesù jeżerċita l-istat taʼ kap. (Efesin 5:23) Bl-istess mod, mara Kristjana għandha bżonn tifhem l-irwol dinjituż tal-mara. Se tkun lesta tissottometti ruħha għal-“liġi taʼ żewġha”? (Rumani 7:2) Hi diġà qiegħda taħt il-liġi taʼ Ġeħova u taʼ Kristu. (Galatin 6:2) L-awtorità taʼ żewġha fid-dar tirrappreżenta liġi oħra. Tistaʼ hi tappoġġa u tissottometti ruħha għall-awtorità taʼ raġel imperfett? Jekk dan il-prospett ma jdoqqilhiex, tagħmel tajjeb li ma tiżżewwiġx.
17 Iżjed minn hekk, kull sieħeb u sieħba jridu jkunu lesti biex jieħdu ħsieb il-bżonnijiet speċjali taʼ xulxin. (Filippin 2:4) Pawlu kiteb: “Kull wieħed minnkom għandu jħobb lil martu bħalu nnifsu; mill-banda l-oħra, il-mara għandu jkollha rispett profond lejn żewġha.” Taħt ispirazzjoni divina, Pawlu ra li r-raġel għandu bżonn speċjali biex iħoss ir-rispett profond taʼ martu għalih. U l-mara għandha bżonn speċjali biex tħossha maħbuba minn żewġha.—Efesin 5:21-33.
18. Il-koppji għala għandhom jeżerċitaw ir-rażna matul l-għerusija?
18 Għalhekk, l-għerusija m’hijiex sempliċement żmien taʼ divertiment. Hija żmien biex raġel u mara jitgħallmu kif għandhom jittrattaw lil xulxin b’mod xieraq, biex jaraw jekk iż-żwieġ ikunx għażla għaqlija. Hija żmien ukoll li jeżerċitaw ir-rażna! It-tentazzjoni li jsiru intimi fiżikament tistaʼ tkun b’saħħitha ħafna—wara kollox, il-ġibda hija naturali. Madankollu, dawk li tassew iħobbu lil xulxin se jevitaw kwalunkwe att li jistaʼ jweġġaʼ lil xi maħbub spiritwalment. (1 Tessalonikin 4:6) Għalhekk, jekk intom għarajjes, eżerċitaw ir-rażna; tistgħu tibbenefikaw minn din il-kwalità tul ħajjitkom, kemm jekk tiżżewġu u kemm jekk le.
KIF TISTAʼ TAGĦMEL IŻ-ŻWIEĠ WIEĦED DEJJIEMI?
19, 20. Il-ħarsa taʼ Kristjan lejn iż-żwieġ kif għandha tkun differenti minn dik taʼ ħafna fid-dinja llum? Agħti tixbiha.
19 Jekk koppja jridu li ż-żwieġ ikun wieħed dejjiemi, irid ikollhom ħarsa xierqa taʼ x’inhi rabta. Fil-kotba u l-films, iż-żwieġ spiss ikollu tmiem hieni li n-nies jixxennqu għalih. Però, fil-ħajja reali, iż-żwieġ m’huwiex tmiem; huwa bidu—il-bidu taʼ xi ħaġa li Ġeħova ddisinja biex tkun dejjiema. (Ġenesi 2:24) B’dispjaċir, din m’hijiex il-ħarsa komuni fid-dinja taʼ llum. F’xi kulturi, in-nies jitkellmu dwar iż-żwieġ bħala rabta ċoff. Għandhom mnejn ma jirrealizzawx kemm dan jiddeskrivi tajjeb il-ħarsa komuni lejn iż-żwieġ. Kif? Filwaqt li rabta tajba għandha tibqaʼ soda sakemm hemm bżonn, ħtieġa importanti oħra hi li tistaʼ tintrabat u tinħall faċilment.
20 Ħafna llum iqisu ż-żwieġ bħala xi ħaġa temporanja. Lesti li jidħlu għalih għax jaħsbu li se jissodisfa l-bżonnijiet tagħhom, imma jistennew li jistgħu jtemmu ż-żwieġ malli jidher li se jkun taʼ sfida. Però, ftakar fit-tixbiha li tuża l-Bibbja għal rabta bħal dik fiż-żwieġ—il-ħabel. Ħbula magħmulin għal vapuri li jbaħħru huma disinjati biex jibqgħu sodi, biex qatt ma jiżżarrtu jew jinħallu, saħansitra fl-iktar maltempata qalila. Bl-istess mod, iż-żwieġ hu disinjat biex idum. Ftakar, Ġesù qal: “Dak li Alla għaqqad flimkien ħa ma jifirdu ebda bniedem.” (Mattew 19:6) Jekk tiżżewweġ, irid ikollok l-istess ħarsa lejn iż-żwieġ. Rabta bħal din tbiddel iż-żwieġ f’toqol? Le.
21. Raġel u mara għandhom bżonn iżommu liema attitudni lejn xulxin, u x’jistaʼ jgħinhom jagħmlu dan?
21 Raġel u mara jridu jżommu ħarsa xierqa lejn xulxin. Jekk kull wieħed jistinka biex jiffoka fuq il-kwalitajiet tajbin u l-isforzi taʼ l-ieħor, iż-żwieġ se jkun sors taʼ ferħ u serħan. Huwa realistiku li jkollna ħarsa daqstant pożittiva lejn sieħeb jew sieħba imperfetta? Ġeħova dejjem hu realistiku, però huwa importanti għalina li jkollu ħarsa pożittiva lejna. Is-salmista staqsa: “Kieku int toqgħod għassa għall-iżbalji, O Jah, O Ġeħova, min jistaʼ jżomm wieqaf?” (Salm 130:3) Irġiel u nisa miżżewġin jeħtieġ li jkollhom ħarsa pożittiva bħal din u li jaħfru lil xulxin.—Kolossin 3:13.
22, 23. Abraham u Sara kif ħallew eżempju tajjeb għal nies miżżewġin illum?
22 Iż-żwieġ jistaʼ jsir saħansitra barka akbar hekk kif jibqaʼ sħiħ matul is-snin. Il-Bibbja turina ż-żwieġ t’Abraham u Sara meta kienu koppja mdaħħlin fiż-żmien. Ħajjithom ċertament ma kinitx ħielsa mit-tbatijiet u l-isfidi. Immaġina kif ħassitha Sara, mara x’aktarx madwar is-60 sena, meta ġiet biex titlaq id-dar komda tagħha fil-belt prospera taʼ Ur u tmur tgħix fit-tined għall-kumplament taʼ ħajjitha. Madankollu, hi ssottomettiet ruħha għall-istat taʼ kap taʼ żewġha. Bħala sieħba li taqbel m’Abraham u ajjutanta tiegħu, hi b’rispett għenet biex id-deċiżjonijiet tiegħu jaħdmu. U s-sottomissjoni tagħha ma kinitx superfiċjali. Saħansitra “f’qalbha” rreferiet għal żewġha bħala sidha. (Ġenesi 18:12; 1 Pietru 3:6) Ir-rispett tagħha lejn Abraham ġie mill-qalb.
23 M’għandniex xi ngħidu, dan ma jfissirx li Abraham u Sara dejjem qiesu l-affarijiet bl-istess mod. Darba hi għamlet suġġeriment li ‘m’għoġbu xejn’ lil Abraham. Xorta waħda, bid-direzzjoni taʼ Ġeħova, Abraham bl-umiltà semaʼ minn martu, u dan wassal għall-barka fil-familja. (Ġenesi 21:9-13) L-irġiel u n-nisa miżżewġin illum, saħansitra dawk li ilhom għaxriet taʼ snin, jistgħu jitgħallmu ħafna minn din il-koppja li kellhom il-biżaʼ t’Alla.
24. Liema żwiġijiet jirriflettu tajjeb fuq Alla Ġeħova, u għala?
24 Fil-kongregazzjoni Kristjana, hemm ħafna eluf taʼ żwiġijiet henjin—żwiġijiet li fihom il-mara tirrispetta lil żewġha profondament, ir-raġel iħobb u jonora lil martu, u t-tnejn jaħdmu flimkien biex ir-rieda taʼ Ġeħova tiġi qabel kollox. Jekk tiddeċiedi li tiżżewweġ, jalla tagħżel lis-sieħeb jew lis-sieħba b’mod għaqli, tipprepara sew għaż-żwieġ, u taħdem biex ikollok żwieġ taʼ paċi u taʼ mħabba li jġib unur lil Alla Ġeħova. F’dan il-każ, iż-żwieġ tiegħek żgur se jgħinek tibqaʼ fl-imħabba t’Alla.
[Noti taʼ taħt]
a Ara kapitlu 2 tal-ktieb Is-Sigriet taʼ l-Hena fil-Familja, pubblikat mix-Xhieda taʼ Ġeħova.
b Xi patrijarki leali kellhom iktar minn mara waħda. Meta Ġeħova ttratta mal-patrijarki u maʼ Israel bħala ġens, hu ttollera l-prattika tal-poligamija. Hu ma stabbiliex din il-prattika, imma kkontrollaha. Madankollu, il-Kristjani jżommu f’moħħhom li Ġeħova m’għadux jippermetti l-poligamija fost l-aduraturi tiegħu.—Mattew 19:9; 1 Timotju 3:2.
[Kaxxa/Stampi f’paġna 114]
X’QED INFITTEX FIS-SIEĦEB JEW IS-SIEĦBA?
Prinċipju: “It-tnejn ikunu ġisem wieħed.” —Mattew 19:5.
Xi mistoqsijiet biex tistaqsi lilek innifsek
▪ Għala huwa importanti li ‘tgħaddi l-fjur taż-żgħożija’ qabel ma tiżżewweġ?—1 Korintin 7:36; 13:11; Mattew 19:4, 5.
▪ Għalkemm jien kbir biżżejjed biex niżżewweġ, kif nistaʼ nibbenefika billi nibqaʼ ma niżżewwiġx għal xi żmien?—1 Korintin 7: 32-34, 37, 38.
▪ Jekk nagħżel li niżżewweġ, għala huwa importanti li s-sieħeb jew is-sieħba prospettiva tiegħi jkollha rekord taʼ servizz leali lejn Ġeħova?—1 Korintin 7:39.
▪ L-iskritturi li ġejjin kif jistgħu jgħinu lil oħt tidentifika l-kwalitajiet meħtiġin f’sieħeb?—Salm 119:97; 1 Timotju 3:1-7.
▪ Proverbji 31:10-31 kif jistaʼ jgħin lil ħu jagħżel sieħba fiż-żwieġ b’mod għaqli?
[Stampa f’paġna 119]
B’għaqal, ħafna koppji jieħdu ħsieb li jkollhom lil xi ħadd ieħor magħhom waqt l-għerusija